|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2365 |
26.11.2025 |
REGOLAMENT (UE) 2025/2365 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Novembru 2025
dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik biex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Il-mikroplastiks jinsabu kullimkien, huma persistenti u transfruntiera. Huma ta' detriment għall-ambjent u potenzjalment ta' ħsara għal saħħet il-bniedem. Il-ħsara kkawżata mill-mikroplastiks għall-ambjent u potenzjalment għas-saħħa tal-bniedem tista' tiżdied aktar meta jkunu preżenti addittivi kimiċi ta' ħsara u sustanzi ta' tħassib oħra miżjuda waqt il-produzzjoni u l-konverżjoni. Il-mikroplastiks faċilment itiru fl-arja u jinġarru fl-ilmijiet tal-wiċċ tal-art u fil-kurrenti tal-oċeani, u l-mobbiltà tagħhom hija fattur aggravanti. Jinsabu fil-ħamrija, inkluż fl-artijiet agrikoli, il-lagi, ix-xmajjar, l-estwarji, il-bajjiet, il-laguni, l-ibħra, l-oċeani u f'reġjuni mbiegħda, li darba kienu f'kundizzjoni perfetta. Il-preżenza tagħhom fil-ħamrija għandha effetti fuq il-proprjetajiet tal-ħamrija u tiskatta alterazzjonijiet tal-ħamrija li jħallu impatt negattiv fuq it-tkabbir ta' xi pjanti. L-impatti tal-mikroplastiks fuq l-ambjent marin ġew iddokumentati b'mod estensiv. Ladarba jispiċċaw fl-ambjent marin, huwa kważi impossibbli li l-mikroplastiks jinġabru, u huwa magħruf li dawn jiġu inġestiti minn firxa ta' organiżmi u annimali u jikkawżaw ħsara lill-bijodiversità u lill-ekosistemi. Il-persistenza ta’ pellets tal-plastik fl-ambjent akkwatiku tista' titkejjel fuq għexieren ta' snin, u l-inġestjoni ta' pellets tal-plastik minn organiżmi marini, b'mod partikolari minn għasafar tal-baħar u fkieren tal-baħar, tista' tikkawża ħsara fiżika jew mewt. Il-mikroplastiks jikkontribwixxu wkoll għat-tibdil fil-klima bħala sors addizzjonali kemm tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra kif ukoll tal-pressjoni fuq l-ekosistemi. Il-potenzjal tal-mikroplastiks li jaġixxu bħala portatur għal sustanzi tossiċi assorbiti jew mikroorganiżmi patoġeniċi huwa parti integrali mill-problema. Il-bnedmin huma esposti għal mikroplastiks permezz tal-arja u tal-konsum tal-ikel. Il-kuxjenza dejjem akbar dwar il-preżenza tal-mikroplastiks fil-katina alimentari tista' timmina l-fiduċja tal-konsumatur u jkollha konsegwenzi ekonomiċi. Jista' jkun hemm impatti ekonomiċi negattivi fuq attivitajiet bħas-sajd kummerċjali u l-agrikoltura, kif ukoll fuq ir-rikreazzjoni u t-turiżmu f'żoni affettwati mir-rilaxxi. |
|
(2) |
Fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta' April 2019 bit-titlu “Riskji ambjentali u tas-saħħa tat-tniġġis mill-mikroplastik”, il-Grupp ta' Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin tal-Kummissjoni kkunsidra li “hemm raġunijiet sinifikanti għal tħassib u għal miżuri ta' prekawzjoni li jridu jittieħdu”. |
|
(3) |
Pellets tal-plastik huma kwalunkwe materjal tal-iffurmar li fih polimeri, ta' oriġini primarja jew sekondarja, jew it-tnejn, irrispettivament minn jekk huwiex derivat mill-bijomassa jew maħsub biex jiġi bijodegradat maż-żmien. Il-pellets tal-plastik huma primarjament maħsuba biex jintużaw f'operazzjonijiet tal-manifattura tal-prodotti tal-plastik permezz tal-iffurmar, li jinkludi l-forma stricto sensu, l-estrużjoni, ir-ragħwa, l-iffurmar tal-film, il-kompressjoni jew l-injezzjoni. Alternattivament, il-pellets tal-plastik jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet tal-manifattura ta' prodotti mhux tal-plastik, fejn tali pellets jiġu inkapsulati kimikament f'matriċi, bħal fil-konkrit ħafif, jew jinżammu fiżikament fil-prodott, bħal fl-asfalt. Il-pellets tal-plastik jista' jkun fihom addittivi kimiċi u jistgħu jkunu f'diversi għamliet u forom, fosthom nurdles tal-plastik, granuli, fjokki, reżini, ċilindri, żibeġ, trab, mikrotrab, mikrosferi u agglomerati. Id-daqs tagħhom tipikament ivarja bejn dijametru ta' 2 millimetri u 5 millimetri, għalkemm porzjon żgħir ta' pellets tal-plastik huma iżgħar jew akbar. |
|
(4) |
It-trab tal-pellets tal-plastik huwa r-residwu industrijali mill-immaniġġar, mit-tħin jew mill-ipproċessar ta' pellets tal-plastik li ma jintużax fl-operazzjonijiet tal-manifattura tal-prodotti tal-plastik u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' pellets tal-plastik f'dan ir-Regolament. Huwa diffiċli li tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta' tali trab iżda tista' tiġi minimizzata. Dan it-trab jenħtieġ li jiġi estratt permezz ta' filtri jew ta’ apparat ta' ġbir bħala miżura tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. |
|
(5) |
It-telf tal-pellets tal-plastik jikkostitwixxi t-tielet l-akbar sors ta' mikroplastiks rilaxxati b'mod mhux intenzjonat fl-ambjent fl-Unjoni u jseħħ minħabba prattiki ħżiena ta' mmaniġġar fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista tal-pellets tal-plastik, li tinkludi l-produzzjoni inkluż ir-riċiklaġġ, il-master batching, it-taħlit, il-konverżjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, it-trasport, inkluż bil-baħar, u operazzjonijiet loġistiċi oħra, il-ħżin, l-imballaġġ, u t-tindif tal-kontejners u tat-tankijiet tal-pellets tal-plastik. Għalhekk, approċċ tal-katina tal-provvista huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-atturi ekonomiċi kollha involuti fl-immaniġġar ta' pellets tal-plastik huma impenjati lejn il-prevenzjoni tat-telf. Mill-2015, l-industrija Ewropea tal-manifattura tal-plastik adottat progressivament il-programm Operation Clean Sweep® (OCS) internazzjonali bħala impenn volontarju. Skont dak il-programm, kull intrapriża li tipproduċi jew timmaniġġa pellets tal-plastik tirrikonoxxi l-importanza li t-telf tal-pellets tal-plastik ikun zero u timpenja ruħha li tadotta l-aħjar prattiki. Filwaqt li tali prattiki ġeneralment jinftiehmu tajjeb mill-firmatarji tal-OCS, dawn ma ġewx implimentati b'mod komprensiv. L-adozzjoni tal-programm OSC mill-industrija tal-plastik għadha baxxa. |
|
(6) |
L-impatti tat-tniġġis mill-mikroplastik fuq l-ambjent u fuq saħħet il-bniedem qajmu tħassib f'parti kbira tad-dinja. Xi Stati Membri adottaw jew ipproponew miżuri apposta. Madankollu, taħlita ta' restrizzjonijiet nazzjonali tista' potenzjalment tfixkel il-funzjonament tas-suq intern. |
|
(7) |
Fi sforz sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-plastik, il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari” rrikonoxxiet ir-riskji li jirriżultaw mill-mikroplastiks u talbet li jittieħdu soluzzjonijiet innovattivi mmirati lejn is-sorsi differenti ta' mikroplastiks. Il-Kummissjoni ġeddet dak l-impenn fil-komunikazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, tal-11 ta' Marzu 2020 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari u tat-12 ta' Mejju 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero. Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero jinkludi, fost il-miri tiegħu tal-2030, it-tnaqqis tal-ammont ta' mikroplastiks rilaxxati fl-ambjent bi 30 %. |
|
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jindirizza t-tniġġis mill-mikroplastik billi jimponi restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' mikroplastiks li jiżdiedu intenzjonalment mal-prodotti, peress li tniġġis konsiderevoli mill-mikroplastik jinħoloq mill-użu ta' mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi waħedhom jew meta jiżdiedu intenzjonalment fil-prodotti, u dan it-tniġġis jippreżenta riskju inaċċettabbli għall-ambjent. |
|
(9) |
Ir-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/06 dwar it-tnaqqis tat-telf tal-pellets tal-plastik fl-ambjent marin (“ir-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/06”) ġiet adottata f'Ġunju 2021 mill-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni OSPAR) bl-għan li tnaqqas l-iskart marin billi tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni f'waqthom ta' standards effettivi u konsistenti għall-prevenzjoni tat-telf tal-pellets u skemi ta' ċertifikazzjoni għall-katina tal-provvista kollha tal-plastik. Il-miżuri għall-minimizzazzjoni tar-riskju assoċjat mat-trasport tal-pellets tal-plastik bil-baħar qed jiġu eżaminati fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) li ħarġet iċ-ċirkulari mhux vinkolanti MEPC.1/Circ 909 dwar rakkomandazzjonijiet għall-ġarr ta' pellets tal-plastik bil-baħar f'kontejners tal-merkanzija (“MEPC.1/Circ 909”). F'dan il-kuntest, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom isegwu mill-qrib kwalunkwe żvilupp futur fl-OMI, u jkollhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali dwar din il-kwistjoni, billi, pereżempju, jistabbilixxu standard għoli ta' protezzjoni. |
|
(10) |
Fis-sottomissjoni tal-Unjoni lill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Ambjent qabel it-tieni sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv ta' Negozjar dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar it-tniġġis tal-plastik (INC-2), l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha enfasizzaw il-ħtieġa li l-istrument futur jinkludi miżuri biex jitnaqqsu r-rilaxxi mhux intenzjonati ta' mikroplastiks. |
|
(11) |
Filwaqt li jeżistu atti legali tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart, tat-tniġġis, tal-iskart marin u tas-sustanzi kimiċi, ma hemm l-ebda regola speċifika tal-Unjoni li tipprevjeni t-telf tal-pellets tal-plastik bħala sors ta' tniġġis mill-mikroplastik tul il-katina kollha tal-provvista. Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi prinċipji bażiċi għall-immaniġġar tal-iskart u timponi obbligi ġenerali fuq l-Istati Membri biex jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-ħolqien tal-iskart. Jenħtieġ li dawk l-obbligi ġenerali jiġu kkomplementati billi jiġu indirizzati aspetti u rekwiżiti speċifiċi għall-immaniġġar bir-reqqa tal-pellets tal-plastik sabiex jiġi evitat li dawn isiru skart. |
|
(12) |
Filwaqt li l-produzzjoni ta' materjali polimeriċi fuq skala industrijali taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), attivitajiet oħrajn bħall-konverżjoni, it-trasport jew il-ħżin ta' pellets tal-plastik, normalment imwettqa minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ma humiex koperti minn dik id-Direttiva. Barra minn hekk, id-Dokument ta' Referenza dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli fil-Produzzjoni tal-Polimeri ta' Awwissu 2007, stabbilit skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (7), ma jindirizzax il-kwistjoni speċifika tat-telf tal-pellets tal-plastik. |
|
(13) |
Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tindirizza l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatti tal-iskart ta' daqs mikro, inkluż il-mikroplastiks, f'ambjent kostali u f’ambjent marin. L-ewwel gwida dwar il-monitoraġġ tal-iskart marin ġie aġġornat bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-metodoloġiji, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ tal-preżenza u d-distribuzzjoni ta' pellets tal-plastik tul il-kosta. Madankollu, id-Direttiva 2008/56/KE ma tinkludix rekwiżiti speċifiċi dwar il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-telf tal-pellets tal-plastik fis-sors. |
|
(14) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2055 (9), li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jindirizza t-telf ta' mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi, jiġifieri pellets tal-plastik, għall-użu f'siti industrijali bħala rilaxxi li jistgħu jiġu evitati u jintroduċi rekwiżit ta' rapportar għal kwantità stmata ta' mikroplastiks rilaxxati fl-ambjent fuq bażi annwali. Filwaqt li ma hemmx metodoloġija sabiex jiġi stmat it-telf, dak ir-rekwiżit hu maħsub biex iżid l-informazzjoni dwar it-telf tal-pellets tal-plastik u jtejjeb il-kwalità tal-informazzjoni miġbura sabiex jiġu vvalutati r-riskji li jirriżultaw minn dawn il-mikroplastiks fil-futur. |
|
(15) |
Bl-għan li jiġi żgurat li l-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġati b'mod sikur u responsabbli fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista tal-pellets tal-plastik, sabiex jiġi evitat it-telf fl-ambjent u tinkiseb il-mira ta' telf zero tal-pellets tal-plastik, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar l-immaniġġar tal-pellets tal-plastik tul il-katina tal-provvista kollha, jiġifieri fil-produzzjoni, inkluż l-output mir-riċiklaġġ, fil-master batching, fit-taħlit, fil-konverżjoni, fl-ipproċessar, fid-distribuzzjoni, fit-trasport, fil-ħżin, fl-imballaġġ, u fit-tindif tat-tankijiet u tal-kontejners fl-istazzjonijiet tat-tindif. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-entitajiet kollha li jimmaniġġaw pellets tal-plastik tul il-katina tal-provvista kollha, irrispettivament mill-użu finali tagħhom. |
|
(16) |
Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-immaniġġar iqisu l-prattiki ta' mmaniġġar tajjeb rakkomandati fil-livell internazzjonali kif ukoll ir-rekwiżiti eżistenti dwar l-immaniġġar tal-pellets tal-plastik stabbiliti mill-industrija fl-Unjoni. F'dan ir-rigward, huwa importanti li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet fl-MEPC. 1/Circ 909 obbligatorju fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-Unjoni tista' tippromwovi diskussjoni fuq livell internazzjonali dwar l-obbligu għat-trasportaturi li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti meta jittrasportaw pellets tal-plastik f'pajjiż differenti minn dak li fih ikunu stabbiliti. |
|
(17) |
