|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2364 |
21.11.2025 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2364
tat-8 ta’ Settembru 2025
li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-azzar, fl-aluminju u fir-ram
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punti (a) u (b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
|
(3) |
Iċ-ċomb huwa sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-valur tal-konċentrazzjoni ttollerat massimu huwa ta’ 0,1 % skont il-piż taċ-ċomb f’materjali omoġenji. |
|
(4) |
Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/739 (2) tat eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-azzar għal skopijiet ta’ mmaxinjar li jkun fih sa 0,35 % ċomb skont il-piż u f’komponenti tal-azzar galvanizzat f’banju sħun bil-lott li jkun fihom sa 0,2 % ċomb skont il-piż, kif stabbilit fil-punt 6(a)-I tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Dik l-eżenzjoni tkopri l-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 tat-tagħmir elettriku u elettroniku, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE. L-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6(a) tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva kienet limitata għall-kategoriji 8, 9 u 11 tat-tagħmir elettriku u elettroniku. |
|
(5) |
Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/740 (3) tat eżenzjonijiet għall-użu taċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-aluminju li jkun fih sa 0,4 % ċomb skont il-piż jew għal skopijiet ta’ mmaxinjar jew għar-riċiklaġġ ta’ ruttam tal-aluminju li jkun fih iċ-ċomb. L-eżenzjonijiet huma stabbiliti fil-punti 6(b)-I u 6(b)-II tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Dawk l-eżenzjonijiet ikopru l-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 tat-tagħmir elettriku u elettroniku, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE. L-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita f, il-punt 6(b) tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva kienet limitata għall-kategoriji 8, 9 u 11 tat-tagħmir elettriku u elettroniku. |
|
(6) |
Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/741 (4) tat eżenzjoni għall-użu tal-liga tar-ram li fiha sa 4 % ċomb skont il-piż għall-kategoriji kollha, kif stabbilit fil-punt 6(c) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. |
|
(7) |
Fis-17 ta’ Jannar 2020 u fl-20 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti 6(a) u 6(a)-I tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fit-2 ta’ Diċembru 2019 u fis-17 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni stabbilita fil-punti 6(b), 6(b)-I u 6(b)-II tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u fil-15 ta’ Jannar 2020 u fis-16 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6(c) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. |
|
(8) |
Għall-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti 6(a), 6(b) u 6(c) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-kategorija 8 tat-tagħmir elettriku u elettroniku “apparat mediku dijanjostiku in vitro”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE, kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2023 u l-kategoriji 9 “strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali” u 11 “EEE ieħor mhux kopert mill-kategoriji t’hawn fuq”, kif imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE, kellhom jiskadu fil-21 ta’ Lulju 2024. Fl-20 ta’ Jannar 2023, waslu żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid għal kull eżenzjoni stabbilita fil-punti 6(a) u 6(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u speċifikament fir-rigward ta’ dawk it-tliet kategoriji. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE, is-sottomissjoni tagħhom estendiet il-validità tal-eżenzjonijiet eżistenti sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għat-tiġdid. |
|
(9) |
Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet riċevuti, twettaq studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika, li ġie ffinalizzat fl-2022 (5). Twettaq studju ieħor li jiffoka fuq il-kategoriji li għalihom intalab tiġdid fi stadju aktar tard, li ġie ffinalizzat fl-2024 (6). L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. |
|
(10) |
L-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-eżenzjoni mitlub ikkonkludiet li, fir-rigward tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6(a)-I tal-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE, għad hemm bżonn ta’ ċomb fl-azzar biex jinkisbu ċerti proprjetajiet tal-immaxinjar. Sostituzzjoni jew eliminazzjoni f’azzar galvanizzat f’banju sħun bil-lott bħalissa la hija teknikament fattibbli u lanqas ekonomikament vijabbli. Madankollu, iż-żewġ applikazzjonijiet tekniċi jistgħu jinqasmu bejn il-punti 6(a)-I u 6(a)-II tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, biex ikun jista’ jsir eżami aktar iddedikat fir-rieżami li jmiss. |
