European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2454

2.12.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/2454

tal-1 ta’ Diċembru 2025

li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2026 u li jemenda r-Regolament (UE) 2025/202 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd f’ilmijiet oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż ċerti kundizzjonijiet marbuta funzjonalment mal-opportunitajiet tas-sajd. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu ffissati f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) stipulati fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu allokati bejn l-Istati Membri b’tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk jew tip ta’ sajd.

(2)

Jenħtieġ għalhekk li l-qabdiet totali permissibbli (TAC) jiġu stabbiliti, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi u jiġi żgurat ukoll trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, u fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw (Gadus morhua), l-aringi (Clupea harengus) u l-laċċ ikħal (Sprattus sprattus) fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. F’konformità mal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament, dak il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-PKS. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Il-pjan għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali, u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dawn l-objettivi, kif speċifikat ulterjorment fl-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jinkludu kundizzjonijiet mogħtija lil industrija tas-sajd, tal-qbid u tal-ipproċessar biex tkun vijabbli u kompetittiva u għal attivitajiet relatati mas-sajd u bbażati fuq l-art. Barra dan, għandhom l-għan li jiżguraw standard tal-għajxien ġust għal dawk dipendenti fuq l-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari meta jitqiesu s-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi.

(4)

Fit-28 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ippubblika l-parir dwar l-istokkijiet annwali tiegħu għall-istokkijiet tal-Baltiku għall-2026. Għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-ICES sempliċiment ħareġ mill-ġdid il-parir tiegħu mogħti preċedentement għall-2025. Skont l-ICES, il-biċċa l-kbira tas-sajd fil-Baħar Baltiku għandu mill-anqas ċertu grad ta’ taħlit bejn l-istokkijiet. Dak it-taħlit jikkonċerna kemm stokkijiet ġestiti minn TAC kif ukoll stokkijiet mhux ġestiti minn TAC. L-aktar grad importanti ta’ taħlit iseħħ fost l-ispeċijiet pelaġiċi u l-ispeċijiet demersali.

(5)

Għall-2026, l-ICES jagħti l-parir ta’ qabdiet żero għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tal-Punent, u għas-salamun (Salmo salar) fis-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES (“salamun fil-baċir ewlieni”). Il-bakkaljaw jinqabad b’mod aċċessorju fis-sajd kollu, l-aringa tal-Punent tinqabad b’mod aċċessorju fis-sajd dirett għal-laċċa kaħla, u s-salamun fil-baċir ewlieni jinqabad b’mod aċċessorju f’diversi sajd. Għalhekk, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet kienu stabbiliti fil-livelli rrakkomandati mill-ICES, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha ta’ dawk l-istokkijiet, inkluż il-qabdiet aċċessorji tagħhom fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu tal-ispeċijiet bi kwota limitanti. “Speċijiet bi kwota limitanti” huma speċijiet b’nuqqas ta’ kwota li tista’ twassal biex bastiment tas-sajd wieħed jew diversi bastiment tas-sajd jieqfu jistadu anke jekk xorta jkun baqgħalhom kwota għal speċijiet oħrajn. Sitwazzjoni ta’ kwoti limitanti taffettwa b’mod partikolari l-bastimenti li jistadu għall-pixxiċatt u għall-ispeċijiet pelaġiċi, u potenzjalment iġġegħilhom iwaqqfu l-operazzjonijiet tas-sajd fl-2026 u twassal għal għeluq prematur ta’ dak is-sajd. Abbażi tad-data mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura, l-istima tal-valur tal-ewwel bejgħ għas-sajd tal-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa), tal-laċċa kaħla u tal-aringa rilevanti li jistgħu jinqabdu fil-limiti tat-TACs u li mistennija jinqabdu fiż-żona tas-sajd rispettiva rilevanti hija ta’ EUR 25 300 000, EUR 55 700 000 u EUR 43 400 000, rispettivament. Ħafna mis-sajd, b’mod partikolari s-sajd kostali fuq skala żgħira għal speċijiet mhux ġestiti minn TAC, ikun jeħtieġ ukoll il-waqfien tal-operazzjonijiet tas-sajd fl-2026. Sabiex jinkiseb bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, minħabba l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi jekk dan ma jinstabx u tal-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, u filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd għall-istokkijiet kollha f’sajd imħallat b’MSY, jixraq li t-TACs jinżammu esklużivament għal qabdiet aċċessorji inevitabbli għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tal-Punent, u għas-salamun fil-baċir ewlieni.