Fid-dawl tan-natura dannuża tal-pellets tal-plastik meta jintilfu fl-ambjent u meta jitqies l-obbligu ġenerali fuq l-operaturi ekonomiċi u t-trasportaturi li jevitaw it-telf tal-pellets tal-plastik kif stabbilit f'dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi ta' informazzjoni fil-forma ta' pittogramma u dikjarazzjoni ta' twissija. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-operaturi ekonomiċi u t-trasportaturi, jenħtieġ li jkun possibbli li tali rekwiżiti jiġu implimentati billi jitqiesu l-obbligi diġà eżistenti skont l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Il-paragrafi 7 u 10 tal-entrata 78 ta' dak l-Anness jistipulaw rekwiżiti ta' informazzjoni għall-fornituri ta' mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-fornituri ta' mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi jenħtieġ li jinftiehmu bħala kwalunkwe manifattur, importatur, utent downstream jew distributur li jintroduċi fis-suq pellets tal-plastik li huma mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi. Jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti fuq it-tikketta, l-imballaġġ, il-fuljett ta' tagħrif jew l-iskeda tad-data tas-sikurezza. Jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu dik l-informazzjoni rilevanti meta jippreżentaw l-informazzjoni kif stipulat fl-entrata 78, il-paragrafu 10, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Peress li l-mezzi differenti possibbli biex tiġi pprovduta dik l-informazzjoni rilevanti jistgħu jvarjaw fl-effettività tagħhom fir-rigward tal-kontribut għall-kisba tal-obbligu ġenerali li jiġi evitat it-telf, huwa xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-effettività relattiva tagħhom fil-kuntest tar-rieżami tagħha ta' dan ir-Regolament. |
|
(18) |
Meta l-pellets tal-plastik jiġu rilaxxati u mxerrda fl-ambjent marin, dawn jistgħu jagħmlu ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ħajja marina u jistgħu jinterferixxu ma' użi leġittimi oħra tal-baħar, bħas-sajd u l-akkwakultura. Peress li l-pellets tal-plastik jidhru bħal bajd tal-ħut għat-tjur, dawn jinkludu madwar 70 % tal-plastik li jittiekel mit-tjur tal-baħar, minkejja l-fatt li 0,05 % biss tal-biċċiet tal-plastik mill-ilmijiet tal-wiċċ huma pellets. Tali biċċiet żgħar tal-plastik instabu fl-istonku ta' 63 speċi ta' għasafar tal-baħar minn madwar 250 fid-dinja. Barra minn hekk, skont il-piż, il-pellets tal-plastik huma stmati li huma t-tieni l-akbar sors dirett ta' tniġġis marin mill-mikroplastik. Huwa stmat li biljuni ta' pellets tal-plastik individwali jidħlu fl-oċean kull sena. Dan huwa dovut kemm għat-telf u t-tixrid fuq skala żgħira u fuq skala kbira li jseħħu fuq l-art u fil-baħar matul l-istadji kollha tal-katina tal-provvista, speċjalment waqt li l-pellets tal-plastik ikunu fi tranżitu. Barra minn hekk, pellets tal-plastik jistgħu jinġarru fuq il-bajjiet u x-xtut u, b'riżultat ta' dan, ikollhom impatt negattiv fuq it-turiżmu u l-attivitajiet ibbażati fuq ix-xatt. Diversi inċidenti li jinvolvu bastimenti tal-baħar irriżultaw fir-rilaxx ta' diversi tunnellati ta' pellets tal-plastik fl-ambjent marin b'konsegwenzi diżastrużi għall-ambjent u l-komunitajiet lokali. Pereżempju, l-inċident tat-Toconao li kellu impatt fuq il-kosta tat-Tramuntana ta' Spanja fl-2023 ikkawża t-telf ta' sitt kontejners tal-merkanzija, fejn wieħed mill-kontejners tal-merkanzija kellu elf xkora ta' 25 kg il-waħda ta' pellets tal-plastik. B'riżultat ta' dan, miljuni ta' pellets tal-plastik inġarru fuq il-Kosta Galizjana. |
|
(19) |
Biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva tat-trasport marittimu, fl-2024 il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-OMI approva MEPC.1/Circ.909 . Madankollu, peress li dawk ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex legalment vinkolanti, jenħtieġ li l-Unjoni, f'konformità mal-obbligu tagħha skont it-Trattati li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, u li tippromwovi miżuri fuq livell internazzjonali biex tindirizza problemi ambjentali madwar id-dinja, tintroduċi regoli vinkolanti permezz ta' dan ir-Regolament biex fil-livell dinji tkun il-pijunier ta' livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali f'dan il-qasam. Jenħtieġ li l-ispedituri jiżguraw li l-pellets tal-plastik jiġu ppakkjati f'imballaġġ ta' kwalità tajba, li l-informazzjoni dwar it-trasport titwassal, b'mod f'waqtu, lill-operatur, lill-aġent u lill-kaptan tal-bastiment tal-baħar u li timtela kif xieraq talba speċjali għall-istivar. Jenħtieġ li l-operaturi, l-aġenti, u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar, abbażi tal-informazzjoni dwar it-trasport li jirċievu mingħand l-ispedituri, jiżguraw li l-kontejners tal-merkanzija li jkun fihom pellets tal-plastik jiġu stivati u marbuta sew sabiex jimminimizzaw il-perikli għall-ambjent marin mingħajr ma jfixklu s-sikurezza tal-bastiment tal-baħar u tal-persuni abbord. Speċifikament, il-kontejners tal-merkanzija li jkun fihom pellets tal-plastik jenħtieġ li jiġu stivati taħt il-gverta kull fejn dan ikun raġonevolment prattikabbli, jew abbord f'żoni kennija tal-gverti esposti. Dawn ir-rekwiżiti jikkomplementaw l-oqfsa legali ġenerali tal-OMI u tal-Unjoni dwar is-sikurezza tat-trasport marittimu u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti, b'mod partikolari d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li stabbiliet sistema għall-prevenzjoni ta' inċidenti u tniġġis fuq il-baħar filwaqt li jqisu n-normi ġuridiċi internazzjonali. |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jimplimentaw ir-rekwiżiti dwar l-immaniġġar ta' pellets tal-plastik billi jsegwu ordni ta' prijorità ta' azzjoni biex jipprevjenu r-rilaxx tal-pellets tal-plastik fl-ambjent bħala l-prijorità ewlenija. Għalhekk, il-prevenzjoni tat-tixrid ta' pellets tal-plastik minn konteniment primarju matul l-immaniġġar ta' rutina, u b'hekk it-tnaqqis tar-riskju ta' tixrid sal-aktar livell baxx possibbli, jenħtieġ li tkun l-ewwel pass, inkluż billi jiġi evitat kwalunkwe mmaniġġar mhux meħtieġ, pereżempju billi jitnaqqsu l-punti ta' trasferiment, u billi jintuża imballaġġ li ta' kwalità tajba, segwita mill-konteniment tal-pellets tal-plastik imxerrdin biex jiġi żgurat li ma jintilfux fl-ambjent, u billi jitnaddfu wara avveniment ta' tixrid jew telf bħala l-pass finali. L-interventi ta' konteniment u tindif jenħtieġ li jitwettqu b'mod li jimminimizza l-ħsara ambjentali, b'mod partikolari f'ħabitats sensittivi. |
|
(21) |
Filwaqt li l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiġi evitat it-telf tal-pellets tal-plastik mill-operaturi ekonomiċi kollha, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE, jenħtieġ li l-obbligi għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jiġu aġġustati biex jittaffa l-piż fuqhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri, min-naħa l-oħra, ma jinżammux milli jintroduċu jew iżommu miżuri protettivi aktar stretti. Tali miżuri, inkluż dawk immirati lejn l-operaturi ekonomiċi li jimmaniġġaw aktar minn 5 tunnellati pellets tal-plastik, għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati. |
|
(22) |
Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-pellets tal-plastik immaniġġati u trasportati f'kull Stat Membru u biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu kontrolli tal-konformità b'mod effiċjenti, huwa meħtieġ li l-installazzjonijiet li jimmaniġġaw il-pellets tal-plastik u t-trasportaturi li jittrasportawhom jiġu rreġistrati. |
|
(23) |
Sabiex jiġi evitat it-telf tal-pellets tal-plastik, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu u jimplimentaw pjan ta' ġestjoni tar-riskju, inkluż valutazzjoni tar-riskju, li jidentifika l-potenzjal għal tixrid u telf u li jiddokumenta b'mod partikolari t-tagħmir u l-proċeduri speċifiċi eżistenti fis-seħħ għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif tat-telf tal-pellets tal-plastik, u jżommuh dejjem aġġornat. Jenħtieġ li l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju jqis ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji ta' tagħmir u proċeduri addizzjonali biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati filwaqt li jqis in-natura u d-daqs tal-installazzjoni kif ukoll l-iskala tal-operazzjonijiet tagħha. Meta jkunu ġew miżjuda addittivi mal-pellets tal-plastik, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jikkunsidraw il-proprjetajiet ta' periklu fil-pellets tal-plastik ikkonċernati, u meta tali addittivi x'aktarx iżidu l-ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent f'każ ta' telf tal-pellets tal-plastik, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jikkunsidraw li din l-informazzjoni tiġi inkluża fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju. |
|
(24) |
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu lill-awtorità kompetenti il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju li jkunu stabbilew, flimkien ma' awtodikjarazzjoni ta' konformità jew ċertifikat, kif applikabbli. |
|
(25) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiddeterminaw permezz ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju t-tagħmir speċifiku li jridu jinstallaw jew il-proċeduri li jridu jimplimentaw. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jivverifikaw il-konformità, jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jemendaw il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju, inkluż billi jieħdu, f'perjodu ta' żmien partikolari, kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet elenkati f'dan ir-Regolament biex jiżguraw implimentazzjoni adegwata tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. |
|
(26) |
Sabiex tiġi evalwata l-adegwatezza tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju mfassal għal kull installazzjoni, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jżommu rekord tal-istimi tal-kwantità ta' pellets tal-plastik mitlufin kull sena, flimkien mal-kwantitajiet totali mmaniġġati. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u ċ-ċertifikaturi jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni dwar l-istimi tal-kwantitajiet rilaxxati fil-qafas tar-rekwiżit ta' rapportar skont l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
|
(27) |
Minħabba l-karatteristiċi tal-attività tagħhom, jenħtieġ li t-trasportaturi ma jingħatawx mandat biex jistabbilixxu u jimplimentaw pjan ta' ġestjoni tar-riskju. Minflok, jenħtieġ li jintalbu jwettqu miżuri tanġibbli mmirati lejn il-prevenzjoni, il-konteniment u l-indirizzar tat-tixrid u tat-telf. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu soġġetti għal verifika mill-awtoritajiet kompetenti, primarjament matul il-proċess tat-trasport. Uħud minn dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati matul l-operazzjonijiet ta' tagħbija u ħatt, li huma hotspots għat-tixrid u t-telf. Dawn l-operazzjonijiet tipikament jitwettqu taħt ir-responsabbiltà kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tat-trasportaturi, filwaqt li t-trasportaturi biss huma l-parti responsabbli għall-vjaġġ tat-trasport. |
|
(28) |
Jenħtieġ li t-trasportaturi mhux tal-UE jaħtru rappreżentant awtorizzat, li għandu jaġixxi f'isem it-trasportatur mhux tal-UE u jenħtieġ li jkun jista' jiġi indirizzat minn kwalunkwe awtorità kompetenti. Jenħtieġ li r-rappreżentant awtorizzat jinħatar b'mod espliċitu b'mandat bil-miktub tat-trasportatur mhux tal-UE fir-rigward tal-obbligi speċifiċi skont dan ir-Regolament. Il-ħatra ta' tali rappreżentant ma taffettwax ir-responsabbiltà jew l-obbligu tat-trasportatur mhux tal-UE skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rappreżentant awtorizzat ikun soġġett għal proċedimenti ta' infurzar, sa fejn huwa kkonċernat il-mandat tiegħu, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mit-trasportatur mhux tal-UE. |
|
(29) |
L-implimentazzjoni b'suċċess tal-azzjonijiet meħtieġa għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif tat-telf tal-pellets tal-plastik tirrikjedi l-kooperazzjoni u l-impenn sħaħ tal-impjegati tal-operaturi ekonomiċi, tat-trasportaturi tal-UE u ta' dawk mhux tal-UE. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jintalbu jħarrġu lill-persunal tagħhom skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-impjegati tagħhom biex jiżguraw li jkunu jafu bit-tagħmir u jkunu kapaċi jinstallawh, jużawh u jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu u jeżegwixxu l-proċeduri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, inkluż kif jimmonitorjaw u jirrappurtaw it-telf tal-pellets tal-plastik. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jadottaw miżuri korrettivi inkluż, fejn meħtieġ, it-titjib tat-tagħmir u tal-proċeduri fis-seħħ. Jenħtieġ li jkunu wkoll meħtieġa jimmonitorjaw u jżommu rekords tal-kwantitajiet stmati ta' telf kull sena sabiex jgħinu biex jimtlew il-lakuni persistenti fl-għarfien. |
|
(30) |
L-intrapriżi ta' daqs medju u kbar tipikament għandhom struttura aktar kumplessa minħabba d-daqs tagħhom. F'każijiet fejn joperaw installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġati fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta’ 1 500 tunnellata fis-sena, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jimplimentaw, għal kull installazzjoni, azzjonijiet addizzjonali bħat-twettiq ta' valutazzjoni interna annwali u l-adozzjoni ta' programm ta' taħriġ li jindirizza l-ħtiġijiet u l-arranġamenti għall-programm ta’ taħriġ. Il-valutazzjoni interna tista' tkopri suġġetti, bħall-kwantitajiet stmati u l-kawżi tat-telf, it-tagħmir preventiv, ta' konteniment u ta' tindif jew il-proċeduri implimentati biex jiġi evitat telf futur, u l-effettività tagħhom, id-diskussjonijiet mal-persunal, l-ispezzjonijiet tat-tagħmir u l-proċeduri fis-seħħ u r-reviżjoni ta' kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. |
|
(31) |
Mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, ta' daqs medju u kbar li jħaddmu installazzjonijiet li fihom pellets tal-plastik fi kwantitajiet inqas minn limitu ta' 1 500 tunnellata fis-sena jkunu ġew immaniġġati, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal awtodikjarazzjoni ta' konformità. Jenħtieġ li jingħataw ukoll biżżejjed żmien sabiex juru l-konformità tagħhom. |
|
(32) |
L-intrapriżi li jħaddmu installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġjati fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta’ 1 500 tunnellata fis-sena jistgħu jkunu responsabbli għal riskji ogħla ta' telf tal-pellets tal-plastik. L-intrapriżi ta' daqs medju u kbar li jħaddmu installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġati fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta’ 1 500 tunnellata fis-sena jenħtieġ li juru konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament billi jiksbu, u jġeddu, ċertifikat maħruġ miċ-ċertifikaturi. F'konformità ma' approċċ tal-katina tal-provvista, filwaqt li jiġi limitat il-piż amministrattiv, l-intrapriżi żgħar li jħaddmu installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġati fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta’ 1 500 tunnellata fis-sena jenħtieġ li juru l-konformità billi jiksbu ċertifikat maħruġ miċ-ċertifikaturi b'validità ta' ħames snin. Il-proċess ta' ċertifikazzjoni huwa maħsub ukoll biex jgħin lill-intrapriżi żgħar li jħaddmu installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik jiġu mmaniġġati fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta’ 1 500 tunnellata fis-sena biex jidentifikaw l-azzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Wara l-perjodu ta' skadenza taċ-ċertifikat, tali intrapriżi żgħar jenħtieġ li juru l-konformità billi jinnotifikaw aġġornament tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom kif ukoll awtodikjarazzjoni ta' konformità lill-awtorità kompetenti kull ħames snin mill-aħħar notifika, sakemm tali intrapriżi żgħar ma jagħżlux, fil-ħin, li jkomplu juru l-konformità billi jġeddu ċertifikat maħruġ miċ-ċertifikaturi. |
|
(33) |
Jenħtieġ li ċ-ċertifikaturi, b'mod partikolari s-servizzi ta' konsulenza, ma jkunux involuti f'ebda attività li tista' tkun f'kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju tagħhom jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni li għalihom ikunu akkreditati. Iċ-ċertifikaturi jistgħu jkunu jew korp ta' valutazzjoni tal-konformità akkreditat, jew verifikatur ambjentali liċenzjat biex iwettaq verifika u validazzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Jenħtieġ li ċ-ċertifikat jikkorrispondi għal format uniku sabiex tiġi żgurata informazzjoni omoġenja. |
|
(34) |
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw b'mod aktar effiċjenti l-konformità skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li ċ-ċertifikaturi jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-eżitu tal-valutazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li ċ-ċertifikati ma jippreġudikawx il-valutazzjoni tal-konformità mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
(35) |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu ċerta informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Dan jinkludi n-notifika dwar l-installazzjonijiet imħaddma, l-involviment fit-trasport ta' pellets tal-plastik fl-Unjoni inkluż bidliet sinifikanti minn dak li ġie nnotifikat qabel, l-istabbiliment ta' rappreżentant awtorizzat, pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju, awtodikjarazzjonijiet ta' konformità, ċertifikati u permessi, li jenħtieġ li jkunu aċċessibbli fuq sit web faċli biex jinstab, mingħajr ħlas u mhux ristrett. Madankollu, biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-kunfidenzjalità, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jżommu għalihom dettalji speċifiċi jekk ir-rilaxx tagħhom jipperikola s-sikurezza tal-installazzjonijiet ikkonċernati, is-sikurezza tal-popolazzjonijiet lokali, jew interessi pubbliċi oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika wkoll listi ta' siti web nazzjonali u rappreżentanti awtorizzati ta' trasportaturi mhux tal-UE biex tiżgura aċċess wiesa' għal din l-informazzjoni filwaqt li tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tan-negozju. |
|
(36) |
Sabiex jiġu rreġistrati mal-iskema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS), l-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali, inkluż dan ir-Regolament. Konsegwentement, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li huma rreġistrati mal-EMAS jitqiesu bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, dment li verifikatur ambjentali jkun ivverifika li r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament ikunu ġew inklużi fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħhom u jkunu ġew implimentati. Għalhekk, jenħtieġ li tali operaturi ekonomiċi jiġu eżentati mill-obbligi ta' ċertifikazzjoni u notifika lill-awtoritajiet kompetenti meta jġeddu l-awtodikjarazzjonijiet u jaġġornaw il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju. Minbarra l-eżenzjoni prevista għall-operaturi reġistrati mal-EMAS u għall-fini li jitnaqqas il-piż fuq sistemi oħra ta' integrità għolja, jenħtieġ li jkun possibbli li l-operaturi ekonomiċi li jħejju u jimplimentaw sistemi oħra ta' ġestjoni ambjentali għal kull installazzjoni jiġu eżentati mill-konformità ma' dan ir-Regolament meta jissodisfaw ċerti kriterji kif stabbilit f'dan ir-Regolament. |
|
(37) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-konformità tal-operaturi ekonomiċi, tat-trasportaturi tal-UE u tat-trasportaturi mhux tal-UE mal-obbligi mniżżla f'dan ir-Regolament bl-użu, jekk ikun xieraq, tas-sejbiet ipprovduti bħala parti mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni jew mill-awtodikjarazzjonijiet. Jenħtieġ li tali verifika tkun ibbażata, skont il-każ, fuq spezzjonijiet ambjentali jew miżuri oħra ta' verifika, u jenħtieġ li ssegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Fejn possibbli, jenħtieġ li l-ispezzjonijiet jiġu kkoordinati ma' dawk meħtieġa skont atti legali oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
|
(38) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament permezz ta' permessi bbażati fuq sistema ta' spezzjonijiet regolari tal-installazzjonijiet biex tiġi eżaminata l-firxa sħiħa ta' effetti ambjentali rilevanti, inkluż it-tixrid u t-telf. Għall-installazzjonijiet li jinsabu fi Stat Membru li jiddeċiedi li jinforza u jivverifika l-konformità permezz ta' tali sistema ta' permessi u spezzjonijiet regolari, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkunu eżentati milli jiksbu ċertifikat jew jippreżentaw awtodikjarazzjoni ta' konformità għal dawk l-installazzjonijiet li għalihom ikollhom permess li jimponi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma' dan ir-Regolament. Għall-installazzjonijiet li għalihom tapplika tali eżenzjoni, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti rilevanti bil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju u bl-aġġornamenti regolari tiegħu. Meta l-konformità tiġi żgurata permezz ta' permessi, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jirrevedu l-kundizzjonijiet tal-permessi eżistenti u joħorġu permessi ġodda b'tali mod li l-konformità ma' dan ir-Regolament tiġi żgurata fi żmien debitu. |
|
(39) |
Id-Direttiva 2008/98/KE tipprevedi li l-Istati Membri jirrikjedu li r-riċiklaturi jiksbu permess, li l-kundizzjonijiet tiegħu jiżguraw li l-produzzjoni ta' pellets tal-plastik titwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem jew mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari billi jiġu evitati r-riskji għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-pjanti jew l-annimali. |
|
(40) |
Sabiex jiġu mminimizzati l-effetti ta' kwalunkwe telf, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa sabiex terġa tinkiseb l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-miżuri korrettivi rikjesti jkunu proporzjonati għall-ksur identifikat u għall-effetti ta' ħsara mistennija fuq l-ambjent. Meta l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw ksur ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinnotifikaw lill-operatur ekonomiku, lit-trasportatur tal-UE jew lit-trasportatur mhux tal-UE b'dan u jirrikjedu li jittieħdu miżuri korrettivi biex terġa' tinkiseb il-konformità. |
|
(41) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom sett minimu ta' setgħat ta' spezzjoni u infurzar sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament, jikkooperaw ma' xulxin aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti, u biex jiskoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE, ir-rappreżentanti awtorizzati, l-ispedituri, u l-operaturi, l-aġenti u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar li jittrasportaw pellets tal-plastik, fejn rilevanti milli jiksru dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi tal-infurzar u biex jipprevjenu lill-operaturi ekonomiċi mhux konformi milli jisfruttaw in-nuqqasijiet fis-sistema tal-infurzar billi jirrilokaw lejn Stati Membri li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ma jkunux mgħammra biex jindirizzaw prattiki illegali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jużaw il-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ bħala evidenza għall-finijiet tal-ispezzjoni tagħhom. |
|
(42) |
L-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jirrappreżentaw sehem importanti tal-katina tal-provvista tal-pellets tal-plastik. Meta jikkonformaw mal-obbligi rilevanti stabbiliti f'dan ir-Regolament, huma jistgħu jiffaċċjaw sfidi speċifiċi ta' implimentazzjoni u kostijiet proporzjonalment ogħla. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid is-sensibilizzazzjoni fost l-operaturi ekonomiċi u t-trasportaturi dwar il-ħtieġa li jiġi evitat it-telf tal-pellets tal-plastik. Barra minn hekk, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa materjali ta' taħriġ, li jistgħu jieħdu forom differenti, inkluż gwidi u korsijiet, biex jassistu lill-operaturi ekonomiċi u lit-trasportaturi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju. Jenħtieġ li r-Rakkomandazzjoni OSPAR 2021/06 tiġi kkunsidrata f'dak ir-rigward. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għall-informazzjoni u l-assistenza, speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, rigward il-konformità mal-obbligi u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju. L-assistenza pprovduta mill-Istati Membri tista' tinkludi appoġġ tekniku u taħriġ speċjalizzat għall-persunal kollu li jimmaniġġa l-pellets tal-plastik. Din tista' tinkludi wkoll appoġġ finanzjarju, inkluż għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni għal intrapriżi żgħar, kif ukoll aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li jittieħdu azzjonijiet mill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(43) |
Sabiex tinkiseb bażi komuni għall-istima tat-telf tal-pellets tal-plastik, jeħtieġ li jkun hemm metodoloġija standardizzata stabbilita fi standard armonizzat adottat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi proċedura għal oġġezzjonijiet għal standards armonizzati meta dawk l-istandards ma jissodisfawx kompletament ir-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
|
(44) |
Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi ta' dan ir-Regolament jintlaħqu, u li r-rekwiżiti tiegħu jiġu infurzati b'mod effettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti tagħhom responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. F'każijiet meta jkun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda maħtura fit-territorju tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha maħtura sabiex jiġi żgurat li d-dmirijiet ta’ dawk l-awtoritajiet jiġu ssodisfati b’mod effiċjenti. |
|
(45) |
Sabiex tiġi żgurata l-konformità, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu wkoll il-passi meħtieġa, inklużi spezzjonijiet u seduti bbażati fuq informazzjoni rilevantibħal ilmenti sostanzjati ppreżentati minn partijiet terzi. Jenħtieġ li l-partijiet terzi li jippreżentaw tħassib ikunu jistgħu juru interess suffiċjenti jew iżommu l-indeboliment ta' dritt. |
|
(46) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe miżura meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont dan ir-Regolament tkun soġġetta għal rimedji ġudizzjarji effettivi f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). F'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ta' persuna skont il-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pubbliku, inkluż il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi koperti minn dan ir-Regolament, ikollu aċċess għall-ġustizzja skont l-obbligi li l-Istati Membri jkunu qablu magħhom bħala partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (NU/KEE) dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-25 ta' Ġunju 1998 (13) (il-“Konvenzjoni ta' Aarhus”). |
|
(47) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiżguraw li dawn jiġu implimentati. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għal penali amministrattivi kif ukoll kriminali. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-impożizzjoni ta' penali kriminali u amministrattivi ma twassalx għal ksur tad-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew ikkastigat darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali (il-prinċipju ne bis in idem), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għall-aktar ksur serju mwettaq minn persuna ġuridika, bħal dak ta' livell għoli ta' gravità minħabba n-natura, il-firxa u r-ripetizzjoni tiegħu, jew dak li joħloq riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistema nazzjonali tagħhom ta' penali tinkludi penali finanzjarji amministrattivi li l-ammont massimu tagħhom jenħtieġ li jkun mill-inqas 3 % tal-fatturat annwali ta’ dik il-persuna ġuridika fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta' qabel is-sena li fiha l-penali finanzjarja amministrattiva tiġi imposta. Għal tali ksur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jew alternattivament jimponu penali kriminali, dment li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
