|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2354 |
21.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2354
tal-20 ta’ Novembru 2025
b’appoġġ għat-tisħiħ tal-attivitajiet tal-missjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) relatati mas-Sirja u l-Ukrajna u t-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-OPCW permezz ta’ immaġnijiet bis-satellita
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni. L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (CWC) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa minn armi kimiċi. |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK (1). Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet segwita, mal-iskadenza tagħha, mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (2), li sussegwentement ġiet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (3). L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK ġiet segwita mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (4), 2012/166/PESK (5), 2013/726/PESK (6), (PESK) 2015/259 (7), (PESK) 2015/2215 (8), (PESK) 2017/2302 (9), (PESK) 2017/2303 (10), (PESK) 2019/538 (11), (PESK) 2021/1026 (12) u (PESK) 2021/2073 (13). |
|
(3) |
Permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet (PESK) 2017/2303 u (PESK) 2021/2073, l-OPCW iserraħ fuq l-informazzjoni unika pprovduta mill-analiżi tal-immaġnijiet taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen) kemm għall-ippjanar tal-missjoni kif ukoll għall-analiżi tal-informazzjoni. Konsegwentement, hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità operazzjonali tal-OPCW permezz tal-forniment kontinwu tal-prodotti u s-servizzi tas-SatCen b’appoġġ għall-missjonijiet tal-OPCW wara t-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/2073. |
|
(4) |
Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1344 (14). L-attivitajiet imsemmija fid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1344 primarjament jirrigwardaw l-appoġġ lis-Sirja mill-OPCW, inkluż għal missjonijiet mhux ta’ rutina. |
|
(5) |
Fil-15 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1984 (15), li tiffoka fuq il-missjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-OPCW, bħal skjeramenti, żjarat tekniċi, taħriġ u forniment ta’ tagħmir lill-awtoritajiet rilevanti fis-Sirja. L-attivitajiet imsemmija fid-Deċiżjoni (PESK) 2024/1984 primarjament jirrigwardaw l-ipproċessar tad-data u t-trasferiment tal-għarfien fi ħdan l-OPCW, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-fini ta’ kontribut għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-fiduċja u t-trasparenza, u għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-missjoni relatati mas-Sirja u l-Ukrajna biex tiżgura, permezz tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW), reazzjonijiet effettivi għar-riskji tal-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi, filwaqt li tagħti wkoll is-setgħa lill-Istati Parti għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (CWC) biex jiżguraw ir-responsabbiltà f’każijiet ta’ użu ta’ armi kimiċi, abbażi tal-ħidma u r-rapporti tal-OPCW. Il-forniment ta’ prodotti u servizzi satellitari miċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen) tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet għal dawk l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-OPCW għall-akkuratezza tas-sigurtà u tal-verifika bl-objettivi li ġejjin:
|
(a) |
il-kontribut għall-eliminazzjoni vverifikata internazzjonalment sħiħa tal-programm Sirjan dwar l-armi kimiċi u l-istabbiliment tal-fatti u l-identifikazzjoni tal-awturi relatati mal-użu ta’ armi kimiċi, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-organi tat-tfassil tal-politika tal-OPCW; |
|
(b) |
l-għoti ta’ assistenza konsistenti mas-CWC biex l-Ukrajna tkun tista’ jkollha l-kapaċitajiet tekniċi ċivili meħtieġa biex tiżgura li hija tkun tista’ tirrispondi b’mod effettiv għal inċidenti li jinvolvu aġenti tal-gwerra kimika u sustanzi kimiċi industrijali tossiċi, inkluż fil-kamp tal-battalja fl-Ukrajna; u |
|
(c) |
l-espansjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-OPCW permezz ta’ analiżi tal-immaġnijiet, b’appoġġ għall-attivitajiet b’mandat tal-OPCW, b’mod partikolari fir-rigward tas-Sirja u l-Ukrajna. |
2. Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-OPCW appoġġati mill-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fid-Dokument ta’ Proġett.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett stipulata fid-Dokument tal-Proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-fini, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-azzjoni operazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 4 447 748,18.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mas-Segretarjat Tekniku. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tal-kontribuzzjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-Rappreżentant Għoli għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett stipulata fid-Dokument tal-Proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/797/oj).
