European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2321

19.11.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2321

tas-17 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u taż-żrieragħ tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll għall-prodotti dderivati minnhom

(notifikata bid-dokument C(2025) 7640)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(6) u l-Artikolu 20(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2007/305/KE (2), 2007/306/KE (3) u 2007/307/KE (4) jistabbilixxu r-regoli dwar l-irtirar mis-suq taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u taż-żrieragħ tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1) rispettivament, kif ukoll il-prodotti dderivati minnhom (“materjal ĠM”).

(2)

Dawk id-deċiżjonijiet ipprevedew perjodu ta’ tranżizzjoni inizjali ta’ 5 snin, li matulu l-ikel u l-għalf li fih il-materjal ĠM jew li jikkonsisti minnu jew huwa prodott minnu seta’ jiġi introdott fis-suq bi proporzjon mhux ogħla minn 0,9 % u sakemm dik il-preżenza kienet aċċidentali jew teknikament inevitabbli. L-għan tal-perjodu ta’ tranżizzjoni kien biex jitqies il-fatt li xi kultant jista’ jkun hemm preżenti traċċi żgħar ħafna ta’ materjal ĠM fil-ktajjen tal-ikel u tal-għalf, minkejja li d-detentur tal-awtorizzazzjoni, Bayer CropScience AG, waqqfet il-bejgħ ta’ żrieragħ idderivati mill-organiżmi ġenetikament modifikati u kienu ttieħdu l-miżuri kollha biex tiġi evitata l-preżenza tal-materjal ĠM fl-ikel u fl-għalf.

(3)

Id-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE ukoll stipulaw miżuri li kellha tieħu l-Bayer CropScience AG sabiex jiġi żgurat l-irtirar mis-suq effettiv tal-materjal ĠM u stipulaw l-obbligi ta’ rapportar min-naħa tad-destinatarju.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/69/UE (5) estendiet il-perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016, u naqqset il-preżenza tollerata tal-materjal ĠM fl-ikel u fl-għalf għall-frazzjoni tal-massa 0,1 %. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2268 (6) estendiet ulterjorment il-perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1562 (7) sal-31 ta’ Diċembru 2022 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/736 (8) sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1117 (9) emendat id-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE fir-rigward tad-destinatarju, minn Bayer CropScience AG għal BASF SE.

(6)

F’Novembru 2024, BASF Belgian Coordination Center CommV, fergħa ta’ BASF SE, irrapportat li minkejja l-miżuri li ttieħdu, xorta waħda nstabu traċċi żgħar ħafna tal-materjal ĠM, iżda b’xejra li dejjem tonqos, fil-prodotti bażiċi taż-żrieragħ tal-kolza f’dawn l-aħħar snin. Din il-preżenza persistenti ta’ dawk it-traċċi tista’ tiġi spjegata kemm mill-bijoloġija taż-żrieragħ tal-kolza billi ż-żerriegħa tista’ tibqa’ inattiva għal perjodi twal, kif ukoll mill-prattiki agrikoli li ntużaw għall-ħsad taż-żrieragħ u li jista’ jkun ikkawżaw it-tixrid aċċidentali, li l-livell tiegħu kien diffiċli biex jiġi stmat fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/69/UE, (UE) 2016/2268, (UE) 2019/1562 u (UE) 2022/736.

(7)

F’dan l-isfond, ikun xieraq li l-perjodu ta’ tranżizzjoni jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2028 biex jippermetti aktar tnaqqis tat-traċċi residwi tal-materjal ĠM fil-ktajjen tal-ikel u tal-għalf. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni qabel dik id-data, BASF SE jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm intern meħtieġ skont id-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE u dwar l-informazzjoni miġbura dwar il-preżenza tal-materjal ĠM fil-prodotti bażiċi taż-żrieragħ tal-kolza importati fl-Unjoni mill-Kanada, l-uniku pajjiż fejn il-materjal ĠM ġie kkultivat għal skopijiet kummerċjali.

(8)

Jenħtieġ li l-BASF SE tkompli tiżgura li jibqgħu jkunu disponibbli l-materjali ta’ referenza biex il-laboratorji ta’ kontroll ikunu jistgħu jwettqu l-analiżijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE jiġu emendati kif xieraq.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2007/305/KE

Id-Deċiżjoni 2007/305/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sal-1 ta’ Jannar 2028 id-destinatarju għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-programm u dwar il-preżenza ta’ dawk l-organiżmi mmodifikati ġenetikament fil-konsenji taż-żrieragħ tal-kolza lejn l-Unjoni mill-Kanada.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-preżenza ta’ materjal li fih iż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ1-4 u l-kombinazzjoni ibrida taż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4, li jikkonsisti minnhom jew li hu prodott minnhom fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati skont l-Artikolu 8(1), il-punt (a) u l-Artikolu 20(1), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2028, dment li l-preżenza:

(a)

tkun aċċidentali jew inevitabbli teknikament; u

(b)

tkun fi proporzjon mhux ogħla mill-frazzjoni tal-massa 0,1 %”.