(48) |
Fejn xieraq, l-Istati Membri jenħieġ li jappoġġaw il-finanzjament ta' proġetti mmirati lejn: it-tindif ta' żoni mniġġsa minn pellets tal-plastik bl-użu ta' prattiki ambjentalment sostenibbli; il-ġbir, l-ipproċessar u l-għoti ta' informazzjoni dwar inċidenti u aċċidenti li jikkawżaw telf u reazzjonijiet relatati; it-titjib tal-għarfien dwar l-impatti tat-telf tal-pellets tal-plastik fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; u l-promozzjoni ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni, speċjalment għaż-żoni l-aktar affettwati bħaż-żoni industrijali u l-portijiet. |
|
(49) |
Meta jkun seħħ dannu għas-saħħa tal-bniedem b'riżultat ta' ksur ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-individwi affettwati jkunu jistgħu jitolbu u jiksbu kumpens għal dak id-dannu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti. Tali regoli dwar il-kumpens jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huma jirfdu wkoll id-dritt għall-ħajja, l-integrità tal-persuna u l-kura tas-saħħa stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 35 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) ma tagħtix lill-partijiet privati dritt għal kumpens bħala konsegwenza ta' dannu ambjentali jew ta' theddida imminenti ta' tali dannu. |
|
(50) |
Għalhekk huwa xieraq li dan ir-Regolament jindirizza d-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab minn individwi u sabiex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom kontra d-dannu għas-saħħa kkawżat minn ksur ta' dan ir-Regolament u b'hekk jiġi żgurat infurzar aktar effiċjenti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-proċeduri relatati mat-talbiet għal kumpens jitfasslu u jiġu applikati b'tali mod li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għal dannu impossibbli jew eċċessivament diffiċli. |
|
(51) |
L-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-objettiv li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem permezz ta' ambjent sikur segwit minnha u jenħtieġ li ma jaffettwax regoli proċedurali nazzjonali oħra li jistabbilixxu d-dritt li jintalab kumpens għal ksur ta' dan ir-Regolament. Madankollu, tali regoli nazzjonali jenħtieġ li ma jfixklux il-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu għat-tiftix ta' kumpens meħtieġ minn dan ir-Regolament. |
|
(52) |
Sabiex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom kontra d-dannu għas-saħħa kkawżat minn ksur ta' dan ir-Regolament u b'hekk jiżguraw l-infurzar aktar effiċjenti tiegħu, jenħtieġ li organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent jew dawk li jippromwovu l-protezzjoni tal-konsumaturi u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali, bħala membri tal-pubbliku kkonċernati, jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti, kif jiddeterminaw l-Istati Membri, jew f'isem kwalunkwe vittma jew b'appoġġ għaliha, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati. L-Istati Membri normalment igawdu minn awtonomija proċedurali biex jiżguraw rimedju effettiv kontra l-ksur tal-liġi tal-Unjoni, soġġett għar-rispett tal-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività. Madankollu, l-esperjenza turi li, filwaqt li hemm evidenza epidemjoloġika qawwija dwar l-impatti negattivi tat-tniġġis fuq is-saħħa tal-popolazzjoni, ma huwiex faċli li wieħed jagħmel rabta diretta bejn telf speċifiku ta' pellets tal-plastik u impatti speċifiċi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, u tali impatti ġeneralment mhumiex immedjati lanqas. |
|
(53) |
Sabiex jitqiesu l-progress tekniku u l-iżviluppi xjentifiċi, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendi tal-Annessi ta' dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (16). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati. |
|
(54) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rapportar ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). |
|
(55) |
Sabiex l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE, it-trasportaturi mhux tal-UE, l-ispedituri, u l-operaturi, l-aġenti u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita. |
|
(56) |
Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi għall-immaniġġar ta' pellets tal-plastik biex jiġi evitat it-telf fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista tal-pellets tal-plastik, bil-għan li jinkiseb telf żero tal-pellets tal-plastik.
2. Dan ir-Regolament japplika għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ġejjin:
|
(a) |
l-operaturi ekonomiċi li jimmaniġġaw pellets tal-plastik fl-Unjoni fi kwantitajiet daqs jew aktar mil-limitu ta' 5 tunnellati fis-sena kalendarja preċedenti; |
|
(b) |
l-operaturi ekonomiċi li jħaddmu installazzjonijiet fl-Unjoni għat-tindif tal-kontejners u tat-tankijiet tal-pellets tal-plastik; |
|
(c) |
it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE li jittrasportaw pellets tal-plastik fl-Unjoni; u |
|
(d) |
spedituri u operaturi, aġenti u kaptani ta' bastimenti tal-baħar li jittrasportaw pellets tal-plastik f'kontejners tal-merkanzija li jitilqu jew jidħlu f'port ta' Stat Membru. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“pellets tal-plastik” tfisser massa ta' materjal li fiha polimeri, irrispettivament mill-għamla, il-forma, jew id-daqs tagħha, li hija prodotta għall-iffurmar f'operazzjonijiet tal-manifattura tal-prodotti tal-plastik, irrispettivament mill-użu proprju tagħha; |
|
(2) |
“tixrid” tfisser ħruġ ta' darba jew fit-tul ta' pellets tal-plastik f'konfini tal-installazzjoni jew f'vetturi tat-triq, vaguni ferrovjarji, jew bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jittrasportaw pellets tal-plastik mill-konteniment primarju; |
|
(3) |
“telf” tfisser ħruġ ta' darba jew fit-tul ta' pellets tal-plastik fl-ambjent fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista, jew mill-konfini tal-installazzjoni jew minn vetturi tat-triq, vaguni ferrovjarji, bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew bastimenti tal-baħar li jitilqu jew jidħlu f'port ta' Stat Membru, li jittrasportaw pellets tal-plastik; |
|
(4) |
“installazzjoni” tfisser kwalunkwe bini, struttura, sit jew post li fih titwettaq attività ekonomika waħda jew aktar li tinvolvi l-immaniġġar ta' pellets tal-plastik; |
|
(5) |
“operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tħaddem jew tikkontrolla l-installazzjoni kompletament jew parzjalment, meta jkun hemm dispożizzjoni dwar dan fil-liġi nazzjonali, li lilha tiġi delegata s-setgħa ekonomika deċiżiva għall-funzjonament tekniku tal-installazzjoni; |
|
(6) |
“trasportatur tal-UE” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru, involuta fit-trasport ta' pellets tal-plastik bħala parti mill-attività ekonomika tagħha billi tuża vetturi tat-triq, vaguni tal-ferrovija jew bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni; |
|
(7) |
“trasportatur mhux tal-UE” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f'pajjiż terz, involuta fit-trasport ta' pellets tal-plastik bħala parti mill-attività ekonomika tagħha fl-Unjoni billi tuża vetturi tat-triq, vaguni tal-ferrovija jew bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni; |
|
(8) |
“speditur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li hija jew f'isimha jew għan-nom tagħha jkun ġie konkluż kuntratt ta' trasport ta' merkanzija ma' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta fit-trasport ta' pellets tal-plastik bħala parti mill-attività ekonomika tagħha bl-użu ta' bastimenti tal-baħar; |
|
(9) |
“operatur” tfisser is-sid jew il-maniġer ta' bastiment tal-baħar; |
|
(10) |
“aġent” tfisser kwalunkwe persuna b'mandat jew awtorizzata biex tipprovdi informazzjoni f'isem l-operatur; |
|
(11) |
“intrapriża mikro, żgħira u ta' daqs medju” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta' daqs medju skont it-tifsira tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (18); |
|
(12) |
“intrapriża kbira” tfisser intrapriża li ma hijiex intrapriża mikro, żgħira jew ta' daqs medju; |
|
(13) |
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità jew korp maħtur minn Stat Membru biex iwettaq l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament; |
|
(14) |
“rappreżentant awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun ġiet maħtura b'mandat bil-miktub minn trasportatur mhux tal-UE skont l-Artikolu 4, biex taġixxi f'isimha b'rabta ma' kompiti speċifiċi fir-rigward tal-obbligi skont l-Artikolu 3(2) u (3), l-Artikolu 5(6), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 15(1); |
|
(15) |
“ċertifikatur” tfisser kwalunkwe waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin:
|
|
(16) |
“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk installazzjoni tissodisfax ir-regoli applikabbli ta' dan ir-Regolament u tal-atti delegati adottati abbażi tiegħu; |
|
(17) |
“permess” tfisser awtorizzazzjoni bil-miktub, maħruġa mill-awtorità kompetenti rilevanti, biex titħaddem installazzjoni. |
Artikolu 3
Obbligi ġenerali
1. L-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jiżguraw li jiġi evitat it-telf. Meta jseħħ telf, l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jieħdu azzjoni immedjata sabiex jiġbru u jnaddfu dak it-telf f'konformità ma' prattiki sostenibbli għall-ambjent.
2. L-operaturi ekonomiċi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru dwar kull installazzjoni li tinsab f'dak l-Istat Membru li jħaddmu jew jikkontrollaw, jew, fejn applikabbli, li għaliha jkunu ġew iddelegati s-setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tagħha. Għal kull installazzjoni nnotifikata, huma għandhom jispeċifikaw jekk l-installazzjoni timmaniġġax pellets tal-plastik fi kwantitajiet inqas minn, jew daqs jew ogħla minn, limitu ta' 1 500 tunnellata fis-sena. Qabel ma jiġu ttrasportati l-pellets tal-plastik fl-Unjoni għall-ewwel darba, it-trasportaturi tal-UE jew ir-rappreżentanti awtorizzati msemmija fl-Artikolu 4, kif applikabbli, għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih it-trasportatur tal-UE jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun stabbilit dwar l-involviment tagħhom fit-trasport ta' pellets tal-plastik fl-Unjoni u l-mezz tat-trasport użat.
3. L-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u r-rappreżentanti awtorizzati għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 2 bi kwalunkwe bidla sinifikanti f'dak li kien innotifikat qabel f'konformità mal-paragrafu 2 rigward l-installazzjonijiet u l-attivitajiet ikkonċernati relatati mal-immaniġġar u t-trasport ta' pellets tal-plastik, inkluż bi kwalunkwe għeluq ta' installazzjoni eżistenti, waqfien tal-attivitajiet tat-trasport jew fejn ma jibqgħux soġġetti għal dan ir-Regolament, u kwalunkwe bidla fil-kwantitajiet tal-pellets tal-plastik immaniġġati li hija rilevanti għall-applikazzjoni tal-obbligi assoċjati mal-limiti massimi.
Artikolu 4
Rappreżentanti awtorizzati ta' trasportaturi mhux tal-UE
1. It-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jaħtru bil-miktub rappreżentant awtorizzat f'mill-inqas Stat Membru wieħed fejn it-trasportaturi mhux tal-UE jkunu involuti fit-trasport ta' pellets tal-plastik.
2. It-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jagħtu mandat bil-miktub lir-rappreżentant awtorizzat biex jaġixxi f'isimhom bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 3(2) u (3), l-Artikolu 5(6), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 15(1) ta' dan ir-Regolament. Tali rappreżentant awtorizzat jista' jiġi indirizzat flimkien mat-trasportaturi mhux tal-UE jew minflokhom. Il-mandat tar-rappreżentant awtorizzat għandu jkun validu biss meta jiġi aċċettat bil-miktub mir-rappreżentant awtorizzat. Il-ħatra ta' rappreżentant awtorizzat għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra trasportaturi mhux tal-UE.
3. It-trasportatur mhux tal-UE għandu jinforma simultanjament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 u lill-Kummissjoni bil-ħatra ta' rappreżentant awtorizzat u l-mandat tiegħu qabel l-ewwel trasport ta' pellets tal-plastik fl-Unjoni.
Artikolu 5
Obbligi rigward l-immaniġġar ta' pellets tal-plastik
1. L-operaturi ekonomiċi għandhom jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
jistabbilixxu pjan ta' ġestjoni tar-riskju għal kull installazzjoni f'konformità mal-Anness I, filwaqt li tqis in-natura u d-daqs tal-installazzjoni kif ukoll l-iskala tal-operazzjonijiet tagħha; |
|
(b) |
jinstallaw it-tagħmir u jeżegwixxu l-proċeduri deskritti fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju; u |
|
(c) |
jinnotifikaw il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab l-installazzjoni flimkien ma' awtodikjarazzjoni ta' konformità maħruġa f'konformità mal-formola mudell stabbilita fl-Anness II. |
L-operaturi ekonomiċi għandhom iżommu l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju aġġornat, filwaqt li jqisu b'mod partikolari n-nuqqasijiet identifikati permezz tal-esperjenza tagħhom fl-immaniġġar ta' pellets tal-plastik, u għandhom jagħmluha disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.