(6)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-ICES ta l-parir ta’ qabdiet żero għal dak l-istokk sa mill-2019. Peress li l-istokk għadu fl-istess stat kritiku l-ICES reġa’ ħareġ għall-2026 il-parir tiegħu mogħti preċedentement għall-2025, li fih l-ICES wera fiduċja dwar ix-xejriet fil-bijomassa tal-istokk u l-bijomassa kienet għadha ferm taħt il-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni (Blim), li taħtu jista’ jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jixraq li jiġi sospiż is-sajd dirett, u li jiġu adottati miżuri rimedjali marbuta funzjonalment. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx sabiex jiġu evitati l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment severi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.

(7)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, wara li ta l-parir ta’ livell baxx ta’ qabdiet għal diversi snin, l-ICES ta l-parir ta’ qabdiet żero għall-2026 minħabba li l-istima tal-bijomassa tal-istokk tinsab taħt il-Blim fl-2025 u li mhux ser tirkupra ’l fuq mill-Blim fl-2027. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jixraq li jiġi sospiż is-sajd dirett u li jiġu adottati miżuri rimedjali marbuta funzjonalment. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx biex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.

(8)

Fir-rigward tas-salamun fil-baċir ewlieni, l-ICES żamm il-parir tiegħu ta’ ebda qbid, waqt li għall-2026, qies il-possibbiltà li sajd kostali kummerċjali u rikreattiv dirett jibqa’ jsir fis-sajf fiż-żona lejn it-Tramuntana tal-latitudni 59o 30′ N (is-suddiviżjonijiet tal-ICES minn 29 fit-Tramuntana sa 31). L-ICES naqqas ukoll il-parir dwar qabdiet tiegħu meta mqabbel mal-2025 minħabba inċertezzi addizzjonali dwar l-abbundanza tas-salamun fil-baċir ewlieni fix-xmara tas-salamun fil-baċir ewlieni l-aktar importanti. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jixraq li jiġi stabbilit il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd u ż-żona u l-perjodu tas-sajd f’konformità mal-parir tal-ICES, u li jinżammu l-miżuri rimedjali marbuta funzjonalment.

(9)

Sabiex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd kostali għas-salamun fis-suddiviżjoni 32 tal-ICES, jixraq li tiġi permessa l-flessibbiltà limitata bejn iż-żoni għas-salamun bejn is-suddiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES u s-suddiviżjoni 32 tal-ICES.

(10)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju li s-salamun jiġi rrapportat ħażin bħala trota tal-baħar fis-sajd għas-salamun, jixraq li s-sajd għat-trota tal-baħar jiġi pprojbit lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi, u li l-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar jiġu limitati għal 3 % tal-qabda kombinata tat-trota tal-baħar u tas-salamun.

(11)

Jenħtieġ li l-miżuri dwar is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw u tas-salamun fil-baċir ewlieni u l-miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun ikunu mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti adottati f’konformità mal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(12)

Fir-rigward tal-aringa fil-Golf tal-Botnja, l-ICES jistma li l-bijomassa kompliet tonqos u issa tinsab fin-nofs bejn il-Blim u l-punt ta’ referenza dwar konservazzjoni (MSY Btrigger), li taħtu għandhom jittieħdu miżuri rimedjali xierqa biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY. L-ICES isemmi wkoll inċertezzi fl-istima tal-gruppi ta’ età żgħira u tal-piż skont l-età. Barra minn hekk, l-ICES ikompli jinnota li l-proporzjon ta’ individwi akbar fl-età fil-popolazzjoni x’aktarx li ma jiżdiedx jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti fil-valur tal-punt FMSY. Barra dan, l-ICES jinnota li l-istokk x’aktarx huwa vulnerabbli għat-telf tad-diversità ġenetika. Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd skont dan u jiġi stabbilit perjodu ta’ għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv bħala miżura rimedjali marbuta funzjonalment.

