European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2288

14.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2288

tat-13 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1044 fir-rigward ta’ bidla kbira fl-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel” f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1044 (2) tagħha, tat awtorizzazzjoni tal-Unjoni bin-numru EU-0024951-0000 lil Sumitomo Chemical Agro Europe SAS, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel”. L-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi s-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali għal dak il-prodott bijoċidali uniku.

(2)

Fil-21 ta’ Marzu 2023, Sumitomo Chemical Agro Europe SAS ippreżentat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”), f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2013 (3), applikazzjoni għal bidla kbira fl-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel”, kif imsemmi fit-Titolu 3 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament. Il-bidla proposta għal dik l-awtorizzazzjoni tikkonċerna bidla fil-kompożizzjoni tal-ingredjenti mhux attivi.

(3)

Fil-5 ta’ Marzu 2025, f’konformità mal-Artikolu 13(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni ssottomettiet rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija.

(4)

Fil-5 ta’ Ġunju 2025, f’konformità mal-Artikolu 13(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni opinjoni (4) dwar il-bidla kbira fl-awtorizzazzjoni tal-Unjoni tal-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel”, flimkien ma’ sommarju rivedut tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali u rapport ta’ valutazzjoni rivedut. Fl-opinjoni, l-Aġenzija tikkonkludi li l-bidla proposta hija bidla kbira kif imsemmi fl-Artikolu 50(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u kif speċifikat fit-Titolu 3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013, u li wara l-implimentazzjoni tal-bidla, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jibqgħu jiġu ssodisfati.

(5)

Fis-26 ta’ Ġunju 2025, l-Aġenzija bagħtet lill-Kummissjoni s-sommarju rivedut tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel” fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jkopri l-bidla kbira li saret applikazzjoni għaliha, f’konformità mal-Artikolu 13(8) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013.

(6)

Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tal-Aġenzija li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 xorta se jiġu ssodisfati jekk il-bidla kbira tiġi implimentata u għalhekk tqis li jixraq li tiġi emendata l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Pesguard ® Gel” biex tiġi introdotta l-bidla kbira mitluba minn Sumitomo Chemical Agro Europe SAS.

(7)

Ħlief għall-emendi rigward il-bidla kbira, l-informazzjoni l-oħra kollha inkluża fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali ta’ “Pesguard® Gel” kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1044, tibqa’ l-istess.

(8)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċarezza u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-utenti u tal-partijiet interessati għall-verżjoni konsolidata finali tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali li għandha tiġi ppubblikata mill-Aġenzija, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1044 jiġi sostitwit fl-intier tiegħu. Minħabba bidla fil-format użat għall-ġenerazzjoni tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodotti bijoċidali fir-reġistru għall-prodotti bijoċidali fi Frar 2024, dak is-sommarju kif se jidher f’dak l-Anness jenħtieġ li jinkludi wkoll xi bidliet minuri editorjali u fit-tqassim.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1044 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1044 huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1044 tat-22 ta’ Ġunju 2021 li jagħti awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Pesguard® Gel” f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 225, 25.6.2021, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1044/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2013 tat-18 ta’ April 2013 dwar bidliet tal-prodotti bijoċidali awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 109, 19.4.2013, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/354/oj).

(4)  Biocidal Products Committee (BPC) opinion of 15 May 2025 on the major change of the Union authorisation of the biocidal product Pesguard® Gel (ECHA/BPC/480/2025). Disponibbli online: https://echa.europa.eu/de/opinions-on-union-authorisation.


ANNESS

Sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott għal prodott bijoċidali

Pesguard® Gel

Tip(i) ta’ prodott

PT18: Insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra

Numru tal-awtorizzazzjoni: EU-0024951-0000

Numru tal-assi R4BP: EU-0024951-0000

1.   INFORMAZZJONI AMMINISTRATTIVA

1.1.   Isem/ismijiet kummerċjali tal-prodott

Isem/Ismijiet kummerċjali

Pesguard® Gel

GOLIATH® GEL NEW

1.2.   Detentur tal-awtorizzazzjoni

Isem u indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni

Isem

Sumitomo Chemical Agro Europe SAS

Indirizz

10A, rue de la Voie Lactée 69370 Saint Didier au Mont d’Or Franza

Numru tal-awtorizzazzjoni

 

EU-0024951-0000

Numru tal-assi R4BP

 

EU-0024951-0000

Data tal-awtorizzazzjoni

 