2. L-operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju jew kbar li jħaddmu installazzjonijiet fejn ikunu ġew immaniġġati pellets tal-plastik fi kwantitajiet ta' anqas mil-limitu ta' 1 500 tunnellata fis-sena kalendarja preċedenti jew li huma mikrointrapriżi għandhom jinnotifikaw aġġornament tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju għal kull installazzjoni kif ukoll tiġdid tal-awtodikjarazzjoni ta' konformità lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun l-installazzjoni kull ħames snin mill-aħħar notifika.
3. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-operaturi ekonomiċi jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
li jibdlu l-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju nnotifikati f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 sabiex jiġi żgurat li t-telf ikun jista' jiġi evitat b'mod effettiv u, meta xieraq, jinżamm u jitnaddaf u li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I jiġu osservati; u |
|
(b) |
li jimplimentaw kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet elenkati fl-Anness I fil-ħin. |
4. It-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness III jiġu implimentati.
5. Meta l-operaturi ekonomiċi jimplimentaw l-azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju u t-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jimplimentaw l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness III, dawn għandhom jagħmlu hekk fl-ordni ta' prijorità li ġejja:
|
(a) |
azzjonijiet għall-prevenzjoni tat-tixrid; |
|
(b) |
azzjonijiet sabiex jitrażżan it-tixrid sabiex jiġi evitat li dan isir telf; |
|
(c) |
azzjonijiet għat-tindif wara tixrid jew telf. |
6. L-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandu jkollhom l-obbligi li ġejjin:
|
(a) |
jiżguraw li l-persunal tagħhom ikunu mħarrġa skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom u li jkunu konxji u jistgħu jużaw it-tagħmir rilevanti u jeżegwixxu l-proċeduri stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament; u |
|
(b) |
iżommu rekords tal-kwantitajiet stmati kull sena ta' telf u tal-kwantitajiet totali ta' pellets tal-plastik immaniġġati. |
Minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tal-istandard armonizzat rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew mid-data tal-applikazzjoni tal-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 18(3), l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jistmaw il-kwantitajiet ta' telf imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, f'konformità mal-metodoloġija standardizzata msemmija fl-Artikolu 18.
Ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jipprovdu evidenza tal-konformità tat-trasportaturi mhux tal-UE mal-obbligu stabbilit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu. L-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u r-rappreżentanti awtorizzati għandhom iżommu r-rekords imsemmija fil-punti (b) tal-ewwel subparagrafu għal perjodu ta' ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u, fejn applikabbli, għaċ-ċertifikaturi fuq talba, għall-iskopijiet tal-Artikolu 6.
7. Meta azzjoni meħuda għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif tat-tixrid u tat-telf ma tirnexxix, l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom jieħdu miżuri korrettivi, mill-aktar fis possibbli.
8. Kull sena l-operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi ta' daqs medju jew kbar li jħaddmu installazzjonijiet fejn ikunu ġew immaniġġati pellets tal-plastik fi kwantitajiet daqs jew ogħla mil-limitu ta' 1 500 tunnellata fis-sena kalendarja preċedenti għandhom, għal kull installazzjoni, iwettqu valutazzjoni interna tal-istat ta' konformità tal-installazzjoni mar-rekwiżiti tal-pjan ta' ġestjoni tar-riskju stabbilit fl-Anness I jew mal-kundizzjonijiet li skonthom ikun ingħata l-permess imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-punt (a).
L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom iżommu rekords tal-valutazzjonijiet interni għal perjodu ta' ħames snin u għandhom jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba, u għaċ-ċertifikaturi għall-iskopijiet tal-Artikolu 6.
Artikolu 6
Ċertifikazzjoni
1. Sas-17 ta’ Diċembru 2027, u kull tliet snin wara dan, l-operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi kbar għandhom juru li l-proċess tal-immaniġġar f'kull installazzjoni fejn fis-sena kalendarja preċedenti jkunu ġew immanniġġati pellets tal-plastik fi kwantitajiet daqs jew aktar mil-limitu ta' 1 500 tunnellata huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, billi jiksbu ċertifikat maħruġ minn ċertifikatur.
2. Sas-17 ta’ Diċembru 2028, u kull erba' snin wara dan, l-operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi ta' daqs medju għandhom juru li l-proċess tal-immaniġġar f'kull installazzjoni fejn fis-sena kalendarja preċedenti jkunu ġew immanniġġati pellets tal-plastik fi kwantitajiet daqs jew aktar mil-limitu ta' 1 500 tunnellata huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, billi jiksbu ċertifikat maħruġ minn ċertifikatur.
3. Sas-17 ta’ Diċembru 2030, l-operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi żgħar għandhom juru li l-proċess tal-immaniġġar f'kull installazzjoni fejn fis-sena kalendarja preċedenti jkunu ġew immanniġġati pellets tal-plastik fi kwantitajiet daqs jew aktar minn limitu ta' 1 500 tunnellata huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, billi jiksbu ċertifikat maħruġ minn ċertifikatur. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun validu għal ħames snin.
L-operaturi ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 5(2) wara l-perjodu ta' skadenza taċ-ċertifikat sakemm ma jagħżlux li jġedduh f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
4. Iċ-ċertifikaturi għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post, inkluż, jekk aċċessibbli, fiż-żoni tal-madwar immedjatament, biex jiżguraw li l-pjan ta' ġestjoni tar-riskju jkun adegwat biex jipprevjeni t-telf tal-pellets tal-plastik u li l-miżuri kollha inklużi fih jiġu implimentati kif xieraq.
5. Iċ-ċertifikati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
huma jinħarġu f'konformità mal-formola mudell stabbilita fl-Anness IV u f'forma elettronika; |
|
(b) |
huma jispeċifikaw l-operatur ekonomiku, l-installazzjoni koperta miċ-ċertifikat, id-data ta’ kull kontroll fuq il-post imwettaq, u l-perjodu ta' validità; |
|
(c) |
huma jiċċertifikaw il-konformità tal-installazzjoni koperta miċ-ċertifikat mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I; |
6. Mingħajr dewmien żejjed, iċ-ċertifikaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b'dan li ġej:
|
(a) |
iċ-ċertifikati maħruġa; |
|
(b) |
iċ-ċertifikati sospiżi jew irtirati; |
|
(c) |
bidliet fiċ-ċertifikati. |
Artikolu 7
Konformità permezz ta' permessi
1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi ekonomiċi mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), u l-Artikolu 5(2) kif ukoll mill-obbligu li jiksbu ċertifikat skont l-Artikolu 6(1), (2) u (3) fir-rigward ta' kull installazzjoni, dment li:
|
(a) |
l-operat tal-installazzjoni huwa soġġett għal permess; |
|
(b) |
l-operatur ekonomiku jkun innotifika lill-awtorità kompetenti għall-ħruġ ta' permessi bil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tiegħu kif ukoll l-aġġornamenti tiegħu kull tliet snin għal intrapriżi kbar, erba' snin għal intrapriżi ta' daqs medju u ħames snin għal mikrointrapriżi u dawk żgħar; |
|
(c) |
il-permess ikun ingħata jew ġie rieżaminat u, jekk ikun meħtieġ, aġġornat abbażi tal-verifika tal-konformità tal-operatur ekonomiku mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I wara n-notifika ta' pjan ta' ġestjoni tar-riskju u aġġornamenti sussegwenti, kif imsemmi fil-punt (b); u |
|
(d) |
l-installazzjoni tkun soġġetta għal spezzjonijiet regolari mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż żjarat fuq il-post, li jeżaminaw il-firxa sħiħa tal-effetti ambjentali rilevanti, inkluż dawk tat-tixrid u t-telf, bil-perjodiċità msemmija fl-Artikolu 5(2) u l-perjodiċità ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1), (2) u (3). |
2. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-eżenzjoni tal-operaturi ekonomiċi u r-regoli nazzjonali dwar il-permessi.
Artikolu 8
Konformità permezz ta’ sistemi ta' ġestjoni ambjentali
1. L-operaturi ekonomiċi li huma rreġistrati mal-iskema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 għandhom ikunu eżentati mill-konformità mal-obbligi stabbilit fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6(1), (2) u (3) ta' dan ir-Regolament dment li l-verifikatur ambjentali kif definit fl-Artikolu 2(20) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 ikun ivverifika li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament ġew inklużi fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-operatur ekonomiku u ġew implimentati.
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi ekonomiċi mill-konformità mal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1), (2) u (3) jekk ikunu ħejjew u implimentaw sistema ta' ġestjoni ambjentali (EMS) għal kull installazzjoni, u dment li:
|
(a) |
ċertifikatur akkreditat ikun wettaq valutazzjoni tal-konformità biex jivverifika, inkluż permezz ta' kontrolli fuq il-post, li l-EMS u l-mod kif tiġi implimentata huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I; |
|
(b) |
l-operatur ekonomiku jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-valutazzjoni tal-konformità tal-EMS imsemmija fil-punt (a), inkluż informazzjoni dwar l-operatur ekonomiku, l-installazzjoni li għaliha tiġi vverifikata l-konformità, id-data li fiha jitwettqu l-verifiki fuq il-post, u l-perjodu li għalih tkun valida l-valutazzjoni tal-konformità; u |
|
(c) |
il-valutazzjonijiet regolari tal-konformità tal-EMS jinkludu, mill-inqas kull tliet snin, evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I. |
Artikolu 9
Akkreditazzjoni taċ-ċertifikaturi
L-akkreditazzjoni taċ-ċertifikaturi msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (15)(a), għandha tinkludi evalwazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
iċ-ċertifikatur għandu jkun stabbilit skont il-liġi ta' Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika; |
|
(b) |
iċ-ċertifikatur għandu jkun parti terza indipendenti mill-operatur ekonomiku; |
|
(c) |
iċ-ċertifikatur, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista' tkun f'kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni; |
|
(d) |
iċ-ċertifikatur u l-persunal tiegħu għandhom jaħdmu b'mod mhux diskriminatorju u jwettqu l-attivitajiet tagħhom bl-ogħla grad ta' integrità professjonali u bil-kompetenza teknika meħtieġa, u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, inkluż dawk finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni li jkollhom interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet. Għandha tiġi garantita l-imparzjalità taċ-ċertifikaturi, tal-maniġment superjuri tagħhom u tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni; |
|
(e) |
iċ-ċertifikatur għandu jkollu l-għarfien espert, it-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni tal-konformità li jkun ġie akkreditat għaliha; |
|
(f) |
iċ-ċertifikatur għandu jkollu għadd suffiċjenti ta' membri tal-persunal kwalifikati u b'esperjenza xierqa responsabbli biex iwettqu l-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità; |
|
(g) |
mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16(3), il-punt (b), il-persunal ta' ċertifikatur għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità; |
|
(h) |
meta ċertifikatur jissottokuntratta kompiti speċifiċi konnessi maċ-ċertifikazzjoni jew jirrikorri għal impriża sussidjarja, għandu jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mis-sottokuntratturi jew is-sussidjarji, u għandu jivvaluta u jimmonitorja l-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u l-ħidma mwettqa minnhom. Huma biss il-kompiti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditazzjoni taċ-ċertifikatur li jistgħu jitwettqu minn sottokuntratturi jew sussidjarji. Iċ-ċertifikaturi għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sottokuntratturi jew tas-sussidjarji tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni tagħhom. |
Artikolu 10
Obbligu li tingħata informazzjoni
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, kwalunkwe manifattur, importatur, utent downstream jew distributur li jintroduċi fis-suq pellets tal-plastik li huma mikropartikoli ta' polimeri sintetiċi skont l-entrata 78, il-paragrafu 7, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jipprovdi l-informazzjoni kif imsemmi fl-Anness V ta' dan ir-Regolament fuq it-tikketta, l-imballaġġ, il-fuljett ta' tagħrif, jew fuq l-iskeda tad-data tas-sikurezza. L-informazzjoni għandha tkun viżibbli b'mod ċar, tinqara sew u ma titħassarx. L-informazzjoni testwali għandha tiġi pprovduta fil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri fejn il-pellets tal-plastik jiġu introdotti fis-suq, sakemm l-Istati Membri kkonċernati ma jipprevedux mod ieħor. Il-manifattur, l-importatur, l-utent downstream jew id-distributur jistgħu jipprovdu dik l-informazzjoni meta jwettqu l-obbligi skont l-entrata 78, il-paragrafu 7, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
Artikolu 11
Aċċess pubbliku għall-informazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, inkluż b'mod sistematiku permezz tal-internet, fuq sit web li jkun faċli biex jinstab, mingħajr ħlas u mingħajr ma jiġi ristrett l-aċċess għall-utenti rreġistrati, filwaqt li jiżguraw li tiġi ssalvagwardjata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, dan li ġej:
|
(a) |
l-informazzjoni li jkunu rċevew skont l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4; |
|
(b) |
il-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju li jkunu rċevew f'konformità mal-Artikolu 5(1) u (2); |
|
(c) |
l-awtodikjarazzjonijiet ta' konformità li jkunu rċevew f'konformità mal-Artikolu 5(1) u (2); |
|
(d) |
iċ-ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 u n-notifiki li jkunu rċevew f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dak l-Artikolu; |
|
(e) |
il-kontenut tad-deċiżjoni li tagħti permess, inkluż kopja tal-permess u kwalunkwe aġġornament sussegwenti jew link għal reġistri jew siti web eżistenti oħra aċċessibbli għall-pubbliku, stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, li jipprovdu aċċess għal tali permessi u l-aġġornamenti sussegwenti tagħhom; u |
|
(f) |
il-kontenut tal-valutazzjoni ta' konformità tal-EMS li jkunu rċevew f'konformità mal-Artikolu 8(2), il-punt (b). |
2. L-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jiżvelaw pubblikament l-informazzjoni msemmija fl-Anness I, il-paragrafu 1, il-punt (b). L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jħallu barra partijiet mill-informazzjoni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), ta' dan l-Artikolu, jekk id-divulgazzjoni tal-informazzjoni taffettwa b'mod negattiv is-sikurezza tal-installazzjonijiet ikkonċernati jew is-sikurezza tal-popolazzjoni lokali, jew kwalunkwe wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (h), tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jidentifikaw il-partijiet tal-informazzjoni li huma jqisu li ma għandhiex tiġi żvelata pubblikament.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' siti web nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha, dment li l-informazzjoni meħtieġa tiġi ppreżentata mill-Istati Membri.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tar-rappreżentanti awtorizzati maħtura ta' trasportaturi mhux tal-UE abbażi tal-informazzjoni ppreżentata lilha skont l-Artikolu 4(3) u għandha tagħmel dik il-lista disponibbli għall-pubbliku, inkluż b'mod sistematiku permezz tal-internet, fuq sit web li tkun faċli biex tinstab, mingħajr ħlas u mingħajr ma jiġi ristrett l-aċċess għall-utenti rreġistrati, filwaqt li tiżgura li tiġi ssalvagwardata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.