(13)

Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent, l-ICES jagħti l-parir ta’ qabdiet żero għal dak l-istokk għat-tmien sena konsekuttiva. Kif kien il-każ fl-2024, l-ICES irreveda l-istimi tal-bijomassa ’l isfel għas-snin preċedenti u jistma li l-bijomassa hija biss 52 % tal-Blim fl-2025, anke jekk din żdiedet kontinwament mill-2021. Barra dan, ir-reklutaġġ għadu f’livelli storikament baxxi u l-bijomassa ma hijiex mistennija tirkupra ’l fuq mill-Blim fl-2027. F’konformità mal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ ukoll li l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jiġu stabbiliti f’livell baxx sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti għal żero.

(14)

Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku ċentrali, l-ICES jistma li l-istokk kien taħt il-Blim għall-biċċa l-kbira ta’ dawn l-aħħar 30 sena. L-ICES jistma li, minħabba żieda fil-piż skont l-età u reklutaġġ aktar b’saħħtu fl-2022, l-istokk ilu ’l fuq mill-Blim mill-2024, iżda għadu ferm taħt l-MSY Btrigger. L-ICES jistma li r-reklutaġġ fl-2024 u fl-2025 jista’ jkun b’saħħtu, iżda jissottolinja li dawn l-istimi huma inċerti. Ir-reklutaġġ fl-2023 huwa taħt il-medja. Barra minn hekk, l-ICES ifakkar li r-rapportar ħażin kontinwu tal-ispeċijiet qed iżid l-inċertezza tal-parir. Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd skont dan u jiġi stabbilit perjodu ta’ għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv bħala miżura rimedjali marbuta funzjonalment.

(15)

Fir-rigward tal-aringa fil-Golf ta’ Riga u l-barbun tat-tbajja’, l-ICES jistma li l-bijomassa hija ’l fuq mill-MSY Btrigger u li l-pressjoni tas-sajd hija taħt l-FMSY. Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont dan.

(16)

Fir-rigward tal-laċċa kaħla, l-ICES jistma li, filwaqt li l-bijomassa għadha ’l fuq mill-MSY Btrigger, il-bijomassa kompliet tonqos minħabba reklutaġġ storikament baxx konfermat mill-2021 sal-2023. Il-bijomassa fl-2025 hija stmata li ser tkun fl-aktar livell baxx tagħha mill-1990, u qrib l-MSY Btrigger. L-ICES jistma li r-reklutaġġ fl-2024 seta’ kien eċċezzjonalment għoli, iżda jissottolinja li l-istima hija inċerta u li jista’ jkun li l-probabbiltà li l-bijomassa tkun taħt il-punti ta’ referenza dwar konservazzjoni hija ssottovalutata. Barra minn hekk, l-ICES ifakkar li r-rapportar ħażin li għadu jsir għall-ispeċijiet qed iżid l-inċertezza tal-parir. Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1139, jixraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd skont dan u li jinżamm perjodu ta’ għeluq ta’ 3 xhur fiż-żmien riproduttiv.

(17)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f’dan ir-Regolament ser ikun immonitorjat u kkontrollat f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3), b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 34 tiegħu, li jikkonċerna r-reġistrazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u n-notifika ta’ data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kodiċijiet użati mill-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar ħatt l-art tal-istokkijiet koperti b’dan ir-Regolament.

(18)

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (4) jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għal kwoti ta’ stokkijiet soġġetti kemm għal TACs prekawzjonarji kif ukoll għal dawk analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiffissa t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi l-istokkijiet li għalihom ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tapplikax b’mod kumulattiv. Jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta rilevanti, tiġi eskluża abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.