15.7.2021

Data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni

 

30.6.2026

1.3.   Manifattur(i) tal-prodott

Isem tal-manifattur

McLaughlin Gormley King Company (MGK)

Indirizz tal-manifattur

7325 Aspen Lane North MN 55428 Minneapolis L-Istati Uniti

Post ta’ siti ta’ manifattura

McLaughlin Gormley King Company (MGK) site 1 4001 Peavey Road MN 55318 Chaska L-Istati Uniti


Isem tal-manifattur

McLaughlin Gormley King Company (MGK)

Indirizz tal-manifattur

7325 Aspen Lane North MN 55428 Minneapolis L-Istati Uniti

Post ta’ siti ta’ manifattura

McLaughlin Gormley King Company (MGK) site 2 7325 Aspen Lane North MN 55428 Minneapolis L-Istati Uniti

1.4.   Manifattur(i) tas-sustanza(i) attiva(i)

Sustanza attiva

(E)-1-(2-Kloro-1,3-tijażol-5-ilmetil)-3-metil-2-nitrogwanidina (Klotijanidin)

Isem tal-manifattur

Sumitomo Chemical Co. Ltd.

Indirizz tal-manifattur

7-1, Nihonbashi 2-chome, Chuo-ku 103-6020 Tokyo Il-Ġappun

Post ta’ siti ta’ manifattura

Sumitomo Chemical Co. Ltd. site 1

Sumitomo Chemical Company LTD, Oita Works, 2200, Tsurusaki, Oita City, 870-0106 Oita Il-Ġappun

Sumitomo Chemical Co. Ltd. site 2 Jiangsu Flag Chemical Industry Co., Ltd., No.309, Changfenghe Road, Nanjing Chemical, Industry Park 210047 Nanjing Iċ-Ċina


Sustanza attiva

Piriprossifen

Isem tal-manifattur

Sumitomo Chemical Co. Ltd.

Indirizz tal-manifattur

7-1, Nihonbashi 2-chome, Chuo-ku 103-6020 Tokyo Il-Ġappun

Post ta’ siti ta’ manifattura

Sumitomo Chemical Co. Ltd. site 1 Sumitomo Chemical Company LTD, Misawa Works, Aza-Sabishirotaira, Oaza-Misawa, Misawa, 033-0022 Aomori Il-Ġappun

2.   KOMPOŻIZZJONI U FORMULAZZJONI TAL-PRODOTT

2.1.   Informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-kompożizzjoni tal-prodott

Isem komuni

Isem IUPAC

Funzjoni

Numru CAS

Numru EC

Kontenut (%)

(E)-1-(2-Kloro-1,3-tijażol-5-ilmetil)-3-metil-2-nitrogwanidina (Klotijanidin)

 

Sustanza attiva

210880-92-5

433-460-1

0,526 % (w/w)

Piriprossifen

4-phenoxyphenyl (RS)-2-(2- pyridyloxy)propyl ether

Sustanza attiva

95737-68-1

429-800-1

0,515 % (w/w)

Aċidu aċetiku

Aċidu etanoiku

Sustanza mhux attiva

64-19-7

200-580-7

0,3 % (w/w)

Sorbat tal-potassju

potassju (E,E)-eża-2,4-dijenoat

Sustanza mhux attiva

24634-61-5

246-376-1

0,506 % (w/w)

C(M)IT/MIT (3:1)

Massa ta’reazzjoni ta’5-kloru-2-metil-2H-isotijażol-3-on u 2-metil-2H-isotijażol-3-on (3:1)

Sustanza mhux attiva

55965-84-9

 

0,00224 % (w/w)

2.2.   Tip(i) ta’ formulazzjoni

RB Lixka (lesta għall-użu)

3.   DIKJARAZZJONIJIET TA’ PERIKLU U TA’ PREKAWZJONI

Dikjarazzjonijiet ta’ periklu

H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda.

H410: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema.

Dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni

P302+P352: JEKK FUQ IL-ĠILDA: Aħsel b’ħafna ilma.

P333+P313: Jekk ikun hemm irritazzjoni jew raxx tal-ġilda: Ikkonsulta.

P280: Ilbes ingwanti protettivi.

P273: Evita r-rilaxx fl-ambjent.

P501: Armi l-container fi servizz ta’ rimi ta’ skart perikoluż skont ir-regolamenti statutorji.

