European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2467

8.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2467

tal-1 ta’ Diċembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-emenda tal-Anness tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (1) (it-“TKT”) ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (2). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

(2)

Il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport stabbilit mit-TKT (il-“Kumitat ta’ Tmexxija”) ġie stabbilit sabiex jiżgura l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tat-TKT.

(3)

Skont l-Artikolu 30 tat-TKT, il-Kumitat tat-Tmexxija huwa kompetenti biex jistabbilixxi r-regoli tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport (is-“Segretarjat Permanenti”). Skont l-Artikolu 35 tat-TKT, il-Kumitat tat-Tmexxija għandu s-setgħa li jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport u r-regoli ta’ governanza finanzjarja relatati.

(4)

Il-Kumitat tat-Tmexxija, matul il-laqgħa tiegħu li ser issir fl-4 ta’ Diċembru 2025, għandu jadotta deċiżjoni li temenda r-regoli li japplikaw għas-Segretarjat Permanenti meta jakkwista oġġetti, xogħlijiet jew servizzi f’ismu stess, kif stabbilit fl-Anness tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar il-proċedura riveduta għall-implimentazzjoni tal-baġit u l-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet, applikabbli għall-Komunità tat-Trasport (id-“Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat tat-Tmexxija”).

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tat-Tmexxija minħabba li d-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat ser ikollha effetti legali.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, peress li ser jissimplifika r-regoli attwali li jirregolaw l-akkwist mis-Segretarjat Permanenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi sempliċi u ta’ valur baxx, li huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq kontinwu tas-Segretarjat Permanenti.

(7)

Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Tmexxija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport stabbilit bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (il-“Kumitat ta’ Tmexxija”) rigward l-emenda tal-Anness tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat ta’ Tmexxija, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Bidliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 278, 27.10.2017, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2017/1937/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/392/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 2025/… TAL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

ta’ …

li temenda l-Anness tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport

IL-KUMITAT TAT-TMEXXIJA REĠJONALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 35 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar il-proċedura riveduta għall-implimentazzjoni tal-baġit u l-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet, applikabbli għall-Komunità tat-Trasport,

Billi:

(1)

L-Anness eżistenti tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport ma jindirizzax b’mod espliċitu każijiet fejn dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-akkwist ta’ oġġetti, xogħlijiet jew servizzi jkunu assenti jew mhux speċifiċi.

(2)

Il-proċeduri ta’ akkwist għal ċerti oġġetti u servizzi sempliċi u ta’ valur baxx jeħtieġu qafas aktar sempliċi u effiċjenti biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

(3)

Huwa imperattiv li jissaħħaħ il-qafas tal-akkwist biex ikun hemm eżekuzzjoni aktar faċli tal-proċeduri tal-akkwist skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività, it-trasparenza u t-trattament ugwali fil-proċess tal-akkwist,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regoli Finanzjarji u l-Proċeduri tal-Awditjar applikabbli għall-Komunità tat-Trasport, adottati skont id-Deċiżjoni Nru 2022/02 tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport, huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Taqsima 3, jiżdied il-punt li ġej:

“4.2

Proċedura ta’ akkwist simplifikata għal oġġetti u servizzi ta’ valur baxx

Għall-akkwist ta’ servizzi u provvisti sempliċi, diretti u ta’ rutina, inkluż iżda mhux limitat għall-kiri ta’ post, is-servizzi ta’ ristoranti, it-traduzzjoni, il-kiri ta’ tagħmir u x-xiri ta’ oġġetti, fejn il-volum u l-ħin preċiżi tal-konsenja jistgħu jiġu definiti mill-bidu nett u fejn il-valur totali stmat ma jaqbiżx l-EUR 20 000 (minbarra l-VAT), għandha tapplika proċedura ta’ akkwist simplifikata.

Din il-proċedura għandha tikkonsisti minn:

(a)

il-ġbir ta’ mill-inqas tliet offerti minn fornituri eliġibbli;

(b)

l-evalwazzjoni tal-offerti abbażi ta’ fatturi ewlenin bħall-prezz u l-kapaċità li jiġu pprovduti s-servizzi jew il-provvisti;

(c)

l-għoti tal-kuntratt u l-finalizzazzjoni tiegħu permezz ta’ ordni ta’ xiri jew kuntratt dirett simplifikat.

Din il-proċedura simplifikata għandha tiżgura konsultazzjoni adegwata tas-suq, filwaqt li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi. Għandu jinżamm rekord tal-offerti miġbura u tal-proċess ta’ evalwazzjoni sabiex ikun jista’ jsir rekord xieraq tal-awditjar u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess”

;

(2)

tiżdied it-taqsima li ġejja:

“5.   Taqsima 4

5.1

F’każijiet fejn dan l-Anness ma jkunx fih dispożizzjonijiet espliċiti, għandhom japplikaw ir-regoli u l-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (2), bl-adattamenti neċessarji.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, fi … 2025

Għall-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali

Il-President


(1)   ĠU UE L 278, 27.10.2017, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2017/1937/oj.

(2)   ĠU UE L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2467/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)