|
(11) |
Sabiex jiġi pprovdut biżżejjed żmien biex jiġi sostitwit iċ-ċomb fl-azzar u biex jiġu evitati impatti negattivi, li jisbqu l-benefiċċji ta’ sostituzzjoni, huwa xieraq li jingħata perjodu ta’ validità ta’ żmien qasir għal dawk l-applikazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2011/65/UE. Fir-rigward tal-punti 6(a), 6(a)-I u 6(a)-II tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza waħda għall-kategoriji kollha elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
|
(12) |
L-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiskadi 12-il xahar wara d-data tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid, f’konformità mal-Artikolu 5(6) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(13) |
Fir-rigward tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 6(b)-I tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE dwar iċ-ċomb fl-aluminju li jkun ġej mir-riċiklaġġ tar-ruttam tal-aluminju li jkun fih iċ-ċomb, instab li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb tista’ titnaqqas ulterjorment għal 0,3 % skont il-piż fl-aluminju. Dak jenħtieġ li jiġi stabbilit f’punt ġdid, li jispeċifika li tali aluminju huwa liga fonduta. |
|
(14) |
L-użu ta’ ċomb miżjud intenzjonalment fl-aluminju għal skopijiet ta’ mmaxinjar ma huwiex aktar meħtieġ għat-tagħmir elettriku u elettroniku. Fis-suq jeżistu sostituti affidabbli għaċ-ċomb fl-aluminju. L-aħħar qasam ta’ applikazzjoni li jibbaża fuq tali eżenzjoni huwa mistenni li jiġi sostitwit b’alternattivi sal-2025. F’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni massimu ta’ 18-il xahar biex il-parteċipanti fis-suq individwali fl-industrija jkunu jistgħu jadattaw. |
|
(15) |
Instab li l-użu ta’ ligi tal-aluminju li fihom iċ-ċomb b’konċentrazzjoni ta’ ċomb ta’ anqas minn 0,4 % skont il-piż jirrikjedi tfassil mill-ġdid u rikwalifikazzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li jaqa’ taħt il-kategorija 9 “strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali” u l-kategorija 11 b’ambitu miftuħ “EEE ieħor mhux kopert mill-kategoriji t’hawn fuq”, li jirrikjedi aktar żmien għall-konformità meta mqabbel ma’ kategoriji oħrajn msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati perjodi ta’ validità itwal għal dawk iż-żewġ kategoriji. |
|
(16) |
Fir-rigward tal-punt 6(c) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE dwar il-ligi tar-ram li fihom sa 4 % ċomb skont il-piż, ma kienx possibbli matul il-valutazzjoni xjentifika u teknika li jiġu identifikati u ddefiniti oqsma ta’ applikazzjoni li ma għadhomx jirrikjedu l-eżenzjoni, minkejja ħafna indikazzjonijiet li ċ-ċomb jista’ jiġi ssostitwit b’suċċess f’ċerti applikazzjonijiet. Peress li s-sostituti ma humiex affidabbli biżżejjed, jenħtieġ li tingħata estensjoni tal-eżenzjoni. Fid-dawl tal-evalwazzjoni teknika, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza waħda għall-kategoriji kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE. |
|
(17) |
L-inklużjoni ta’ materjali u komponenti ta’ tagħmir elettriku u elettroniku jenħtieġ li ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Skont il-punt 7 tar-restrizzjoni stabbilita fil-punt 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, iċ-ċomb huwa ristrett fl-oġġetti u l-partijiet aċċessibbli tagħhom bil-għan li jitnaqqas l-esponiment tat-tfal għaċ-ċomb minn oġġetti fornuti lill-pubbliku ġenerali. Iċ-ċomb f’dawk l-oġġetti jew f’partijiet aċċessibbli huwa ristrett għal mhux aktar minn 0,05 % skont il-piż jekk it-tfal jistgħu jqiegħdu dawk l-oġġetti f’ħalqhom. Biex tiġi żgurata l-konformità mal-livell ta’ protezzjoni stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-entrati ta’ eżenzjoni approvati jenħtieġ li jiġu mmarkati b’nota f’qiegħ il-paġna, li tkompli tillimita l-applikazzjonijiet f’konformità mal-punt 7 tar-restrizzjoni stabbilita fil-punt 63 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
|
(18) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn 30 ta’ Ġunju 2026, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 1 ta’ Lulju 2026.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/65/oj.
(2) Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/739 tal-1 ta’ Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-azzar (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/739/oj).