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Id-destinatarju għandu jiżgura li l-materjal ta’ referenza msemmi fil-punt 7 tal-Anness IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jibqa’ disponibbli (*1).

(*1)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/18/oj).” "

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni 2007/306/KE

Id-Deċiżjoni 2007/306/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sal-1 ta’ Jannar 2028 id-destinatarju għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-programm u dwar il-preżenza ta’ dawk l-organiżmi mmodifikati ġenetikament fil-konsenji taż-żrieragħ tal-kolza lejn l-Unjoni mill-Kanada.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-preżenza ta’ materjal li fih iż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ2-5 jew l-kombinazzjoni ibrida taż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5, li jikkonsisti minnhom jew li hu prodott minnhom fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati skont l-Artikolu 8(1), il-punt (a) u l-Artikolu 20(1), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2028, dment li l-preżenza:

(a)

tkun aċċidentali jew inevitabbli teknikament; u

(b)

tkun fi proporzjon mhux ogħla mill-frazzjoni tal-massa 0,1 %.”

.

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Id-destinatarju għandu jiżgura li l-materjal ta’ referenza msemmi fil-punt 7 tal-Anness IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jibqa’ disponibbli.”

Artikolu 3

Emenda għad-Deċiżjoni 2007/307/KE

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/307/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sal-1 ta’ Jannar 2028 id-destinatarju għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-programm u dwar il-preżenza ta’ dawk l-organiżmi mmodifikati ġenetikament fil-konsenji taż-żrieragħ tal-kolza lejn l-Unjoni mill-Kanada.”;

(2)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-preżenza ta’ materjal li fih iż-żrieragħ l-kolza ACS-BNØØ7-1, li jikkonsisti minnhom jew li huwa prodott minnhom fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati skont l-Artikolu 8(1), il-punt (a) u l-Artikolu 20(1) il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2028, dment li din il-preżenza:

(a)

tkun aċċidentali jew inevitabbli teknikament; u

(b)

tkun fi proporzjon mhux ogħla mill-frazzjoni tal-massa 0,1 %.”

.

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Id-destinatarju għandu jiżgura li l-materjal ta’ referenza msemmi fil-punt 7 tal-Anness IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jibqa’ disponibbli.”

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil BASF SE, Carl-Bosch-Str. 38, 67063 Ludwigshafen, il-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/305/KE tal-25 ta’ April 2007 dwar l-irtirar mis-suq tal-ibridu Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4) taż-żrieragħ tal-lift u prodotti dderivati minnu (ĠU L 117, 5.5.2007, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/305/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/306/KE tal-25 ta’ April 2007 dwar l-irtirar mis-suq ta’ ibridi taż-żrieragħ tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u l-prodotti ġejjin minnha (ĠU L 117, 5.5.2007, p. 20, ELI http://data.europa.eu/eli/dec/2007/306/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/307/KE tal-25 ta’ April 2007 dwar it-tneħħija mis-suq tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1) u l-prodotti derivati tagħha (ĠU L 117, 5.5.2007, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/307/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/69/UE tat-3 ta’ Frar 2012 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u żrieragħ taż-żejt tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti derivati minnhom (ĠU L 34, 7.2.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/69/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2268 tal-14 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi tal-ibridu Ms1×Rf1 (ACS-BNØØ4-7×ACS-BNØØ1-4) taż-żrieragħ tal-lift, ta’ ibridi taż-żrieragħ tal-kolza Ms1×Rf2 (ACS-BNØØ4-7×ACS-BNØØ2-5) u tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti derivati minnhom (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2268/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1562 tas-16 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1×Rf1 (ACS-BNØØ4-7×ACS-BNØØ1-4), taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1×Rf2 (ACS-BNØØ4-7×ACS-BNØØ2-5) u taż-żrieragħ tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti dderivati minnhom (ĠU L 240, 18.9.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1562/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/736 tal-11 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), taż-żrieragħ tal-kolza ibridi Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u taż-żrieragħ tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti dderivati minnhom (ĠU L 136, 13.5.2022, p. 108, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/736/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1117 tal-24 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE fir-rigward ta’ bidla tad-destinatarju tad-Deċiżjonijiet (ĠU L 176, 1.7.2019, p. 59, ELI:.http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1117/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2321/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)