(19)

Il-bijomassa tal-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent tinsab taħt il-Blim. Għal dawn l-istokkijiet kollha, fl-2026, jenħtieġ li jiġu permessi biss il-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku. Għalhekk, u minħabba r-reżiljenza relattivament baxxa tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku, l-Istati Membri li għandhom sehem mill-kwota tat-TACs rispettivi ħadu l-impenn li fl-2026 ma japplikawx il-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal dawk l-istokkijiet sabiex il-qabdiet fl-2026, ma jaqbżux it-TACs rispettivi. Barra dan, fin-Nofsinhar tal-latitudni 59o 30′ N, il-bijomassa ta’ kważi l-istokkijiet kollha tas-salamun fil-baċir ewlieni tax-xmajjar tinsab taħt il-punt ta’ referenza ta’ limitu għall-produzzjoni tas-salamun żgħir (Rlim) u fl-2026 huma permessi l-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku biss. L-Istati Membri rilevanti ħadu għalhekk impenn simili rigward il-flessibbiltà minn sena għal sena b’rabta mal-qabdiet tas-salamun fil-baċir ewlieni fl-2026.

(20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 (5) jistabbilixxi t-TAC għall-merluzz tan-Norveġja (Trisopterus esmarkii) fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat), fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana). L-Unjoni u r-Renju Unit kellhom konsultazzjonijiet bilaterali fl-20 ta’ Ottubru 2025 dwar it-TAC għall-merluzz tan-Norveġja f’dawk iż-żoni għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026. Dawk il-konsultazzjonijiet saru skont l-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (6). L-Unjoni ħadet sehem f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-pożizzjoni tal-Unjoni approvati mill-Kunsill fl-14 ta’ Ottubru 2025, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 (7). L-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar TAC abbażi tal-parir tal-ICES għall-merluzz tan-Norveġja fis-subżona 4 u fid-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu, liema pariri ġie ppubblikat fl-10 ta’ Ottubru 2025. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub, li ġie ffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit fl-24 ta’ Ottubru 2025.Jenħtieġ li t-TAC għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026 tiġi iffissata fil-livell stabbilit f’dak ir-Rekord bil-Miktub.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2025/202 jistabbilixxi l-qabda totali permissibbli (TAC) għall-alonga (Thunnus alalunga) fil-Baħar Mediterran għall-2025. Fid-29 ta’ Settembru 2025, it-Turkija qablet li tittrasferixxi lill-Unjoni 50 kg tal-kwota tagħha għall-alonga fil-Baħar Mediterran għall-2025, f’konformità mar-regoli applikabbli adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku fir-rigward tat-trasferimenti. Jenħtieġ li dak it-trasferiment jiġi implimentat fid-dritt tal-Unjoni.

(22)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2025/202 jiġi emendat kif xieraq.

(23)

Sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u jitħares l-għajxien tas-sajjieda, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-Baħar Baltiku japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament (UE) 2025/202 relatati mal-merluzz tan-Norveġja fi Skagerrak-Kattegat u fil-Baħar tat-Tramuntana japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026, billi dak huwa l-istaġun tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament (UE) 2025/202 marbuta mal-alonga tal-Mediterran japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2025 sabiex jinżamm il-perjodu ta’ rappurtar għat-TAC, li beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għaliex il-kwoti skont dawk it-TACs għadhom ma ġewx eżawriti, jew żdiedu. Għal raġunijiet ta’ urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar Baltiku għall-2026.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

2.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għas-sajd rikreattiv fil-Baħar Baltiku meta dan jissemma b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“suddiviżjoni” tfisser suddiviżjoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) tal-Baħar Baltiku kif definita fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(2)

“qabda totali permissibbli (TAC)” tfisser:

(a)

fis-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;

(b)

fis-sajd l-ieħor kollu, il-kwantità ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;

(3)

“kwota” tfisser proporzjon tat-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

(4)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(5)

“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, ibbażata fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, inkluż abbażi ta’ indikaturi, li r-rieżami xjentifiku jkun indika li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex tipprovdi parir xjentifiku;