Artikolu 12
Obbligi rigward it-trasport ta' pellets tal-plastik bil-baħar f'kontejners tal-merkanzija
1. L-ispedituri għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
il-pellets tal-plastik jiġu ppakkjati f'imballaġġ ta' kwalità tajba li jkun b'saħħtu biżżejjed biex jiflaħ għax-xokkijiet u t-tagħbijiet li normalment jiltaqgħu magħhom matul it-trasport u li jinbena u jingħalaq sabiex jiġi evitat kwalunkwe telf ta' kontenut li jista' jiġi kkawżat minn forzi ta' vibrazzjoni jew aċċellerazzjoni f'kundizzjonijiet normali tat-trasport; |
|
(b) |
l-informazzjoni dwar it-trasport li tidentifika l-kontejners tal-merkanzija li fihom pellets tal-plastik tingħata lill-operatur, lill-aġent u lill-kaptan tal-bastiment tal-baħar bħala żieda mal-informazzjoni dwar il-merkanzija meħtieġa mir-Regolament VI/2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), qabel ma jittellgħu abbord pellets tal-plastik; u |
|
(c) |
l-informazzjoni dwar il-merkanzija msemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu tkun akkumpanjata minn talba speċjali ta' stivar li tirrikjedi l-istivar tal-kontejners tal-merkanzija li fihom pellets tal-plastik skont il-paragrafu 3. |
2. L-operaturi u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar u, fejn rilevanti, l-aġenti għandhom jiżguraw li jkunu fil-pussess tal-lista jew il-manifest jew il-pjan adegwat tat-tagħbija f'konformità mal-informazzjoni dwar il-merkanzija riċevuta mingħand l-ispeditur imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b).
3. L-operaturi u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar għandhom jiżguraw li l-kontejners tal-merkanzija li jkun fihom pellets tal-plastik ikunu stivati taħt il-gverta, kull fejn dan ikun raġonevolment prattikabbli, jew abbord f'żoni kennija tal-gverti esposti. Fiż-żewġ każijiet, kontejners bħal dawn għandhom jiġu marbuta biex jimminimizzaw il-perikli għall-ambjent marin mingħajr ma jfixklu s-sikurezza tal-bastiment tal-baħar u tal-persuni abbord.
Artikolu 13
Verifika tal-konformità u rapportar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw il-konformità tal-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE u r-rappreżentanti awtorizzati, l-ispedituri u l-operaturi, l-aġenti u l-kaptani tal-bastimenti tal-baħar mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjonijiet ta' konformità msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) u miġbura miċ-ċertifikaturi u l-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 7(1) skont l-eżenzjonijiet mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu spezzjonijiet ambjentali, inkluż mingħajr avviż minn qabel, u miżuri oħrajn ta' verifika, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju.
2. Sal-1 ta’ Jannar 2030, u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul it-tliet snin kalendarji konsekuttivi preċedenti. L-informazzjoni għandha tinkludi:
|
(a) |
l-għadd ta' operaturi ekonomiċi skont id-daqs ta' intrapriża skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE u skont l-attività ekonomika, l-installazzjonijiet tagħhom, u l-għadd ta' trasportaturi tal-UE u ta' trasportaturi mhux tal-UE u l-mezzi tat-trasport użati minn dawk it-trasportaturi għat-trasport ta' pellets tal-plastik; |
|
(b) |
l-għadd ta' pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju u awtodikjarazzjonijiet notifikati skont l-Artikolu 5(1) u 5(2), rispettivament, l-għadd ta' ċertifikati nnotifikati skont l-Artikolu 6(6) u l-għadd ta' operaturi ekonomiċi li huma rreġistrati mal-EMAS jew li implimentaw EMS li tissodisfa l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 8(2); |
|
(c) |
l-għadd ta' permessi mogħtija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 7; u |
|
(d) |
l-għadd u r-riżultati tal-ispezzjonijiet ambjentali u ta' miżuri oħrajn ta' verifika mwettqa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll l-għadd ta' inċidenti u ta' aċċidenti rrapportati f'konformità mal-Artikolu 14(1) u l-miżuri meħuda f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
3. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi format għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).
4. Mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tar-rapportar imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, abbażi tad-data ppreżentata skont dak il-paragrafu.
Artikolu 14
Inċidenti u aċċidenti
1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE, fil-każ ta' inċident jew aċċident li jikkawża telf li jaffettwa b'mod sinifikanti s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE għandhom:
|
(a) |
jinformaw minnufih lis-servizzi ta' emerġenza, fejn rilevanti; |
|
(b) |
jieħdu minnufih il-miżuri kollha possibbli biex jimminimizzaw il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent; |
|
(c) |
mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum wara l-inċident jew aċċident li jikkawża telf li jaffettwa s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti li fit-territorji tagħhom ikun seħħ l-inċident jew l-aċċident:
|
|
(d) |
jieħdu miżuri biex jipprevjenu aktar inċidenti jew aċċidenti. |
2. L-awtorità kompetenti li fit-territorju tagħha jkun seħħ l-inċident jew l-aċċident għandha tirrikjedi, fejn ikun meħtieġ, li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE jieħdu miżuri komplementari xierqa biex jimminimizzaw il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u biex jipprevjenu aktar inċidenti jew aċċidenti, inkluż billi jorganizzaw taħriġ speċifiku.
3. Fil-każ ta' kwalunkwe inċident jew aċċident li jaffettwa s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti li fit-territorju tagħha jkun seħħ l-aċċident jew l-inċident għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru l-ieħor.
Artikolu 15
Nonkonformità
1. Fil-każ ta' ksur tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE, it-trasportaturi mhux tal-UE u rappreżentanti awtorizzati, skont il-każ, għandhom minnufih:
|
(a) |
jinformaw lill-awtorità kompetenti; |
|
(b) |
jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jerġa' jkun hemm konformità fl-inqas żmien possibbli; u |
|
(c) |
jikkonformaw ma' kwalunkwe miżura komplementari ddeterminata mill-awtorità kompetenti kif meħtieġ sabiex terġa' tinkiseb il-konformità. |
2. Meta l-ksur tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament ikun ta' periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jhedded li jikkawża effett negattiv sinifikanti u immedjat fuq l-ambjent, l-awtorità kompetenti għandha, jew, meta dak il-ksur iwassal għal telf sinifikanti, l-awtorità kompetenti tista', tissospendi t-tħaddim tal-installazzjoni jew ta' parti minnha, u timmobilizza l-vettura jew tipprevjeni l-moviment ta' vetturi tat-triq, vaguni ferrovjarji jew bastimenti li jivvjaġġaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni sakemm terġa' tiġi stabbilita l-konformità skont il-paragrafu 1, il-punti (b) u (c).
Artikolu 16
Ħatra u setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar bħala responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien wara is-16 ta’ Diċembru 2025, bl-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, u jinfurmawha wkoll bi kwalunkwe bidla sussegwenti f'dik l-informazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom is-setgħat ta' spezzjoni u infurzar meħtieġa sabiex jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament.
3. Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu tal-inqas dan li ġej:
|
(a) |
is-setgħa li jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument, data jew informazzjoni rilevanti relatati ma' ksur ta' dan ir-Regolament, fi kwalunkwe forma jew format, u irrispettivament mill-mezz ta' ħżin tagħhom, jew il-post fejn jinħażnu, u s-setgħa li jieħdu jew jiksbu kopji tagħhom; |
|
(b) |
is-setgħa li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tintalab tipprovdi kwalunkwe informazzjoni, data jew dokument rilevanti, fi kwalunkwe forma jew format, u irrispettivament mill-mezz ta' ħżin tagħhom, jew mill-post fejn jinħażnu, għall-fini li jiġi stabbilit jekk ikunx seħħ jew qiegħed iseħħ ksur ta' dan ir-Regolament u d-dettalji ta' tali ksur; |
|
(c) |
is-setgħa li jibdew spezzjoni fuq inizjattiva proprja biex iwaqqfu jew jipprojbixxu l-ksur ta' dan ir-Regolament; u |
|
(d) |
is-setgħa li jkollhom aċċess għall-installazzjonijiet. |
4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw kwalunkwe informazzjoni, dokument, sejba, dikjarazzjoni jew intelligence bħala evidenza għall-finijiet tal-ispezzjonijiet ambjentali u miżuri ta' verifika oħra tagħhom, irrispettivament mill-format jew mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna.
5. Meta jkun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta' komunikazzjoni u koordinazzjoni.
Artikolu 17
Informazzjoni u assistenza rigward il-konformità
1. Sas-17 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż permezz tal-internet, fuq sit web li jkun faċli biex jinstab, mingħajr ħlas u mingħajr ma jiġi limitat l-aċċess għall-utenti rreġistrati, materjal ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi u ċ-ċertifikaturi, inkluż l-intrapriżi mikro dawk żgħar u ta' daqs medju, u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti fil-qasam tal-ambjent u f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta wkoll rappreżentanti ta' rappreżentanti awtorizzati, spedituri, u operaturi, aġenti u kaptani ta' bastimenti tal-baħar.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi, it-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE, ir-rappreżentanti awtorizzati, l-ispedituri, u l-operaturi, l-aġenti u l-kaptani tal-bastimenti tal-baħar jiksbu aċċess għall-informazzjoni dwar il-konformità ma' dan ir-Regolament u li huma, speċjalment l-intrapriżi mikro u żgħar, jiksbu assistenza f'dak ir-rigward.
Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-assistenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista', b'mod partikolari, tieħu l-forma ta':
|
(a) |
appoġġ finanzjarju, inkluż għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni għal impriżi żgħar; |
|
(b) |
aċċess għal finanzi; |
|
(c) |
ġestjoni speċjalizzata u taħriġ tal-persunal; u |
|
(d) |
assistenza organizzazzjonali u teknika. |
3. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ programmi ta' taħriġ għall-kwalifika tal-persunal taċ-ċertifikaturi.
Artikolu 18
Standards
1. Għall-finijiet ta' konformità mal-obbligu msemmi fl-Artikolu 5(6), il-punt (b), għandha tiġi żviluppata metodoloġija għall-istima tal-kwantitajiet ta' telf fi standards armonizzati f'konformità mal-proċeduri stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-talba għall-iżvilupp ta' standards armonizzati lil organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar sas-17 ta’ Diċembru 2026.
3. F'każ li ebda organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni ma taċċetta t-talba biex jiġi abbozzat standard armonizzat jew jekk il-Kummissjoni tqis li l-istandard propost ma jissodisfax ir-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz ta' att ta' implimentazzjoni. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(3).