P501: Armi l-contents fi servizz ta’ rimi ta’ skart perikoluż skont ir-regolamenti statutorji.

P391: Iġbor it-tixrid.

4.   UŻU/I AWTORIZZATI

4.1.   Deskrizzjoni tal-użu

Tabella 1

Użu Professjonali — Lixka RTU

Tip ta’ prodott

PT18: Insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra

Fejn rilevanti, deskrizzjoni eżatta tal-użu awtorizzat

Insettiċida

Organiżmu/i fil-mira (inkluż l-istadju ta’ żvilupp)

Isem xjentifiku: Blattella germanica

Isem komuni: Wirdiena Ġermaniża

Istadju iżvilupp: nimfi (nymphs)

Isem xjentifiku: Blattella germanica

Isem komuni: Wirdiena Ġermaniża

Istadju iżvilupp: adulti

Isem xjentifiku: Supella longipalpa

Isem komuni: Wirdiena brown-banded

Istadju iżvilupp: nimfi (nymphs)

Isem xjentifiku: Supella longipalpa

Isem komuni: Wirdiena brown-banded

Istadju iżvilupp: adulti

Isem xjentifiku: Blatta orientalis

Isem komuni: Wirdiena Orjentali

Istadju iżvilupp: nimfi (nymphs)

Isem xjentifiku: Blatta orientalis

Isem komuni: Wirdiena Orjentali

Istadju iżvilupp: adulti

Isem xjentifiku: Periplaneta americana

Isem komuni: Wirdiena Amerikana

Istadju iżvilupp: nimfi (nymphs)

Isem xjentifiku: Periplaneta americana

Isem komuni: Wirdiena Amerikana

Istadju iżvilupp: adulti

Qasam/Oqsma ta’ użu

użu fuq ġewwa

Fi qsim u xquq, jew f’postijiet moħbija inaċċessibbli għall-bnedmin jew għall-annimali domestiċi:

wara r-refriġeraturi, l-armarji u l-ixkafef, taħt it-tagħmir tal-kċina, f’kaxxi tal-kontroll elettriku, fi spazji vojta u kanali u taħt it-tagħmir għall-kmamar tal-banju, eċċ.

Metodu/i ta’ applikazzjoni

Metodu: applikazzjoni lixka

Deskrizzjoni dettaljata:

Lixka b’ġell insettiċida lesta għall-użu (RTU) għall-kontroll tal-wirdien fl-iġjene pubblika

Rata/i ta’ applikazzjoni u frekwenza

Rata ta’ applikazzjoni: Pesguard® Gel għandu jiġi applikat bħala numru ta’ tikek b’dijametru ta’ madwar 4 mm (kull tikka tinkludi lixka ta’ madwar 0,032 g).

Numru u ħin tal-applikazzjoni:

F’każijiet ta’ infestazzjoni severa, fejn hemm speċi akbar ta’ wirdien (B. orientalis jew P. americana), f’żoni li huma partikolarment maħmuġin jew b’ħafna imbarazz jew fejn sorsi alternattivi ta’ ikel ma jistgħux jiġu eliminati kompletament, għandha tintuża r-rata ogħla ta’ applikazzjoni (eż. 2 tikek minflok tikka 1 għal kull m2 f’każ ta’ infestazzjoni ħafifa).

Infestazzjoni ħafifa 1 - 2 (0,032 - 0,064 g) tikek kull m2

Infestazzjoni medja 3 - 6 (0,096 - 0,192 g) tikek kull m2

Infestazzjoni kbira 6 - 10 (0,192 - 0,320 g) tikek kull m2

In-numru massimu ta’ applikazzjonijiet annwali hu ta’ 11.

Kategorija/i ta’ utenti

professjonali

Daqsijiet tal-pakkett u materjal tal-imballaġġ

Siringa ta’ 30 g Polipropilen (PP)

Għatu ta’ fuq bil-kamin tal-Polietilen ta’ Densità Għolja (HDPE)

4.1.1.   Struzzjonijiet speċifiċi għall-użu sabiex jintużaw

Ara l-istruzzjonijiet ġenerali għall-użu

4.1.2.   Miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-użu

Ara l-istruzzjonijiet ġenerali għall-użu

4.1.3.   Fejn speċifiku għall-użu, id-dettalji tal-effetti diretti jew indiretti probabbli, l-istruzzjonijiet tal-ewwel għajnuna u miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni tal-ambjent