(3) Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/740 tal-1 ta’ Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl- aluminju (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 106, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/740/oj).
(4) Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/741 tal-1 ta’ Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta’ lligar fir-ram (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 109, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/741/oj).
(5) Ir-Rapport finali (il-Pakkett 22) tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c774eb67-7cc6-11ec-8c40-01aa75ed71a1/language-mt.
(6) Ir-Rapport finali (il-Pakkett 27) tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/708d9a2a-26e1-11ef-a195-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-327348441.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punti 6(a), 6(a)-I, 6(b), 6(b)-I, 6(b)-II u 6(c) huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
“6(a) |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-azzar għal skopijiet ta’ mmaxinjar u fl-azzar galvanizzat li jkun fih sa 0,35 % ċomb skont il-piż |
Tiskadi fi 11 ta’ Diċembru 2026. |
|
6(a)-I |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-azzar għal skopijiet ta’ immaxinjar u fl-azzar galvanizzat li jkun fih sa 0,35 % ċomb skont il-piż (*1) |
Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027 għall-kategoriji kollha. |
|
6(a)-II |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar fil-komponenti tal-azzar galvanizzat f’banju sħun bil-lott sa 0,2 % ċomb skont il-piż (*1) |
Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027 għall-kategoriji kollha. |
|
6(b) |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar f’aluminju li jkun fih sa 0,4 % ċomb skont il-piż |
Tiskadi fi 11 ta’ Ġunju 2027. |
|
6(b)-I |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar f’aluminju li jkun fih sa 0,4 % ċomb skont il-piż, sakemm joħroġ mir-riċiklaġġ tar-ruttam tal-aluminju li jkun fih iċ-ċomb (*1) |
Tiskadi fi 11 ta’ Diċembru 2026 għall-kategoriji 1-7, 10. Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027 għall-kategorija 9 strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali, u 11. |
|
6(b)-II |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar fl-aluminju għal skopijiet ta’ mmaxinjar b’kontenut ta’ ċomb sa 0,4 % skont il-piż (*1) |
Tiskadi fi11 ta’ Ġunju 2027 għall-kategoriji 1-7, 10. Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027 għall-kategorija 9 strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali, u 11 (*). |
|
6(b)-III |
Iċ-ċomb bħala element ta’ lligar f’ligi tal-ikkastjar tal-aluminju li jkun fihom sa 0,3 % ċomb skont il-piż, sakemm joħroġ mir-riċiklaġġ tar-ruttam tal-aluminju li jkun fih iċ-ċomb (*1) |
Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027 għall-kategoriji 1-8, 9 għajr l-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali, u 10. |
|
6(c) |
Liga tar-ram li jkun fiha sa 4 % ċomb skont il-piż (*1) |
Tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027. |
(*1) L-eżenzjoni ma għandhiex tkopri l-EEE għall-forniment lill-pubbliku ġenerali meta t-tfal ikunu jistgħu jqiegħdu f’ħalqhom l-EEE jew il-parti aċċessibbli tiegħu, matul kundizzjonijiet normali jew prevedibbli ta’ użu. Madankollu, l-eżenzjoni għandha tapplika meta jkunu jistgħu jintwera dawn it-tnejn li ġejjin:
|
— |
ir-rata ta’ rilaxx taċ-ċomb minn tali EEE jew kwalunkwe parti aċċessibbli, kemm jekk miksija kif ukoll jekk mhux miksija, ma taqbiżx iż-0,05 μg/cm2 fis-siegħa (ekwivalenti għal 0,05 μg/g/h), |
|
— |
għall-oġġetti miksija, li l-kisja hija biżżejjed biex tiżgura li din ir-rata ta’ rilaxx ma tinqabiżx għal perjodu ta’ mill-anqas sentejn ta’ kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli ta’ użu tal-EEE. |
Għall-fini ta’ din in-nota f’qiegħ il-paġna, qiegħed jitqies li t-tfal jistgħu jqiegħdu f’ħalqhom EEE jew parti aċċessibbli ta’ EEE jekk din tkun iżgħar minn 5 cm f’dimensjoni waħda jew jekk din ikollha parti li tinqala’ jew parti ħierġa ’l barra ta’ dan id-daqs.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/2364/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)