(2) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/913/oj).
(3) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/185/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/569/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/166(1)/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/726/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta’ Frar 2015 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/259/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2215 tat-30 ta’ Novembru 2015 b’appoġġ għall-UNSCR 2235 (2015), li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ investigazzjoni konġunt bejn l-OPCW u n-NU sabiex jiġu identifikati l-awturi ta’ attakki kimiċi fir-Repubblika Għarbija Sirjana (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2215/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2302 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW għal assistenza fl-operazzjonijiet ta’ tindif ta’ dak li kien is-sit ta’ ħażna tal-armi kimiċi fil-Libja, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2302/oj).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2303/oj).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta’ April 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/538/oj).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2021 b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 224, 24.6.2021, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1026/oj).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) permezz tal-immaġni bis-satellita (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2073/oj).
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1344 tas-26 ta’ Ġunju 2023 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L 168, 3.7.2023, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1344/oj).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1984 tal-15 ta’ Lulju 2024 b’appoġġ għall-Ippjanar Tranżizzjonali Istituzzjonali għal Missjonijiet Mhux ta’ Rutina u Kapaċitajiet Investigattivi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L, 2024/1984, 16.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1984/oj).
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
Azzjoni b’appoġġ għall-attivitajiet tal-missjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) relatati mas-Sirja u l-Ukrajna u t-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-OPCW permezz ta’ prodotti u servizzi tas-SatCen
1. SFOND U LOĠIKA
L-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (l-“OPCW”) hija l-korp eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (is-“CWC”). Is-CWC daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ April 1997 u attwalment hemm 193 Stat Parti, li jirrifletti sħubija kważi universali.
Il-missjoni tal-OPCW hija li tikseb dinja ħielsa mill-armi kimiċi permezz tal-qerda vverifikata ta’ ħażniet ta’ armi kimiċi ddikjarati u l-prevenzjoni tal-emerġenza mill-ġdid tal-produzzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi. Sa mill-1997, l-OPCW ivverifikat il-qerda tal-armi kimiċi kollha maħżuna ddikjarati minn pajjiżi madwar id-dinja li jikkorrispondu għal 72 304 tunnellati metriċi.
Mill-2004 ’l hawn, l-OPCW irċeviet appoġġ mill-Unjoni Ewropea (UE) b’mod konsistenti permezz tal-baġit tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). Il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-OPCW tal-20 ta’ Frar 2024 kompla jsaħħaħ din is-sħubija kruċjali li kienet essenzjali għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi ewlenin tal-OPCW, u b’hekk qed jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Żviluppi reċenti, bħall-waqgħa tar-reġim ta’ Assad fis-Sirja u l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, jenfasizzaw l-importanza tal-mandati u l-missjonijiet tal-OPCW.
Fis-Sirja, is-Segretarjat ilu jopera sa minn Ottubru 2013, meta s-Sirja ssieħbet fil-Konvenzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ missjonijiet iddedikati — it-Tim ta’ Valutazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet (DAT), il-Missjoni ta’ Tiftix tal-Fatti fis-Sirja (FFM), u t-Tim ta’ Investigazzjoni u Identifikazzjoni (IIT) — f’konformità mal-mandati riċevuti skont il-Konvenzjoni u permezz tad-deċiżjonijiet tal-organi tat-tfassil tal-politika tal-OPCW u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Sa mill-waqgħa tar-reġim ta’ Assad fit-8 ta’ Diċembru 2024 u l-preżenza ta’ gvern interim lest li jimpenja ruħu fil-kwistjoni tal-armi kimiċi fis-Sirja, għall-kuntrarju tal-awtoritajiet preċedenti, hemm ħtieġa u fl-istess ħin opportunità biex finalment tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha mhux iddikjarata mill-awtoritajiet preċedenti fir-rigward tal-programm tagħhom tal-armi kimiċi, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tas-siti relatati mal-armi kimiċi u l-kontenut tagħhom, u biex kwalunkwe element rilevanti jinqered mis-Sirja u jiġi vverifikat bħala tali mis-Segretarjat tal-OPCW. Hemm ukoll opportunità biex jitkomplew l-investigazzjonijiet relatati mal-użu ta’ armi kimiċi fis-Sirja, inkluż l-identifikazzjoni tal-awturi, kif espress mill-President Interim tas-Sirja waqt il-laqgħa tiegħu f’Damasku mad-Direttur Ġenerali tal-OPCW fit-8 ta’ Frar 2025.
