European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2468

4.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2468

tat-13 ta’ Novembru 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar żona sanitarja u fitosanitarja komuni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fir-rigward tal-Gran Brittanja u biex jiġu kkollegati s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tar-Renju Unit u tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) (1), ilu japplika mill-1 ta' Jannar 2021. Flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) (2), huwa l-pedament tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-“Renju Unit”).

(2)

Fil-31 ta' Diċembru 2020, meta l-perjodu ta' tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ intemm, id-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit, u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq (issa msejjaħ il-“Qafas ta’ Windsor”) (3), li huwa parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, beda japplika.

(3)

Mill-1 ta' Jannar 2021, iż-żoni sanitarji u fitosanitarji tal-Unjoni, minn naħa, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, ġew separati minn xulxin, u għalhekk japplikaw leġiżlazzjoni u politiki separati. Madankollu, ir-regoli sanitarji u fitosanitarji tal-Unjoni u regoli rilevanti oħra japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq bis-saħħa tal-Qafas ta' Windsor.

(4)

Mill-1 ta' Jannar 2021, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom sistemi separati għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, ħlief fl-Irlanda ta' Fuq, fejn tapplika s-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra sa fejn din hi marbuta mas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa f'konformità mal-Artikolu 9 u l-Anness 4 tal-Qafas ta' Windsor.

(5)

L-Artikolu 764 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tikkostitwixxi element essenzjali tas-sħubija stabbilita mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u għandha tikkostitwixxi element essenzjali ta’ ftehimiet supplimentari futuri.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 392(6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jikkunsidraw serjament li jikkollegaw is-sistemi tal-ipprezzar tal-karbonju rispettivi tagħhom b'mod li jippreserva l-integrità ta' dawk is-sistemi u jipprevedi l-possibbiltà li tiżdied l-effettività tagħhom.

(7)

L-Artikolu 25(1a) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi terzi għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwoti bejn is-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

(8)

Id-Direttiva 2003/87/KE tirrikjedi li kwalunkwe sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' pajjiżi terzi bħal din tkun obbligatorja u bbażata fuq limiti assoluti tal-emissjonijiet. Dawk il-kriterji bħalissa huma sodisfatti mis-sistema tar-Renju Unit għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 2(4) u (6) tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), dak ir-Regolament ma għandux japplika għal merkanzija li toriġina minn pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim li jikkollega bis-sħiħ is-sistema tal-Unjoni għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u s-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' dak il-pajjiż terz u li jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha.

(10)

Bħala parti mill-eżitu tas-summit bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Mejju 2025, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li jinfetħu negozjati mar-Renju Unit għal ftehimiet dwar żona sanitarja u fitosanitarja komuni u dwar il-kollegament tas-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tar-Renju Unit u tal-Unjoni.

(11)

Għaldaqstant jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi żewġ ftehimiet separati mar-Renju Unit: wieħed dwar żona sanitarja u fitosanitarja komuni u ieħor biex jiġu kollegati s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tar-Renju Unit u tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnominata n-negozjatur tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata li tinnegozja l-ftehmiet li ġejjin, f'isem l-Unjoni, mar-Renju Unit:

(a)

ftehim dwar żona sanitarja u fitosanitarja komuni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward tal-Gran Brittanja; u

(b)

ftehim biex jiġu kollegati s-sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tar-Renju Unit u tal-Unjoni.

2.   In-negozjati għandhom isiru fuq il-bażi tad-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-Addendum ta' din id-Deċiżjoni, soġġetti għal kwalunkwe direttiva li l-Kunsill jista' sussegwentement joħroġ lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b'dan innominata n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Renju Unit, li jaġixxi bħala kumitat speċjali f'konformità mal-Artikolu 218(4) tat-Trattat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign.

(3)  Il-Qafas ta’ Windsor huwa l-mod il-ġdid kif jissejjaħ il-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).

(4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2468/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)