Ara l-istruzzjonijiet ġenerali għall-użu

4.1.4.   Fejn speċifiku għall-użu, l-istruzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u l-imballaġġ tiegħu

Ara l-istruzzjonijiet ġenerali għall-użu

4.1.5.   Fejn speċifiku għall-użu, il-kundizzjonijiet tal-ħżin tal-prodott u kemm dan idum tajjeb qabel ma jinfetaħ taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

Ara l-istruzzjonijiet ġenerali għall-użu

5.   STRUZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-UŻU (1)

5.1.   Struzzjonijiet għall-użu

Dejjem aqra t-tikketta jew il-fuljett qabel l-użu u rrispetta u segwi l-istruzzjonijiet kollha mogħtija.

Tesponix il-qtar tal-lixka għad-dawl tax-xemx jew għas-sħana (eż. radjatur).

Ir-reċipjent tal-plastik mimli minn qabel li fih Pesguard® Gel huwa maħsub għall-użu bil-planġer ipprovdut jew b’apparat speċifiku għall-applikazzjoni tal-lixka li huwa komuni għall-industrija tal-kontroll tal-pesti. Irreferi għall-istruzzjonijiet tal-manifattur għall-istruzzjonijiet dwar l-użu tal-applikatur.

Injetta l-lixka fi xquq u qsim, fi spazji vojta, jew f’postijiet moħbija inaċċessibbli għall-bnedmin jew għall-annimali domestiċi fejn l-insetti jistgħu jgħixu, jieklu u jnisslu. Żoni bħal dawn ġeneralment ikunu sħan/umdi u mudlama (wara r-refriġeraturi, l-armarji u l-ixkafef, taħt it-tagħmir tal-kċina, f’kaxxi tal-kontroll tal-elettriku, fi spazji vojta u kanali u taħt it-tagħmir għall-kmamar tal-banju, eċċ.). Hu rakkomandat li qabel it-trattament, ikun hemm spezzjoni jew qbid biex tiġi kkonfermata l-infestazzjoni. Kun żgur li kwalunkwe sors alternattiv tal-ikel jitneħħa u t-tqegħid tal-lixka jiġi kkonċentrat bħala tikek individwali f’siti fejn ikun hemm attività ta’ wirdien. Il-prodott għandu jiġi applikat biss f’żoni inaċċessibbli għat-tfal u għall-annimali domestiċi.

Tapplikax Pesguard® Gel fejn jiġi f’kuntatt mal-ilma jew f’żoni li jitnaddfu b’mod regolari. Tipikament il-wirdien imut ftit sigħat wara għalf wieħed ta’ Pesguard Gel. Fil-bini infestat, il-wirdien mejjet normalment jidher fi żmien 24 siegħa mit-trattament.

Neħħi l-għatu miż-żennuna, miss il-parti ta’ fuq tal-wiċċ li jkun se jiġi trattat, u imbotta ’l isfel fuq il-planġer. Erġa’ poġġi l-għatu fuq id-dispensur wara li jitlesta t-trattament.

Il-lixka teħel ma’ uċuħ mhux żejtnija jew mingħajr trab u tibqa’ flessibbli u tattira l-wirdien bit-togħma tagħha sakemm ikunu jistgħu jarawha.

Iż-żoni trattati għandhom jiġu eżaminati viżwalment wara ġimgħa sa ġimagħtejn. Fejn l-ewwel infestazzjoni kienet qawwija, jista’ jkun hemm bżonn tat-tieni applikazzjoni ta’ Pesguard® Gel jekk l-ewwel trattament ikun ġie kkunsmat u jkun għad hemm wirdien ħaj.

Hija rakkomandata t-tieni spezzjoni viżwali tat-tqegħdin tal-lixka 2-4 ġimgħat wara l-ewwel trattament. Applika mill-ġdid meta l-lixka ma tkunx għadha tidher, skont il-livell ta’ infestazzjoni (ħafifa, medja jew qawwija). Issostitwixxi l-lixka qabel ma tiġi kkunsmata kompletament biex iżżomm il-wirdien milli jerġa’ lura.

Informa lid-detentur tar-reġistrazzjoni jekk it-trattament ma jkunx effettiv.

It-tixrid u r-residwi li fihom il-prodott jeħtieġ li jitneħħew bħala skart kimiku.

Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi evitat li l-ġell jiġi ddepożitat fuq uċuħ esposti. Jekk il-ġell jiġi f’kuntatt ma’ wiċċ espost, neħħi l-ġell b’xugaman tal-karta u naddaf iż-żona b’wipes imxarrbin li jintremew wara l-użu.

Matul iż-żjarat ta’ segwitu, spezzjona t-tqegħid tal-lixka u applika mill-ġdid meta jkun meħtieġ.

Tpoġġix lixka f’postijiet li jinħaslu regolarment, peress li l-lixka titneħħa bil-ħasil. Tużax dan il-prodott fi jew fuq tagħmir elettriku fejn teżisti l-possibbiltà ta’ periklu ta’ xokk. Evita l-kuntatt mat-tessuti u l-ħwejjeġ, peress li l-lixka tista ttebba’.

5.2.   Miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji

Ilbes ingwanti protettivi reżistenti għall-kimiċi waqt il-fażi tal-immaniġġjar tal-prodott (il-materjal tal-ingwanti għandu jiġi speċifikat mid-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-informazzjoni dwar il-prodott).

Tapplikax lixka f’żoni fejn ikunu ntużaw insettiċidi ripellanti mingħajr ma tnaddaf sew il-wiċċ b’tixju mxarrba li jintremew wara l-użu. Tapplikax insettiċidi ripellanti wara l-applikazzjoni tal-lixka.

Tapplikax direttament fuq jew qrib l-ikel, l-għalf jew ix-xorb, jew fuq uċuħ jew għodda li x’aktarx jiġu f’kuntatt dirett mal-ikel, l-għalf, ix-xorb u l-annimali.

Evita li tqiegħed ġell fuq drappijiet jew twapet billi jista’ jtebba’ xi materjali assorbenti. Sabiex jiġu evitati t-tbajja’, il-lixka esposta għandha titnaddaf immedjatament b’wipes imxarrbin li jintremew wara l-użu.

Il-materjal tat-tindif għandu jintrema bħala skart solidu.

5.3.   Dettalji tal-effetti diretti jew indiretti, struzzjonijiet tal-ewwel għajnuna u miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni tal-ambjent

Dan il-prodott bijoċidali fih clothianidin, li huwa perikoluża għan-naħal.

Effetti diretti jew indiretti probabbli

Mhu mistenni l-ebda effett avvers jekk jintuża kif indikat.

Deskrizzjoni tal-miżuri tal-ewwel għajnuna

Kuntatt mal-ġilda: Neħħi l-ilbies kontaminat minnufih u aħsel il-ġilda b’sapun u ilma. Fittex attenzjoni medika jekk l-irritazzjoni tippersisti wara l-ħasil.

Kuntatt mal-għajnejn: Jekk ikun hemm sintomi; laħlaħ bl-ilma. Neħħi l-lentijiet tal-kuntatt, jekk ikun hemm u jkun faċli biex tneħħihom. Ċempel ĊENTRU GĦAL KONTRA L-VELENU jew tabib.

Inġestjoni: Jekk jinbela’: Jekk ikun hemm sintomi, ċempel ĊENTRU GĦAL KONTRA L-VELENU jew tabib.

Jekk jinġibed man-nifs: mhux applikabbli.

L-iktar sintomi u effetti importanti, kemm akuti kif ukoll imdewmin

L-għajnejn: Jista’ jikkawża irritazzjoni temporanja tal-għajnejn.

Miżuri ta’ emerġenza biex jiġi protett l-ambjent

Evita r-rilaxx tal-prodott fl-ambjent.

5.4.   Struzzjonijiet għar-rimi sikur tal-prodott u tal-imballaġġ tiegħu

Il-kontenituri u l-imballaġġ vojt biss għandu jintbagħat għar-riċiklaġġ.

Dan l-imballaġġ għandu dejjem jintrema skont il-leġiżlazzjoni tar-rimi tal-iskart u kull rekwiżit tal-awtorità lokali reġjonali.

5.5.   Il-kundizzjonijiet tal-ħżin tal-prodott u kemm dan idum tajjeb qabel ma jinfetaħ taħt kundizzjonijiet normali tal-ħżin

Ipproteġi mill-ġlata. Aħżen ’il bogħod mid-dawl tax-xemx dirett.

Żmien tal-ħżin: Sentejn.

6.   INFORMAZZJONI OĦRA


(1)  L-istruzzjonijiet għall-użu, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji u struzzjonijiet oħra għall-użu taħt din it-taqsima huma validi għal kull użu awtorizzat.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2288/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)