Fl-Ukrajna, it-theddida tal-użu ta’ armi kimiċi għada hemm u l-attivitajiet tal-OPCW, inkluż l-assistenza teknika kif mitluba mill-Ukrajna, huma essenzjali, mill-forniment ta’ tagħmir protettiv u ta’ detezzjoni u taħriġ tal-ewwel rispons, sat-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ kampjuni relatati ma’ allegazzjonijiet tal-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi misjuba fil-kamp tal-battalja fl-Ukrajna.
L-UE ilha mill-2021 tipprovdi appoġġ siewi lill-OPCW permezz tal-forniment ta’ prodotti u servizzi pprovduti mis-SatCen. Għall-effettività operazzjonali tal-OPCW, huwa importanti li l-appoġġ permezz ta’ prodotti u servizzi tas-SatCen jiġi sostnut, wara li tiskadi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021 (1).
Għalhekk, din il-proposta għandha tiġi kkunsidrata flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1344 tas-26 ta’ Ġunju 2023 (2) u l-attivitajiet taħt ir-Riżultat 3 (“Reazzjonijiet effettivi għall-allegazzjonijiet ta’ użu ta’ armi kimiċi”), kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1984 tal-15 ta’ Lulju 2024 (3). L-attivitajiet fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1344 huma primarjament relatati mal-operazzjonijiet tal-OPCW fil-kwartieri ġenerali, filwaqt li din il-proposta tiffoka fuq l-operazzjonijiet tal-OPCW barra l-kwartieri ġenerali (skjeramenti, żjarat tekniċi, taħriġ u l-forniment ta’ tagħmir lill-awtoritajiet rilevanti fis-Sirja u l-Ukrajna). L-attivitajiet fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1984 huma primarjament rigward l-ipproċessar tad-data u t-trasferiment tal-għarfien fi ħdan l-Organizzazzjoni, filwaqt li din il-proposta tiffoka fuq l-iskjerament ta’ missjonijiet u l-forniment ta’ tagħmir lis-Sirja u l-Ukrajna.
2. OBJETTIV ĠENERALI
L-objettiv ġenerali ta’ din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-fiduċja u t-trasparenza, u għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, billi tappoġġa l-attivitajiet tal-missjonijiet relatati mas-Sirja u l-Ukrajna biex, permezz tal-OPCW, jiġu żgurati risponsi effettivi għar-riskji tal-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi, filwaqt li l-Istati Parti jingħataw is-setgħa biex jiżguraw l-irfigħ tar-responsabbiltà f’każijiet ta’ użu ta’ armi kimiċi, abbażi tal-ħidma u r-rapporti tal-OPCW. Il-forniment ta’ prodotti u servizzi tas-SatCen isaħħaħ il-kapaċitajiet għal dawn l-attivitajiet inkarigati lill-OPCW kif ukoll l-akkuratezza tas-sigurtà u tal-verifika.
