|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2444 |
3.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2444
tat-2 ta’ Diċembru 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2058 fir-rigward tar-rata speċjali tal-kontrolli uffiċjali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti bl-imnut
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi li, fost l-oħrajn, huma relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut għall-introduzzjoni fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumatur finali, inklużi regoli speċifiċi dwar rati speċjali ta’ kontrolli uffiċjali fuq oġġetti bl-imnut fil-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar sanitarji u fitosanitarji (SPS, sanitary and phytosanitary) tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2058 (2) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, rati speċjali ta’ kontrolli uffiċjali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u l-introduzzjoni fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti bl-imnut. L-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li l-kontroll tal-identità, inklużi l-kontrolli għall-konformità mar-rekwiżiti li jridu jiġu ppakkjati minn qabel u jkollhom il-marka msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), u fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231, għandhom jitwettqu b’rata ta’ frekwenza ta’ 10 % fuq il-kunsinni kollha ta’ ċerti oġġetti bl-imnut. |
|
(3) |
L-Artikolu 4(3), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li, meta jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-immarkar għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, ir-rata speċjali tal-kontrolli tal-identità għandha titnaqqas għal 8 % tal-kunsinni kollha. |
|
(4) |
Skont ir-rapporti pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u mir-rappreżentanti tal-Unjoni li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Qafas ta’ Windsor (3), il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kollha li għalihom japplikaw ir-regoli speċifiċi, għandhom immarkar individwali f’konformità mal-Artikolu 6(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1231. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2058 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(6) |
Sabiex l-emenda prevista f’dan ir-Regolament tiġi applikata malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2058, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-kontrolli tal-identità, inklużi l-kontrolli għall-konformità mar-rekwiżiti tal-ippakkjar minn qabel u li jkollhom il-marka msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), u fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231, għandhom jitwettqu fil-Faċilitajiet għall-Ispezzjonar SPS tal-ewwel wasla fl-Irlanda ta’ Fuq b’rata ta’ frekwenza ta’ 8 % fuq il-kunsinni kollha tal-oġġetti bl-imnut imsemmija fl-Artikolu 1, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 165, 29.6.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1231/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2058 tas-26 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rati speċjali tal-kontrolli uffiċjali u l-mudell taċ-ċertifikat ġenerali għad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti bl-imnut (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 97, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2058/oj).
(3) Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2444/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)