(6)

“TAC analitika” tfisser TAC li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;

(7)

“TAC prekawzjonarja” tfisser TAC li għaliha ma jkunx hemm disponibbli valutazzjoni analitika u li għaliha jkun hemm disponibbli valutazzjoni bbażata fuq l-approċċ prekawzjonarju jew ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

TACs, allokazzjonijiet u miżuri marbuta funzjonalment

It-TACs, il-kwoti u, fejn xieraq, il-miżuri marbuta funzjonalment magħhom, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

1.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilit f’dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a)

l-iskambji li jkunu saru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

il-kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

it-tnaqqis li jkun sar skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew TACs analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u tal-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għall-istokkijiet soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u għandhom japplikaw l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għall-istokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

4.   L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għal ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji

L-istokkijiet ta’ speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li għalihom tapplika d-deroga mill-obbligu li jingħaddu l-qabdiet skont il-kwoti rilevanti huma identifikati fit-tabelli tat-TAC rilevanti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-bakkaljaw

1.   Għandu jiġi pprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd fis-suddiviżjonijiet 25 u 26 mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(b)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili. f’żoni fejn l-ilma jkun inqas minn 20 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-perjodi ta’ għeluq stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) u fl-Artikolu 9(1), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-suddiviżjoni 25 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta’ rkaptu b’daqs tal-malja ta’ 45 mm jew anqas, f’żoni fejn l-ilma jkun anqas minn 50 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul.

3.   Għandu jiġi pprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta’ rkaptu tas-sajd fis-suddiviżjonijiet 22 u 23 mill-15 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu, u fis-suddiviżjoni 24 mill-15 ta’ Mejju sal-15 ta’ Awwissu.

4.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(b)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili. f’żoni fejn l-ilma jkun inqas minn 20 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(c)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-suddiviżjoni 24 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta’ rkaptu b’daqs tal-malja ta’ 45 mm jew anqas, f’żoni fejn l-ilma jkun anqas minn 40 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul;

(d)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu bil-gangmi għall-molluski bivalvi fis-suddiviżjoni 22, f’żoni fejn l-ilma jkun anqas minn 20 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

5.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b) jew (c), u l-paragrafu 4, il-punt (b), (c) jew (d), għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tagħhom ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

Artikolu 8

Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-aringa fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29, 30, 31 u 32

1.   Għandu jiġi pprojbit is-sajd għal speċijiet pelaġiċi bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir pelaġiku f’żoni kostali sa 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi, fejn l-ilma jkun anqas minn 20 metru fond skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali maħruġa mill-awtorità nazzjonali kompetenti matul il-perjodi u b’rispett għas-suddiviżjonijiet li ġejjin:

(a)

mis-16 ta’ Marzu sal-15 ta’ Ġunju fis-suddiviżjonijiet 25 u 26;

(b)

mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju fis-suddiviżjonijiet 27 u 28.2;

(c)

mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju fis-suddiviżjonijiet minn 29 sa 32.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

Artikolu 9

Għeluq biex tiġi protetta r-riproduzzjoni tal-laċċa kaħla fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32

1.   Mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiġu pprojbiti milli jistadu għal stokkijiet pelaġiċi b’irkaptu attiv f’żoni lil hinn minn 12-il mil nawtiku mkejjel mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u fil-Punent ta’ 24o 00′ E fis-suddiviżjoni 32.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-każijiet li ġejjin:

(a)

operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(b)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief tal-idejn u bl-irkaptu tat-trejjix jew b’irkaptu passiv simili.

Artikolu 10

Miżuri dwar is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32

1.   Is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw għandu jkun ipprojbit fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32. Kwalunkwe eżemplar ta’ bakkaljaw li jinqabad b’mod aċċidentali għandu jiġi rrilaxxat minnufih lura fil-baħar.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, jistgħu jinżammu l-qabdiet aċċessorji inċidentali tal-bakkaljaw fis-sajd rikreattiv għal speċijiet oħra fis-suddiviżjonijiet minn 27 sa 32.

