European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2320

19.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2320

tat-18 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja huma soġġetti għal dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/84 (2) u miżmuma mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 (3) wara rieżami ta’ skadenza.

(2)

PT. Miwon Indonesia, kodiċi addizzjonali TARIC (4) B962, kumpanija soġġetta għal rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ 13,3 %, infurmat lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Jannar 2025 li kienet biddlet isimha għal PT. Daesang Ingredients Indonesia.

(3)

Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont l-isem li kellha qabel.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni provduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi bidliet bil-potenzjal li jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ dazju, bħal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħrajn ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(5)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/84 miżmuma mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpanija.

(6)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-kumpanija kkonċernata sabiex tikkonferma li d-data rilevanti għall-bidla fl-isem kienet is-7 ta’ Jannar 2025. Il-kumpanija kkonfermat li, għall-fini tal-effetti tal-bidla fl-isem, id-data tan-notifika lill-Kummissjoni kienet xierqa.

(7)

Fid-19 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha tikkonċedi l-bidla fl-isem. Il-kumpanija kkonċernata u l-industrija tal-Unjoni ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. Ma wasal l-ebda kumment.

(8)

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali B962.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 huwa emendat kif ġej:

“PT. Miwon Indonesia

B962”

huwa sostitwit bi

“PT. Daesang Ingredients Indonesia

B962”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC B962 li qabel kien attribwit lil PT. Miwon Indonesia għandu japplika għal PT. Daesang Ingredients Indonesia, mis-7 ta’ Jannar 2025. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn PT. Daesang Ingredients li jaqbżu d-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fir-rigward ta’ PT. Miwon Indonesia għandu jitħallas lura jew jitnaqqas f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/84 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/84/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 tal-14 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/633/oj).

(4)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2320/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)