European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2379

25.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2379

tal-24 ta’ Novembru 2025

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati taċ-Chad

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-iffinanzjar ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Iċ-Chad jaqdi rwol ewlieni f’inizjattivi reġjonali, Ewropej u internazzjonali essenzjali maħsuba biex jissaħħu l-paċi u l-iżvilupp fis-Saħel, inkluż l-Istrateġija Integrata tal-Unjoni fis-Saħel, il-Koalizzjoni għas-Saħel, is-Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel (P3S), u l-Alleanza għas-Saħel. Il-komunità internazzjonali, inkluż l-Unjoni, reċentement għamlet sforzi konsiderevoli biex tappoġġa liċ-Chad fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu. L-Unjoni hija impenjata f’relazzjoni mill-qrib ta’ appoġġ għall-istabbilizzazzjoni fiċ-Chad, inkluż fil-perjodu ta’ wara l-elezzjoni.

(3)

Fir-reġjun tas-Saħel, iċ-Chad huwa pajjiż importanti għall-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Unjoni għandha sħubija b’saħħitha mal-gvern, maħsuba biex jinkiseb żvilupp fit-tul permezz ta’ approċċ komprensiv u integrat.

(4)

Fis-26 ta’ Lulju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mingħand iċ-Chad biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati taċ-Chad bl-akkwist ta’ infrastruttura, tagħmir u servizzi essenzjali.

(5)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ assistenza jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.

(6)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju taċ-Chad (il-“benefiċjarju”) li tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Forzi Armati taċ-Chad bil-ħsieb tal-protezzjoni tal-integrità territorjali u s-sovranità taċ-Chad u l-popolazzjoni ċivili tiegħu minn theddidiet interni u esterni.

3.   Sabiex jinkiseb l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi li ġejjin ta’ tagħmir mhux imfassal biex jipprovdi forza letali, u l-provvisti u s-servizzi li ġejjin, inkluż taħriġ tekniku, fejn ikun meħtieġ:

(a)

xogħlijiet ta’ infrastruttura fuq l-École nationale des sous-officiers d’active de Koundoul (ENSOA-K) u r-rinnovazzjoni tagħha;

(b)

tagħmir edukattiv għall-ENSOA-K;

(c)

tfassil mill-ġdid tal-kurrikuli tal-ENSOA-K;

(d)

programm ħarreġ lil min iħarreġ fl-ENSOA-K.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 42 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 14 500 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati taċ-Chad appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintużaw u jkunu disponibbli għall-operat matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, u lanqas ma jiġu ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi mal-Economat des Armées f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità min-naħa tal-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati taċ-Chad appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar dwar l-attivitajiet, fejn il-benefiċjarju jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies bħala meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rapportar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LØKKE RASMUSSEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2379/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)