European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2459

4.12.2025

DIRETTIVA (UE) 2025/2459 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Direttiva 1999/62/KE fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu li fih il-vetturi tqal b’emissjonijiet żero jistgħu jibbenefikaw minn rati mnaqqsa b’mod sinifikanti ta’ tariffi għall-infrastruttura jew għall-utent jew minn eżenzjonijiet milli jitħallsu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Iċ-ċifri tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi tqal b’emissjonijiet żero ġodda fl-Unjoni reċentement żdiedu iżda għadhom baxxi wisq biex jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tas-settur tat-trasport stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti - inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”. Wieħed mill-ostakli ewlenin għall-użu usa’ ta’ vetturi tqal b’emissjonijiet żero huwa l-kost inizjali għoli tal-akkwist ta’ tali vettura. L-iżgurar ta’ argument għall-vijabbiltà aktar b’saħħtu għall-investiment f’vetturi b’emissjonijiet żero jfisser ħidma lejn il-parità tal-kostijiet mal-vetturi konvenzjonali. Il-kost totali tas-sjieda jikkonsisti fl-investiment bil-quddiem li jsir biex tiġi akkwistata l-vettura u l-kostijiet operatorji mġarrba matul il-ħajja tal-vettura. Id-distakk fil-kost totali tas-sjieda bejn il-vetturi konvenzjonali u dawk b’emissjonijiet żero jista’ jitnaqqas billi jitnaqqsu l-kostijiet operatorji tal-vetturi b’emissjonijiet żero. Dawk il-kostijiet jinkludu t-tariffi għall-użu tat-triq.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emendat id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) billi, fost bidliet oħra, għamlitha possibbli li jiġu stabbiliti tariffi għall-użu tat-triq skont l-emissjonijiet tas-CO2 tal-vetturi. Hija introduċiet il-possibbiltà li jiġu varjati t-tariffi għall-infrastruttura u għall-utent u/jew li jiġu internalizzati l-kostijiet esterni tal-emissjonijiet tas-CO2. Iż-żewġ miżuri jaffettwaw il-kostijiet operatorji tal-vetturi. Il-varjazzjoni tat-tariffi tnaqqas il-kostijiet operatorji ta’ vetturi li jniġġsu inqas, filwaqt li t-tariffi għall-kostijiet esterni jżidu l-kostijiet operatorji ta’ vetturi li jniġġsu aktar. Iż-żewġ miżuri jnaqqsu d-distakk fil-kost totali tas-sjieda bejn il-vetturi b’emissjonijiet żero u dawk konvenzjonali. Iż-żewġ miżuri huma importanti biex jissaħħaħ l-argument għall-vijabbiltà għall-investiment f’vetturi b’emissjonijiet żero.

(3)

L-Artikolu 7ga (1), il-ħames subparagrafu, tad-Direttiva 1999/62/KE attwalment jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ tariffi għall-infrastruttura jew għall-utent mingħajr ma jqiegħdu ebda limitu massimu fuq tali tnaqqis, jew li jiġu applikati eżenzjonijiet sħaħ minn tali tariffi, sal-31 ta’ Diċembru 2025. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu id-Direttiva (UE) 2022/362, fil-liġijiet nazzjonali sal-25 ta’ Marzu 2024. Dik l-iskadenza għat-traspożizzjoni timplika perjodu ta’ implimentazzjoni qasir ħafna ta’ inqas minn sentejn, li huwa qasir wisq biex tiġi inċentivata biżżejjed id-domanda għal vetturi tqal b’emissjonijiet żero ġodda. Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu ta’ implimentazzjoni jiġi estiż sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-użu usa’ ta’ vetturi b’emissjonijiet żero.

(4)

Il-varjazzjoni tat-tariffi għall-użu tat-triq taffettwa d-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-operaturi tat-trasport li jakkwistaw vettura ġdida. Għalhekk għandha effett fuq in-naħa tad-domanda tas-suq għal vetturi tqal ġodda. Il-manifatturi tal-vetturi tqal jikkostitwixxu n-naħa tal-provvista tal-istess suq. Dawn għandhom mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ 43 % sal-2030, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Filwaqt li l-vetturi konvenzjonali effiċjenti jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta’ dik il-mira, huwa meħtieġ l-użu usa’ ta’ vetturi b’emissjonijiet żero sabiex din tintlaħaq. L-ewwel sena meta l-manifatturi jridu jilħqu dik il-mira hija l-perjodu ta’ rapportar 2030, bi skadenza tat-30 ta’ Ġunju 2031.

(5)

Biex jiġi żgurat qafas legali ċar u koerenti u biex il-kumpaniji tal-Unjoni fis-settur awtomobilistiku jiġu appoġġati fil-kisba tal-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, jenħtieġ li jiġi allinjat iż-żmien tal-miżuri fuq in-naħa tad-domanda u tal-provvista tas-suq tal-vetturi tqal. Għalhekk, id-data sa meta huwa possibbli għall-Istati Membri li japplikaw rati mnaqqsa b’mod sinifikanti ta’ tariffi għall-infrastruttura jew għall-utenti jew li jeżentaw vetturi b’emissjonijiet żero minn tali tariffi jenħtieġ li tiġi posposta għat-30 ta’ Ġunju 2031.

(6)

In-natura fakultattiva tad-dispożizzjoni emendata tfisser li l-Istati Membri mhumiex obbligati jittrasponu din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni jekk jużaw l-opzjoni li jagħtu lil vetturi b’emissjonijiet żero rati mnaqqsa b’mod sinifikanti ta’ tariffi għall-infrastruttura u għall-utent jew eżenzjonijiet biex iħallsuhom wara l-31 ta’ Diċembru 2025,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7ga(1), il-ħames subparagrafu, tad-Direttiva 1999/62/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bi “30 ta’ Ġunju 2031”, u d-data “1 ta’ Jannar 2026” hija sostitwita bi “1 ta’ Lulju 2031”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skont din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Opinjoni tat-18 ta’ Settembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2025.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2022/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/362/oj).

(4)  Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu tal-infrastrutturi tat-toroq (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/62/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1242/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2459/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)