European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2451

3.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2025/2451

tat-18 ta’ Novembru 2025

dwar il-konferma mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (EUNAVFOR MED IRINI/5/2025)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 li stabbiliet u nediet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) għall-perjodu sal-31 ta’ Marzu 2021.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 tipprevedi li, minkejja dak il-perjodu, l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-ġdid kull erba’ xhur u li l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà għandu jtawwal l-operazzjoni sakemm l-iskjerament tal-assi marittimi tal-operazzjoni ma jipproduċix effett ta’ attrazzjoni fuq il-migrazzjoni abbażi ta’ evidenza sostanzjata miġbura skont il-kriterji stipulati fil-Pjan Operazzjonali.

(3)

Fil-11 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/488 (2) li estendiet l-EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2027, soġġetta għall-istess proċedura ta’ konferma mill-ġdid.

(4)

Fid-9 ta’ Lulju 2025, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/1414 (3) li kkonfermat mill-ġdid l-awtorizzazzjoni ta’l-EUNAVFOR MED IRINI sat-30 ta’ Novembru 2025.

(5)

Il-Kmandant tal-Operazzjoni pprovda rapporti ta’ kull xahar dwar il-fattur ta’ attrazzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-EUNAVFOR MED IRINI tiġi kkonfermata mill-ġdid għat-18-il subperjodu ta’ erba’ xhur tal-mandat tagħha u jenħtieġ li l-operazzjoni tittawwal skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) hija b’dan ikkonfermata mill-ġdid u l-operazzjoni hija mtawla mill-1 ta’ Diċembru 2025 sal-31 ta’ Marzu 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

D. PRONK


(1)   ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/472/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/488 tal-11 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L, 2025/488, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/488/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2025/1414 tad-9 ta’ Lulju 2025 dwar il-konferma mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (EUNAVFOR MED IRINI/2/2025) (ĠU L, 2025/1414, 18.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1414/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2451/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)