Artikolu 11

Miżuri dwar is-sajd rikreattiv tas-salamun fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31

1.   Is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun ipprojbit fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31. Kwalunkwe eżemplar ta’ salamun li jinqabad b’mod aċċidentali għandu jiġi rrilaxxat minnufih lura fil-baħar.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun permess bil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

l-ebda salamun ieħor għajr eżemplar wieħed ta’ salamun bil-pinna adipuża maqtugħa jista’ jinqabad u jinżamm kuljum minn kull sajjied li jieħu sehem f’sajd rikreattiv;

(b)

wara li s-sajjied li jieħu sehem f’sajd rikreattiv jaqbad u jżomm l-ewwel salamuna bil-pinna adipuża maqtugħa, għandu jieqaf jistad għas-salamun għall-bqija tal-jum;

(c)

l-eżemplari kollha ta’ kwalunkwe speċi ta’ ħut miżmuma għandhom jinħattu l-art sħaħ.

3.   B’deroga wkoll mill-paragrafu 1, is-sajd rikreattiv għas-salamun fit-Tramuntana tal-latitudni 59o 30′ N għandu jkun permess mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu f’żoni sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi.

4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti adottati f’konformità mal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 12

Miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għat-trota tal-baħar lil hinn minn 4 mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 32. Meta jsir is-sajd għas-salamun lil hinn minn erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjoni 32, il-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-qabda totali tas-salamun u tat-trota tal-baħar abbord fi kwalunkwe mument jew ma’ ħatt l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.

2.   Is-sajd bil-konz għat-trota tal-baħar jew għas-salamun lil hinn minn erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-suddiviżjonijiet minn 22 sa 31 għandu jkun ipprojbit.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali aktar stretti adottatati f’konformità mal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 13

Trasmissjoni tad-data

Meta l-Istati Membri jibagħtu data dwar il-kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda jew li jinħattu l-art lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Emenda tar-Regolament (UE) 2025/202

Ir-Regolament (UE) 2025/202 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness IA, il-Parti B, it-Tabella 122 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella 122

Speċi:

Merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati

Żona:

3a; Ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni ta’ 4; Ilmijiet tar-Renju Unit ta’ 2a

Trisopterus esmarkii

(NOP/2A3A4.)

Sena

2025

 

2026

 

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Danimarka

299,722

 (10)  (11)  (12)

299,722

 (13)  (11)  (12)

Ġermanja

0,057

 (10)  (11)  (12)

0,057

 (13)  (11)  (12)

Netherlands

0,221

 (10)  (11)  (12)

0,221

 (13)  (11)  (12)

L-Unjoni

300

 (10)  (11)  (12)

300

 (13)  (11)  (12)

Renju Unit

100

 (10)  (11)

100

 (13)  (11)

TAC

400

 (10)

400

 (13)

;

(2)

fl-Anness ID, it-Tabella 9 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Tabella 9

Speċi:

Alonga tal-Mediterran

Żona:

Baħar Mediterran

Thunnus alalunga

(ALB/MED)

Greċja

385,31

 

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Spanja

99,47

 

Franza

14,45

 

Kroazja

6,74

 

Italja

1 128,26

 

Ċipru

416,07

 

Malta

39,68

 

L-Unjoni

2 089,98

 (17)

TAC

2 500,00

 (14)  (15)  (16)

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Permezz ta’ deroga mit-tieni paragrafu:

(a)

L-Artikolu 14, il-punt (1), għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026;

(b)

L-Artikolu 14, il-punt (2), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. DYBVAD BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354 28.12.2013, p. 22, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1139/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ( ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/847/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 tat-30 ta’ Jannar 2025 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/257 fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 (ĠU L, 2025/202, 31.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/202/oj).

(6)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1875/oj).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/218/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

(10)  Tista’ tinqabad mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-31 ta’ Ottubru 2025 biss.

(11)  Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. L-ebda sajd dirett għall-merluzz tan-Norveġja ma hu permess skont din il-kwota.