3. OBJETTIVI SPEĊIFIĊI
L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni huma:
|
a. |
il-parteċipazzjoni fl-eliminazzjoni vverifikata b’mod komplet fil-livell internazzjonali tal-programm Sirjan tal-armi kimiċi u l-istabbiliment tal-fatti u l-identifikazzjoni tal-awturi relatati mal-użu ta’ armi kimiċi, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-organi tat-tfassil tal-politika tal-OPCW; |
|
b. |
l-għoti ta’ assistenza konsistenti permezz tas-CWC biex l-Ukrajna jkun jista’ jkollha l-kapaċitajiet tekniċi ċivili meħtieġa biex tiżgura rispons effettiv għal inċidenti li jinvolvu aġenti tal-gwerra kimika u sustanzi kimiċi industrijali tossiċi, inkluż it-twettiq ta’ evalwazzjoni ta’ kampjuni relatati ma’ allegazzjonijiet tal-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi misjuba fil-kamp tal-battalja fl-Ukrajna; |
|
c. |
l-espansjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-OPCW permezz tal-forniment ta’ prodotti u servizzi tas-SatCen, b’appoġġ għall-attivitajiet inkarigati lill-OPCW. |
4. ATTIVITAJIET U RIŻULTATI
|
a. |
Sirja:
|
|
b. |
Ukrajna:
|
|
c. |
SatCen (5):
|
5. BENEFIĊJARJI FINALI
|
a. |
L-Istati Parti tas-CWC; |
|
b. |
L-uffiċjali tal-gvern u esperti fis-Sirja u l-Ukrajna; |
|
c. |
Il-vittmi tal-użu ta’ armi kimiċi fis-Sirja u l-Ukrajna; |
|
d. |
Il-persunal tal-OPCW skjerat fuq missjonijiet ta’ kontinġenza. |
6. TUL TA’ ŻMIEN
It-tul ta’ żmien totali stmat tal-azzjoni huwa 24 xahar.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) permezz tal-immaġni bis-satellita (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 65).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1344 tas-26 ta’ Ġunju 2023 b’appoġġ għat-tisħiħ tal-effettività operazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L 168, 3.7.2023, p. 27).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1984 tal-15 ta’ Lulju 2024 b’appoġġ għall-Ippjanar Tranżizzjonali Istituzzjonali għal Missjonijiet Mhux ta’ Rutina u Kapaċitajiet Investigattivi tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) (ĠU L, 2024/1984, 16.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1984/oj).
(4) Iż-żjarat ser isiru fis-siti kollha ddikjarati mis-Sirja, billi l-attivitajiet f’dawn is-siti - bħall-produzzjoni fuq skala sħiħa ta’ armi kimiċi - ma ġewx iddikjarati b’mod komplet mill-eks awtoritajiet Sirjani. F’xi każijiet, is-Sirja ddikjarat biss attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, filwaqt li l-evidenza tissuġġerixxi li kien hemm produzzjoni reali. Barra minn hekk, iż-żjarat ser ikopru siti identifikati fid-deċiżjonijiet tal-organi tat-tfassil tal-politika tal-OPCW, bħal ajruporti u faċilitajiet oħra involuti fost l-oħrajn fil-produzzjoni tas-sarin u l-kloru. Barra minn hekk, is-siti kollha mhux iddikjarati suspettati b’involviment fil-programm tal-armi kimiċi tas-Sirja ser jiġu spezzjonati wkoll. L-għan huwa li jiġi ddeterminat x’ġie prodott, meta, b’liema tagħmir, f’liema kwantitajiet, u x’ġara minn dawn l-armi — biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tagħhom u jiġi żgurat li l-qerda tagħhom tiġi vverifikata.
(5) L-implimentazzjoni tal-attivitajiet tas-SatCen taħt dan il-proġett il-ġdid għandha tibda mill-jum ta’ wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2073 tal-25 ta’ Novembru 2021.
(6) L-implimentazzjoni tal-attivitajiet tas-SatCen ser tkun f’konformità sħiħa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u ser issir skont l-Artikolu 2.2(iii). Dan ser ikun mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-KPS u tar-RGħ, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2354/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)