European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2272

13.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2272

tat-12 ta’ Novembru 2025

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġibberellini bħala sustanza attiva b’riskju baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet il-ġibberellini bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġibberellini, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2026.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġibberellini lis-Slovenja, l-Istat Membru relatur, u s-Slovakkja, l-Istat Membru korelatur.

(5)

L-applikant ippreżenta d-dossier tat-tiġdid meħtieġ lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ssottomettieh lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2019. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ippropona li l-approvazzjoni tal-ġibberellini tiġġedded.

(7)

Barra minn hekk, l-Awtorità ċċirkolat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri biex jagħtu l-kummenti tagħhom u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni u poġġiet id-dossier sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(8)

Fit-13 ta’ Lulju 2020, l-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant dwar il-proprjetajiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali tal-ġibberellini skont l-Artikolu 13(3a), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-applikant ressaq informazzjoni biex l-Awtorità tkun tista’ tikkonkludi l-valutazzjoni dwar jekk il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali stabbiliti fil-punt 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kif introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (6), humiex issodisfati.

(9)

F’April 2023, l-Istat Membru relatur qiegħed abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid għad-dispożizzjoni tal-Awtorità, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Fl-abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur qies l-informazzjoni addizzjonali dwar il-kriterji biex jiġu identifikati l-proprjetajiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali u ppropona t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-ġibberellini.

(10)

Fis-16 ta’ Ottubru 2024, l-Awtorità bagħtet il-konklużjoni (7) tagħha lill-Kummissjoni fejn indikat li, filwaqt li jitqiesu l-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-ġibberellini jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(11)

Il-Kummissjoni ppreżentat rapport tat-tiġdid u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-14 ta’ Mejju 2025 u fid-9 ta’ Lulju 2025, rispettivament.

(12)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant jissottometti l-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport tat-tiġdid. L-applikant ippreżenta l-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa u tqiesu.

(13)

Fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew iktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva ġibberellini, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

(14)

Għalkemm il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġibberellini hija bbażata fuq għadd limitat ta’ użi rappreżentattivi, dan ma jirrestrinġix l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-ġibberellini. Għaldaqstant, jixraq li r-restrizzjoni fuq l-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti ma tinżammx.

(15)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġibberellini huma sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-ġibberellini mhumiex sustanza ta’ tħassib u jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u, meta jitqiesu l-użi maħsuba tagħha, huwa mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-ġibberellini se joħolqu biss riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent.

(16)

Għalhekk jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-ġibberellini bħala sustanza attiva b’riskju baxx.

(17)

Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali u tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju, jeħtieġ jiġu previsti ċerti kundizzjonijiet.

(18)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/787 (8) estenda l-perjodu tal-approvazzjoni tal-ġibberellini sal-31 ta’ Ottubru 2026 sabiex il-proċess ta’ tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu tal-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni dwar it-tiġdid ittieħdet qabel dik id-data tal-iskadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika qabel dik id-data.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġibberellini, kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, tiġġedded soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/127/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/414/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/844/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta’ April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/605/oj).

(7)  Conclusion on pesticides peer review of the pesticide risk assessment of the active substance gibberellins (GA4/GA7); EFSA Journal 2024;22:e9066. Disponibbli online: https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.9066.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/787 tal-24 ta’ April 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1,4-dimetilnaftalina, amidosulfuron, bentażon, bixafen, clomazone, fenoxaprop-P, fludioxonil, fluoxastrobin, flutolanil, fluksapirossad, gibberellic acid, gibberellins, ħalauksifen-metil, mecoprop-P, żejt tal-paraffin, pentijopirad, pirimiphos-methyl, propamocarb, propiżammid, prothioconazole, rimsulfuron, sedaxane u sulfoksaflor (ĠU L, 2025/787, 25.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/787/oj).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Ġibberellini

Nru CAS: GA4: 468-44-0

GA7: 510-75-8

Taħlita GA4/GA7: 8030-53-3

Nru CIPAC: 904

GA4: Aċidu (3S,3aR,4S,4aR,7R,9aR,9bR,12S)-12-idrossi-3-metil-6-metilen-2-ossoperidro-4a,7-metano-3,9b-propanoażuleno[1,2-b]furan-4-karbossiliku

GA7: Aċidu (3S,3aR,4S,4aR,7R,9aR,9bR,12S)-12-idrossi-3-metil-6-metilen-2-ossoperidro-4a,7-metano-9b,3-propenoażuleno[1,2-b]furan-4-karbossiliku

≥ 890 g/kg

L-impuritajiet Fumoniżini B1 u B2; Is-somma tal-fumoniżina B1 + fumoniżina B2 ma għandhiex taqbeż il-200 μg/kg fil-materjal tekniku.

l-1 ta’ Jannar 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2040

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar il-ġibberellini, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji.


(1)  Fir-rapport tat-tiġdid jingħataw aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, titħassar l-entrata 233 dwar il-Ġibberellini;

(2)

fil-Parti D, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“56

Ġibberellini

Nru CAS: GA4: 468-44-0

GA7: 510-75-8

Taħlita GA4/GA7: 8030-53-3

Nru CIPAC: 904

GA4: Aċidu (3S,3aR,4S,4aR,7R,9aR,9bR,12S)-12-idrossi-3-metil-6-metilen-2-ossoperidro-4a,7-metano-3,9b-propanoażuleno[1,2-b]furan-4-karbossiliku

GA7: Aċidu (3S,3aR,4S,4aR,7R,9aR,9bR,12S)-12-idrossi-3-metil-6-metilen-2-ossoperidro-4a,7-metano-9b,3-propenoażuleno[1,2-b]furan-4-karbossiliku

≥ 890 g/kg

L-impuritajiet Fumoniżini B1 u B2; Is-somma tal-fumoniżina B1 + fumoniżina B2 ma għandhiex taqbeż il-200 μg/kg fil-materjal tekniku.

l-1 ta’ Jannar 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2040

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ tiġdid dwar il-ġibberellini, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji.”


(1)  Fir-rapport tat-tiġdid jingħataw aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2272/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)