(12)  Il-kwota tal-qabdiet aċċessorji tista’ tinqabad fi 3a, fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni ta’ 4; fl-ilmijiet tar-Renju Unit ta’ 2a biss.

(13)  Tista’ tinqabad mill-1 ta’ Novembru 2025 sal-31 ta’ Ottubru 2026 biss.”

(14)  Sabiex jiġi protett il-pixxispad li għadu qed jikber, għandu japplika perjodu ta’ għeluq ukoll għall-bastimenti tas-sajd bil-konz li jkunu qed jistadu għall-alonga tal-Mediterran mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru 2025. Barra minn hekk, l-alonga tal-Mediterran, kemm bħala speċi fil-mira kif ukoll bħala qabda aċċessorja, ma għandhiex tinqabad, tinżamm abbord, tiġi ttrażbordata jew tinħatt l-art matul dawn il-perjodi:

Greċja, Kroazja, Italja u Ċipru: mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru 2025 u mill-1 sal-31 ta’ Marzu 2025;

Spanja, Franza u Malta: mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2025.

(15)  Kull Stat Membru għandu jillimita l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tiegħu awtorizzati jistadu għall-alonga tal-Mediterran għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati jistadu għal din l-ispeċi fl-2017. L-Istati Membri jistgħu japplikaw tolleranza ta’ 10 % għal dan il-limitu fuq il-kapaċità.

(16)  Kundizzjoni speċjali: il-qabdiet aċċessorji tal-alonga għandhom jinqatgħu minn din il-kwota iżda għandhom jiġu rrapportati separatament (ALB/MED-BC). Il-qabdiet ta’ alonga mejta maqbuda waqt is-sajd sportiv u rikreattiv għandhom jinqatgħu minn din il-kwota, iżda għandhom jiġu rrappurtati separatament (ALB/MED-SR).

(17)  Wara t-trasferiment ta’ 50 kg mit-Turkija.”.


ANNESS

TACs, KWOTI U MIŻURI MARBUTA FUNZJONALMENT

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, għajr fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-miżuri marbuta funzjonalment magħhom.

L-istokkijiet tal-ħut jissemmew skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċijiet.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tapplika t-tabella komparattiva li ġejja tal-ismijiet xjentifiċi u l-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alfa-3

Isem komuni

Clupea harengus

HER

Aringa

Gadus morhua

COD

Bakkaljaw

Pleuronectes platessa

PLE

Barbun tat-tbajja’

Salmo salar

SAL

Salamun tal-Atlantiku

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla

Tabella 1

Speċi:

Aringa

Żona:

Is-suddiviżjonijiet 30-31

Clupea harengus

(HER/30/31.)

Finlandja

32 063

 (1)

TAC analitika

Żvezja

7 045

 (1)

L-Unjoni

39 108

 (1)

TAC

39 108

 (1)

Tabella 2

Speċi:

Aringa

Żona:

Is-suddiviżjonijiet 22-24

Clupea harengus

(HER/3BC+24)

Danimarka

110

 (2)

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ġermanja

435

 (2)

Finlandja

0

 (2)

Polonja

103

 (2)

Żvezja

140

 (2)

L-Unjoni

788

 (2)

TAC

788

 (2)

Tabella 3

Speċi:

Aringa

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

Clupea harengus

(HER/3D-R30)

Danimarka

2 122

 

TAC analitika

Ġermanja

563

 

Estonja

10 837

 

Finlandja

21 154

 

Latvja

2 674

 

Litwanja

2 816

 

Polonja

24 033

 

Żvezja

32 264

 

L-Unjoni

96 463

 

TAC

Mhux rilevanti

 

Tabella 4

Speċi:

Aringa

Żona:

Is-suddiviżjoni 28.1

Clupea harengus

(HER/03D.RG)

Estonja

15 870

 

TAC analitika

Japplika l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

Latvja

18 497

 

L-Unjoni

34 367

 

TAC

34 367

 

Tabella 5

Speċi:

Bakkaljaw

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 25-32

Gadus morhua

(COD/3DX32.)