Artikolu 19
Ġestjoni tal-ilmenti u aċċess għall-ġustizzja
1. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi meqjusa skont il-liġi nazzjonali bħala li għandhom interess suffiċjenti jew dawk li jqisu li d-drittijiet tagħhom iddgħajfu għandhom ikunu intitolati li jressqu lmenti sostanzjati lill-awtoritajiet kompetenti meta jqisu, abbażi ta' ċirkostanzi oġġettivi, li operatur ekonomiku, trasportatur tal-UE, trasportatur mhux tal-UE, jew speditur, jew operatur, aġent jew kaptan ta' bastiment tal-baħar qiegħed jonqos milli jikkonforma ma' dan ir-Regolament.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-entitajiet jew l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent jew dawk li jippromwovu l-protezzjoni tal-konsumatur, u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess suffiċjenti.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw ilmenti sostanzjati kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, fejn xieraq, jieħdu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw tali lmenti, inklużi spezzjonijiet u seduti ta' smigħ tal-persuna jew tal-organizzazzjoni. Meta jinstab li l-ilment għandu bażi soda, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 5(3), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2).
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, malajr kemm jista' jkun, jinfurmaw lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 li ressqu l-ilment bid-deċiżjoni tagħhom li jaċċettaw jew jirrifjutaw it-talba għal azzjoni mressqa fl-ilment, u għandhom jipprovdu r-raġunijiet għaliha.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikollha aċċess għal qorti jew korp pubbliku indipendenti u imparzjali ieħor biex jirrieżamina l-legalità proċedurali u sostantiva tad-deċiżjonijiet, l-atti jew in-nuqqas ta' azzjoni tal-awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tirrikjedi li l-proċeduri ta' rieżami amministrattiv jiġu eżawriti qabel ir-rikors għal proċedimenti ġudizzjarji. Dawk il-proċeduri ta' rieżami għandhom ikunu ġusti, ekwi, mingħajr dewmien u mhux għaljin b'mod projbittiv, u għandhom jipprovdu rimedji adegwati u effettivi, inkluż rimedju b'mandat ta' inibizzjoni fejn meħtieġ.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ikun hemm disponibbli għall-pubbliku informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-proċeduri ta' rieżami amministrattiv u ġudizzjarju msemmija f'dan l-Artikolu.
Artikolu 20
Penali
1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu penali finanzjarji amministrattivi li effettivament iċaħħdu lil dawk li jkunu wettqu l-ksur mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom.
3. Għall-aktar ksur serju mwettaq minn persuna ġuridika, il-livell massimu tal-penali finanzjarji amministrattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun mill-anqas 3 % tal-fatturat annwali tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja li tippreċedi s-sena li fiha tkun ġiet imposta l-penali finanzjarja amministrattiva.
4. L-Istati Membri jistgħu wkoll, jew alternattivament, jimponu pieni kriminali dment li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi b'mod ekwivalenti għall-penali finanzjarji amministrattivi msemmija f'dan l-Artikolu.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali stabbiliti skont dan l-Artikolu jqisu kif xieraq dawn li ġejjin, kif applikabbli:
|
(a) |
in-natura, is-serjetà u l-firxa tal-ksur; |
|
(b) |
il-popolazzjoni jew l-ambjent affettwati mill-ksur, filwaqt li jitqies l-impatt tal-ksur fuq l-objettiv li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent; |
|
(c) |
in-natura ripetittiva jew ta' darba tal-ksur. |
6. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 21
Kumpens
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun seħħ dannu għas-saħħa tal-bniedem b'riżultat ta' ksur ta' dan ir-Regolament, l-individwi affettwati jkollhom id-dritt li jitolbu u jiksbu kumpens għal dak id-dannu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għall-ksur.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali relatati mat-talbiet għal kumpens jitfasslu u jiġu applikati b'tali mod li ma jagħmlux l-eżerċitar tad-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur f'konformità mal-paragrafu 1 impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodi ta' preskrizzjoni biex jitressqu t-talbiet għal kumpens imsemmija fil-paragrafu 1. Tali perjodi ma għandhomx jibdew jgħoddu qabel ma l-ksur ikun waqaf u l-persuna intitolata li titlob il-kumpens tkun taf, jew tista' raġonevolment tkun mistennija li taf, li ġarrbet dannu minn ksur skont il-paragrafu 1.
Artikolu 22
Emendi fl-Annessi
1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda:
|
(a) |
ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 tal-Anness I; |
|
(b) |
il-punti (1), (2) u (3) tal-Anness III biex jiżdiedu jew jitneħħew ir-rekwiżiti jew il-proċeduri tat-tagħmir jew biex jiġu speċifikati l-karatteristiċi tekniċi tat-tagħmir u l-proċeduri eżistenti; u |
|
(c) |
id-dettalji tal-formoli li jidhru fl-Annessi II u IV. |
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu abbażi ta':
|
(a) |
l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-Artikoli 3, 5, 6, 7, 8, 13 u 14; |
|
(b) |
l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-operaturi ekonomiċi dwar il-kwantitajiet stmati kull sena ta' telf tal-pellets tal-plastik, kif irrapportat skont l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006; |
|
(c) |
standards internazzjonali rilevanti; |
|
(d) |
l-ispeċifiċitajiet tas-setturi ta' attività; |
|
(e) |
il-ħtiġijiet speċifiċi ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji; jew |
|
(f) |
progress tekniku u żviluppi xjentifiċi. |
Artikolu 23
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 22(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-2 ta’ Jannar 2028. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 22(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. L-att delegat adottat skont l-Artikolu 22(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 24
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 25
Evalwazzjoni u rieżami
1. Sas-17 ta’ Diċembru 2033, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jrid jilħaq. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas:
|
(a) |
l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament; |
|
(b) |
l-informazzjoni rapportata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2); |
|
(c) |
l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-operaturi ekonomiċi dwar il-kwantitajiet stmati kull sena ta' telf tal-pellets tal-plastik, kif irrapportat skont l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006; |
|
(d) |
il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-mira ġenerali li jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik bi 30 % sal-2030; |
|
(e) |
valutazzjoni ta' jekk hemmx bżonn li jittieħdu aktar azzjonijiet fir-rigward ta' sorsi addizzjonali ta' rilaxxi mhux intenzjonati ta' mikroplastiċi bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik; |
|
(f) |
id-data u s-sejbiet xjentifiċi l-aktar reċenti; |
|
(g) |
valutazzjoni tal-aktar data reċenti u sejbiet xjentifiċi dwar it-traċċabbiltà kimika tal-pellets tal-plastik u tar-rilevanza tal-introduzzjoni ta' firma kimika unika; |
|
(h) |
l-interazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' inizjattivi internazzjonali rilevanti li jindirizzaw it-telf tal-pellets tal-plastik, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasport marittimu; |
|
(i) |
valutazzjoni tal-impatt fuq l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tal-esklużjoni minn ċerti obbligi skont dan ir-Regolament ta' operaturi ekonomiċi li jimmaniġġaw pellets tal-plastik taħt ċerti limiti, u r-rilevanza li jiġi stabbilit limitu għat-trasportaturi; |
|
(j) |
valutazzjoni tal-effett li l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 7 kellhom biex jinkiseb l-objettiv li jiġi evitat tixrid u telf; |
|
(k) |
valutazzjoni tal-konformità mit-trasportaturi, b'mod partikolari t-trasportaturi mhux tal-UE, mal-obbligi skont dan ir-Regolament; |
|
(l) |
valutazzjoni tal-effettività relattiva tal-mezzi differenti ta' għoti ta' informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10. |
2. Meta jkun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Fil-każ tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) ta' miżuri għat-trasport sikur ta' pellets tal-plastik mill-bastimenti u għall-prevenzjoni tat-tniġġis marin ikkawżat minn pellets tal-plastik trasportati mill-bastimenti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta dawk il-miżuri, inkluż il-ħtieġa li jiġi żgurat l-allinjament ma' dawk il-miżuri, u għandha, jekk ikun xieraq, tadotta proposta leġiżlattiva.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-17 ta’ Diċembru 2027. Madankollu, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18(2) u (3) għandhom japplikaw mis-16 ta’ Diċembru 2025.
B'deroga mit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 1(2), il-punt (d), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 17(2) u (3) u l-Artikolu 19 għandhom japplikaw, fejn huma kkonċernati l-ispedituri u l-operaturi, l-aġenti u l-kaptani ta' bastimenti tal-baħar, mis-17 ta’ Diċembru 2028.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C, C/2024/2487, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2487/oj.
(2) ĠU C, C/2024/3675, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3675/oj.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-22 ta' Settembru 2025 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
(5) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/98/oj).
(6) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali u l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/61/oj).
(8) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/56/oj).
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2055 tal-25 ta’ Settembru 2023 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward ta’ mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2055/oj).
(10) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/59/oj).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS), li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1221/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj).
(13) ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2005/370/oj.
(14) Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/99/oj).
(15) Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/35/oj).
(16) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(18) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).
(20) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).
(21) Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/4/oj).
(22) Id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE (ĠU L, 2024/1203, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj).
ANNESS I
PJAN TA' ĠESTJONI TAR-RISKJU GĦALL-INSTALLAZZJONIJIET
1.
Il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 5(1) għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:|
(a) |
il-pjan tas-sit; |
|
(b) |
l-għadd ta' tunnellati ta' pellets tal-plastik ittrattati kull sena; |
|
(c) |
il-postijiet fil-konfini tal-installazzjoni fejn jista' jseħħ tixrid, bl-ispeċifikazzjoni ta' postijiet b'riskju għoli u baxx; |
|
(d) |
il-postijiet fil-konfini tal-installazzjoni li minnhom jista' joriġina telf u l-postijiet fiż-żoni eżatt madwarhom li jistgħu jiġu affettwati mit-telf, filwaqt li jiġu speċifikati, fiż-żewġ każijiet, postijiet b'riskju għoli u baxx; |
|
(e) |
l-operazzjonijiet ta' maniġġar li matulhom jista' jkun hemm tixrid u telf tal-pellets, bl-ispeċifikazzjoni tal-operazzjonijiet b'riskju għoli u baxx; |
|
(f) |
l-istima annwali tal-kwantitajiet ta' tixrid fil-postijiet identifikati u tat-telf minn dawk il-postijiet; |
|
(g) |
il-lista tal-attivitajiet li matulhom jista' jseħħ tixrid jew telf tal-pellets tal-plastik u li l-installazzjoni jista' jkollha l-awtorità li teżerċita kontroll fuqhom, inkluż attivitajiet li jinvolvu l-fornituri, is--(sotto)kuntratturi u l-faċilitajiet ta' ħżin barra mis-sit; |
|
(h) |
id-definizzjoni ta' rwol speċifiku wieħed ta' membru tal-persunal responsabbli għar-reġistrazzjoni, l-investigazzjoni u s-segwitu dwar tixrid u telf, inkluż ir-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti kif imniżżel fl-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 14(1); |
|
(i) |
deskrizzjoni tal-imballaġġ użat u t-tagħmir installat għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf; u |
|
(j) |
deskrizzjoni tal-proċeduri stabbiliti għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf. |
2.
Fir-rigward tal-punt (i) tal-paragrafu 1, l-imballaġġ u t-tagħmir stabbiliti għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf għandhom ikunu adegwati u proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-installazzjoni u għandhom jinkludu:|
(a) |
għall-prevenzjoni: fil-każ ta' installazzjonijiet fejn isir l-imballaġġ, imballaġġ li jkun b'saħħtu biżżejjed biex jiflaħ għax-xokkijiet, it-tagħbijiet u l-kundizzjonijiet tat-temp li normalment ikun hemm waqt it-trasport; is-saħħa tal-materjal tal-imballaġġ użat u l-kostruzzjoni tal-imballaġġ għandhom ikunu adegwati għall-kapaċità tal-imballaġġ u l-użu maħsub tiegħu; l-imballaġġ għandu jkun ma jnixxix jew provdut b'inforra xierqa, u għandu jinbena b'mod sikur u magħluq b'tali mod li jiġi evitat kwalunkwe telf ta' kontenut li jista' jiġi kkawżat minn forzi ta' vibrazzjoni jew ta' aċċellerazzjoni f'kundizzjonijiet normali tat-trasport; |
|
(b) |
għall-konteniment: f'postijiet b'riskju għoli ta' tixrid, l-apparati ta' ġbir (eż. trejs għat-tixrid u tankijiet ta' żamma fl-art bi gradilji tal-azzar) imqiegħda biex jiġi żgurat li t-tixrid mal-art ikun jista' jiġi faċilment ikkontrollat u mnaddaf, u għotjien tad-drenaġġ biex iżommu l-pellets tal-plastik jew alternattivi xierqa għall-protezzjoni tas-sistemi tad-drenaġġ ta' taħt l-art; |
|
(c) |
għat-tindif: f'postijiet ta' tixrid u telf, vacuum cleaners b'saħħithom biżżejjed biex jintużaw ġewwa u barra, biżżejjed għodda tat-tindif (pereżempju xkupi, pali u xkupilji, bramel, tejps tat-tiswija) u laned għar-rimi għall-pellets tal-plastik miġbura u boroż vojta. |
3.
