|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2307 |
11.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2307
tat-13 ta’ Ottubru 2025
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b’Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16, 82(1), l-Artikolu 83(1) u l-Artikolu 87(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-24 ta’ Mejju 2022, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/895 (1) awtorizzat lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, għal Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b’Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (il-“Konvenzjoni”). |
|
(2) |
It-test tal-Konvenzjoni ġie adottat fl-24 ta’ Diċembru 2024 bir-Riżoluzzjoni 79/243 fil-55 laqgħa plenarja tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u huwa previst li jinfetaħ għall-iffirmar f’Hanoi, il-Vjetnam, mill-25 sas-26 ta’ Ottubru 2025, u minn hemm ‘il quddiem fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sal-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(3) |
Il-Konvenzjoni hija konformi mal-objettivi tas-sigurtà tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u permezz ta’ miżuri għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra, kif ukoll permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali. |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni tapplika għal investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi li jikkonċernaw reati kriminali stabbiliti f’konformità mal-Konvenzjoni kif ukoll għall-iskambju ta’ evidenza f’forma elettronika relatata ma’ reati serji (reati punibbli b’ċaħda massima tal-libertà ta’ mill-inqas erba’ snin jew piena aktar serja) u tippermetti biss l-iskambju ta’ informazzjoni għal tali finijiet. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni tarmonizza sett limitat ta’ reati definiti b’mod ċar filwaqt li tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Partijiet biex jevitaw il-kriminalizzazzjoni ta’ mġiba leġittima. |
|
(6) |
Il-Konvenzjoni tistabbilixxi biss regoli minimi dwar ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi għal parteċipazzjoni fir-reati stabbiliti f’konformità mal-Konvenzjoni. Hija ma teħtieġx li l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri li jkunu neċessarji biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi b’mod li jkun inkonsistenti mal-prinċipji legali tagħhom. |
|
(7) |
Il-Konvenzjoni hija wkoll konformi mal-objettivi tal-protezzjoni tad-data personali, tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 16 TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). |
|
(8) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi salvagwardji robusti tad-drittijiet tal-bniedem u teskludi kwalunkwe interpretazzjoni li twassal għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertajiet tal-espressjoni, tal-kuxjenza, tal-opinjoni, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni. Dawn is-salvagwardji jiżguraw ukoll li l-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tiġi rrifjutata jekk dik il-kooperazzjoni internazzjonali tmur kontra l-liġijiet domestiċi tal-Istati Partijiet jew jekk tali rifjut ikun meħtieġ biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni. |
|
(9) |
Fir-rigward tas-setgħat u l-proċeduri kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali, il-Konvenzjoni tipprevedi kundizzjonijiet u salvagwardji orizzontali li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-obbligi tal-Istati Partijiet skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-Istati Partijiet għandhom jinkorporaw ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-liġi domestika tagħhom. Tali kundizzjonijiet u salvagwardji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, rieżami ġudizzjarju jew rieżami indipendenti ieħor, id-dritt għal rimedju effettiv, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni u l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata ta’ tali setgħat u proċeduri. |
|
(10) |
Il-Konvenzjoni tinkludi dispożizzjoni ddedikata dwar il-protezzjoni tad-data personali li tiżgura li jridu jiġu applikati prinċipji importanti tal-protezzjoni tad-data, inklużi l-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-proporzjonalità u n-neċessità, f’konformità mal-Karta, qabel ma kwalunkwe data personali tkun tista’ tiġi pprovduta lil Stat Parti ieħor. |
|
(11) |
Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati, f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni mar-regoli rilevanti tal-Unjoni. |
|
(12) |
Għadd ta’ riżervi u notifiki huma rilevanti biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni fost l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stati Partijiet mhux tal-UE, u l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. |
|
(13) |
Peress li l-Konvenzjoni tipprevedi proċeduri li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza f’forma elettronika u livell għoli ta’ salvagwardji, li ssir parti għall-Konvenzjoni ser jippromwovi l-konsistenza fl-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u forom oħra ta’ kriminalità fil-livell globali. Ser tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet tal-UE u l-Istati Partijiet li mhumiex tal-UE filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi. |
|
(14) |
F’konformità mal-Artikolu 64(2) tagħha, il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-Unjoni ssir parti għall-Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri, skont il-proċeduri interni tagħhom. Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li l-Konvenzjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Konvenzjoni ma taffettwax ir-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
|
(16) |
L-iffirmar rapidu tal-Konvenzjoni mill-Unjoni ser jiżgura wkoll li l-Unjoni jkollha vuċi sinifikanti kmieni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas globali ġdid għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. |
|
(17) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fl-4 ta’ Settembru 2025. |
|
(18) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(19) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; It-tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b’Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (il-“Konvenzjoni”) huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
P. HUMMELGAARD
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/895 tal-24 ta’ Mejju 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali (ĠU L 155, 8.6.2022, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/895/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2307/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)