Danimarka

99

 (3)

TAC prekawzjonarja

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ġermanja

39

 (3)

Estonja

10

 (3)

Finlandja

8

 (3)

Latvja

37

 (3)

Litwanja

24

 (3)

Polonja

113

 (3)

Żvezja

100

 (3)

L-Unjoni

430

 (3)

TAC

Mhux rilevanti

 

Tabella 6

Speċi:

Bakkaljaw

Żona:

Is-suddiviżjonijiet 22-24

Gadus morhua

(COD/3BC+24)

Danimarka

116

 (4)

TAC prekawzjonarja

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ġermanja

57

 (4)

Estonja

3

 (4)

Finlandja

2

 (4)

Latvja

10

 (4)

Litwanja

6

 (4)

Polonja

31

 (4)

Żvezja

41

 (4)

L-Unjoni

266

 (4)

TAC

266

 (4)

Tabella 7

Speċi:

Barbun tat-tbajja’

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22-32

Pleuronectes platessa

(PLE/3BCD-C)

Danimarka

7 861

 

TAC analitika

Japplika l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

Ġermanja

873

 

Polonja

1 646

 

Żvezja

593

 

L-Unjoni

10 973

 

TAC

10 973

 

Table 8

Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22-31

Salmo salar

(SAL/3BCD-F)

Danimarka

5 292

 (5)  (6)

TAC analitika

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Ġermanja

589

 (5)  (6)

Estonja

538

 (5)  (6)  (7)

Finlandja

6 599

 (5)  (6)

Latvja

3 366

 (5)  (6)

Litwanja

396

 (5)  (6)

Polonja

1 605

 (5)  (6)

Żvezja

7 152

 (5)  (6)

L-Unjoni

25 537

 (5)  (6)

TAC

Mhux rilevanti

 

Tabella 9

Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjoni 32

Salmo salar

(SAL/3D32.)

Estonja

1 049

 (8)

TAC prekawzjonarja

Finlandja

9 183

 (8)

L-Unjoni

10 232

 (8)

TAC

Mhux rilevanti

 

Tabella 10

Speċi:

Laċċa kaħla

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-suddiviżjonijiet 22-32

Sprattus sprattus

(SPR/3BCD-C)

Danimarka

19 923

 

TAC analitika

Japplika l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

Ġermanja

12 622

 

Estonja

23 135

 

Finlandja

10 429

 

Latvja

27 942

 

Litwanja

10 108

 

Polonja

59 300

 

Żvezja

38 516

 

L-Unjoni

201 975

 

TAC

Mhux rilevanti

 


(1)  Din il-kwota tista’ tinqabad mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru 2026 biss.

(2)  Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. Mhu permess l-ebda sajd dirett taħt din il-kwota.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-fini esklużiva tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-aringi sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, is-sajd ta’ din il-kwota huwa permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bix-xbieki tat-tħabbil, bix-xlief tal-idejn, bix-xbieki mirfuda f’post fiss jew bl-irkapti tat-trejjix. Il-kaptani ta’ dawk il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista’ tiġi mmonitorjata fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

(3)  Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. Mhu permess l-ebda sajd dirett taħt din il-kwota.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-finijiet esklużivi tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(4)  Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. Mhu permess l-ebda sajd dirett taħt din il-kwota.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-finijiet esklużivi tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(5)  Espress fl-għadd ta’ ħutiet individwali.

(6)  Esklużivament għall-qabdiet aċċessorji. Mhu permess l-ebda sajd dirett taħt din il-kwota.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-finijiet esklużivi tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għas-salamun sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, is-sajd ta’ din il-kwota huwa permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fit-Tramuntana tal-latitudni 59o 30′ N f’żoni sa erba’ mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Awwissu.

(7)  Kundizzjoni speċjali: fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjoni 32, jistgħu jiġu mistada sa massimu ta’ 450 eżemplar ta’ din il-kwota (SAL/*3D32).

(8)  Espress fl-għadd ta’ ħutiet individwali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2454/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)