Fir-rigward tal-punt (j) tal-paragrafu 1, il-proċeduri stabbiliti għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf għandhom ikunu adegwati u proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-installazzjoni u għandhom jinkludu:|
(a) |
l-għoti ta' informazzjoni lil partijiet terzi b'aċċess għall-installazzjoni biex jgħabbu, iħottu jew b'xi mod ieħor jimmaniġġaw il-pellets tal-plastik dwar il-proċeduri rilevanti għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf; |
|
(b) |
l-immaniġġar tal-imballaġġ tal-pellets tal-plastik b'tali mod li jiġi evitat it-titqib tal-imballaġġ; f'postijiet ta' riskju għoli ta' tixrid, jiġi żgurat li jkun hemm spezzjonijiet, tindif u manutenzjoni regolari tal-apparati ta' ġbir u tal-faċilitajiet tal-ħżin kif ukoll tal-imballaġġ u tal-kontejners; jekk l-imballaġġ u l-kontejners ikunu qed inixxu jew joħroġ minnhom it-trab, għandu jiġi żgurat li ma jintużawx aktar; |
|
(c) |
il-konteniment tat-tixrid u t-tindif tagħhom malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mit-tmiem tal-operazzjoni; |
|
(d) |
għandu jiġi żgurat li l-parti ta' barra tal-vettura tat-triq, tal-vagun tal-ferrovija jew tal-bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni tkun ħielsa minn pellets tal-plastik meta jitilqu mill-installazzjoni, u għandu jiġi żgurat li r-rampi tat-tagħbija u tal-ħatt tal-vetturi tat-triq u tal-vaguni tal-ferrovija jkunu magħluqa meta jitilqu mill-post tat-tagħbija jew tal-ħatt. |
4.
Minbarra l-paragrafu 2 u fuq il-bażi tan-natura u d-daqs tal-installazzjoni kif ukoll l-iskala tal-operazzjonijiet tagħha, l-operaturi ekonomiċi għandhom jikkunsidraw li jinkludu fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju d-deskrizzjoni ta' mill-inqas it-tagħmir li ġej:|
(a) |
għall-prevenzjoni: għal installazzjonijiet fejn isir l-imballaġġ: imballaġġ li jiflaħ għal degradazzjoni f'ambjenti akkwatiċi; siġilli tal-vakwu fuq il-pajpijiet u x-xogħol marbut magħhom; għotjien protettivi fuq forklifts, tagħmir idrawliku, jew tagħmir ieħor għat-tagħbija u l-ħatt biex jiġi evitat it-titqib tal-imballaġġ; tagħmir sabiex jinħolqu punti ta' konnessjoni siguri b'barrieri sekondarji; sistemi tat-tagħbija ddisinjati sabiex jiżguraw li l-linji tat-trasferiment ikunu jistgħu jitbattlu kompletament wara t-tagħbija u l-ħatt; kontejners issiġillati jew sajlos esterni għall-ħżin tal-pellets; protezzjoni għall-prevenzjoni ta' mili żejjed tas-sajlos; sistemi ta' trasport awtomatizzati għall-pellets; tagħmir għall-estrazzjoni tat-trab tal-pellets tal-plastik b'filtri tat-trab tal-pellets tal-plastik jew apparat ta' ġbir adegwati; għat-tindif ta' kontejners jew sajlos tal-pellets tal-plastik, l-użu ta' filtri jew ta’ apparat ta' ġbir għall-ilma tat-tlaħliħ u t-tindif tal-arja; |
|
(b) |
għall-konteniment: apparati sekondarji ta' ġbir imqiegħda bejn żoni fejn jiġu mmaniġġati l-pellets tal-plastik u l-konfini tal-installazzjoni, madwar l-installazzjoni u f'punti ta' konnessjoni, fejn jiġu trasferiti pellets tal-plastik; għotjien tad-drenaġġ fuq il-katusi kollha tal-art fil-bini u l-katusi li jinsabu fuq uċuħ esterni (eż. plinths tal-konkrit, toroq tal-asfalt u mogħdijiet għall-mixi pavimentati), fejn xieraq, b'daqs tal-malja iżgħar mill-iżgħar pellets tal-plastik ittrattati fuq il-post; sistemi ta' drenaġġ tal-ilma tal-maltemp jew tal-filtrazzjoni sabiex jiġu mmaniġġati avvenimenti ta' għargħar jew tempesti li jistgħu raġonevolment jiġu previsti; sistema tat-trattament tad-drenaġġ; kontejners magħluqa għall-pellets tal-plastik imxerrda u għall-imballaġġ vojt; żoni fejn jissewwa jew jiġi ttrattat imballaġġ li tkun saritlu l-ħsara; art jew taħt l-art f'żoni ta' tagħbija u ħatt li ma jfixklux it-tindif tat-tixrid; |
|
(c) |
għat-tindif: vacuum cleaners industrijali; kontejners ddedikati għall-pellets tal-plastik irkuprati li jkunu mgħottija, ittikkettati u magħluqa sew biex jiġi evitat aktar tixrid u telf, inkluż għall-pellets tal-plastik li jkunu jinsabu fil-postijiet fiż-żoni eżatt madwar l-installazzjoni; boroż tal-ġbir imsaħħa. |
5.
Minbarra l-paragrafu 3 u abbażi tan-natura u d-daqs tal-installazzjoni kif ukoll l-iskala tal-operazzjonijiet tagħha, l-operaturi ekonomiċi għandhom jikkunsidraw li jinkludu fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju deskrizzjoni ta' mill-inqas il-proċeduri li ġejjin:|
(a) |
għall-prevenzjoni: limiti fuq il-kwantitajiet ta' pellets tal-plastik trasportati f'ċertu imballaġġ; l-użu ta' trejs għat-tixrid taħt il-punti ta' trasferiment u matul it-tagħbija u l-ħatt; protokolli ċari għall-ftuħ, it-tagħbija, l-għeluq u l-issiġillar tal-kontejners fil-bidu u fit-tmiem tat-tagħbija; ittestjar fiżiku u monitoraġġ tal-effettività tal-proċeduri ta' prevenzjoni; proċeduri ta' akkoljenza u ta' tluq għat-trasportaturi tal-UE u t-trasportaturi mhux tal-UE; proċeduri u miżuri għall-prevenzjoni tat-trab tal-pellets tal-plastik; |
|
(b) |
għall-konteniment: spezzjoni, tindif u manutenzjoni regolari tal-għotjien tal-iskular, sistemi ta' drenaġġ jew tal-filtrazzjoni tal-ilma mill-maltemp; spezzjoni u tindif regolari tal-vetturi li jitilqu jew li jidħlu f'sit, faċilitajiet tal-ħruġ tal-ilma u reċinti mad-dawra tal-faċilità li jkunu jinsabu f'żoni pubbliċi, meta jkun applikabbli; sostituzzjoni jew tiswija immedjata ta' imballaġġ jew kontejners li jnixxu; manutenzjoni tas-sistema tat-trattament tad-drenaġġ; |
|
(c) |
għat-tindif: ladarba l-pellets tal-plastik imxerrda jkunu tnaddfu, jekk possibbli, għandhom jerġgħu jintużaw bħala materja prima biex jitnaqqas l-iskart; jekk il-pellets tal-plastik imxerrda ma jistgħux jerġgħu jintużaw bħala materja prima, għandhom jiġu rkuprati u jintremew f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. |
6.
Operaturi ekonomiċi li huma intrapriżi ta' daqs medju jew kbar u li jħaddmu installazzjonijiet fejn il-pellets tal-plastik fi kwantitajiet daqs jew aktar mil-limitu ta' 1 500 tunnellata jkunu ġew ittrattati fis-sena kalendarja preċedenti għandhom jinkludu fil-pjan ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom anki dan li ġej:|
(a) |
l-elementi li għandhom jiġu rieżaminati f'laqgħat ta' ġestjoni formali mill-inqas darba fis-sena, inkluż il-kwantità stmata u l-kawżi ta' kwalunkwe telf; tagħmir u proċeduri preventivi, ta' mitigazzjoni u ta' tindif implimentati u l-effettività tagħhom; |
|
(b) |
programm ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ, ibbażat fuq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-impjegati, dwar il-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif, l-installazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tat-tagħmir, l-eżekuzzjoni tal-proċeduri, kif ukoll il-monitoraġġ u r-rapportar ta' telf tal-pellets tal-plastik; |
|
(c) |
proċeduri sabiex is-sewwieqa, il-fornituri u s-sottokuntratturi jiġu infurmati dwar il-proċeduri rilevanti għall-prevenzjoni, il-konteniment u t-tindif ta' tixrid u telf. |
ANNESS II
FORMOLA GĦAL AWTODIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ
…
(isem u indirizz tal-operatur ekonomiku)
jiddikjara taħt ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-immaniġġar tal-pellets tal-plastik fl-installazzjoni li tinsab fi ……………………………………………………………………………… (indirizz) bin-numru tar-reġistrazzjoni (jekk disponibbli) ……………………………………… jissodisfa r-rekwiżiti kollha tar-Regolament (UE) 2025/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2025 dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik sabiex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik.
Bl-iffirmar ta' din id-dikjarazzjoni, niddikjara li l-miżuri mniżżla fil-valutazzjoni tar-riskju mehmuża, imwettqa fi ……………………………………… (data), ġew implimentati.
Magħmul fi ………………………………………, fi …/…/20….
Firma
ANNESS III
AZZJONIJIET GĦAT-TRASPORTATURI TAL-UE U DAWK MHUX TAL-UE
Miżuri li għandhom jittieħdu u tagħmir li għandu jiġi stabbilit mit-trasportaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE:
|
(1) |
għall-prevenzjoni: verifika, matul u wara t-tagħbija u l-ħatt, li l-pellets tal-plastik jitneħħew kif suppost minn barra tal-mezzi tat-trasport u l-kontejners tal-merkanzija qabel ma jitilqu mill-installazzjoni, u li r-rampi tat-tagħbija u tal-ħatt tal-mezzi tat-trasport jingħalqu meta jitilqu mill-installazzjoni; komunikazzjoni ċara dwar ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istivar sikur; kontroll viżwali tal-integrità tal-imballaġġ tal-pellets tal-plastik qabel il-vjaġġ; żgurar li fuq, pereżempju, forklifts/tagħmir idrawliku, jintużaw koperturi protettivi sabiex jiġi evitat li jittaqqab l-imballaġġ; prevenzjoni ta' kwalunkwe tnixxija matul il-vjaġġ tat-trasport, pereżempju, billi jiġi żgurat li l-mezzi tat-trasport ikunu teknikament adatti u li l-kontejners tal-merkanzija jiġu ssupplimentati, jekk meħtieġ, b'issiġillar xieraq; tindif regolari tal-kompartimenti tat-tagħbija, il-kontejners u t-trejlers tal-merkanzija biex jiġi minimizzat it-telf tal-pellets tal-plastik imxerrda; kontroll viżiv tal-fetħiet u tal-integrità tal-kompartimenti tat-tagħbija, il-kontejners u t-trejlers tal-merkanzija biex jiġi kontenut u minimizzat it-telf tal-pellets tal-plastik qabel u, sa fejn ikun possibbli, matul il-vjaġġ, inkluż fit-terminals multimodali, fit-terminals ferrovjarji, fil-portijiet interni u fil-portijiet marittimi. |
|
(2) |
għall-konteniment u t-tindif: fejn possibbli, tiswija ta' mballaġġ li tkun saritlu ħsara waqt it-trasport u l-konteniment tal-pellets tal-plastik li jkun fadal fil-kompartiment tat-tagħbija; ġbir tal-pellets tal-plastik imxerrda f'kontejners jew f'boroż magħluqa biex jintremew kif suppost; fejn pellets tal-plastik jiġu trasportati f'tankijiet bl-ingrossa, ftuħ tat-toqba/kon tal-qiegħ tat-tank tas-sajlo biss wara li jiddaħħlu fiż-żona tat-tindif; sostituzzjoni tal-inforra tal-kontejners f'żoni adatti u mhux pubbliċi biss, fejn kwalunkwe tixrid jista' jiġi kontenut; notifika lill-awtoritajiet adatti, bħall-awtoritajiet ta' emerġenza internazzjonali u nazzjonali jew l-awtoritajiet ambjentali tal-Istat Membru fejn seħħ it-telf. |
|
(3) |
tagħmir abbord: mill-inqas apparat tat-tidwil portabbli wieħed, għodda tal-idejn (pereżempju xkupi, pali u xkupilji, bramel, tejps tat-tiswija, eċċ.); kontejners għall-ġbir magħluqa/boroż tal-ġbir imsaħħa. |
ANNESS IV
FORMOLA TAĊ-ĊERTIFIKAT TA' KONFORMITÀ
… (isem)
bin-numru tar-reġistrazzjoni ………………………………………………………………………………
akkreditat għall-attività. ……………………………………………………………………………… (Kodiċi NACE)
jiddikjara, wara li jkun ivverifika l-installazzjoni tal-operatur ekonomiku ……………………………………… (isem) li jinsab fi ……………………………………… bin-numru tar-reġistrazzjoni (jekk disponibbli) ………………………………………,
li l-installazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2025/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2025 dwar il-prevenzjoni tat-telf tal-pellets tal-plastik sabiex jitnaqqas it-tniġġis mill-mikroplastik.
Bl-iffirmar ta' din id-dikjarazzjoni, niddikjara li:
|
— |
il-verifika twettqet f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2025/2365, inkluż verifiki fuq il-post imwettqa fi … (dati), |
|
— |
l-eżitu tal-verifika jikkonferma li ma hemm l-ebda evidenza ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2025/2365. |
Magħmul fi ………………………………………, fi …/…/20….
Firma u timbru jew firma diġitali
ANNESS V
INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA SKONT L-ARTIKOLU 10
Ta' ħsara għall-ambjent – evita telf
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2365/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)