European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2269

13.11.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2269

tat-12 ta’ Novembru 2025

li jikkoreġi r-Regolament (UE) 2022/1616 fir-rigward tat-tikkettar tal-plastik riċiklat, l-iżvilupp tat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ u t-trasferiment tal-awtorizzazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-punti (h), (i), (k) u (n) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1616 (2) jistabbilixxi regoli dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklati maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Matul l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament ġew identifikati xi żbalji.

(2)

L-Artikolu 4, il-paragrafu 1, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jirreferi għar-rekwiżiti li l-materjali u l-oġġetti tal-plastik riċiklati għandhom jissodisfaw matul il-manifattura tagħhom. Peress li l-paragrafu 8 jistabbilixxi wkoll tali rekwiżit, dan jeħtieġ li jissemma wkoll fil-paragrafu 1.

(3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3, tar-Regolament (UE) 2022/1616, jenħtieġ li jiġi ċċarat li dan jikkonċerna t-tikkettar tal-kontenituri li jittrasportaw il-plastik riċiklat għall-fini li tingħata informazzjoni dwar il-plastik riċiklat minflok dwar il-kompożizzjoni tal-kontenituri nfushom.

(4)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2022/1616 jistabbilixxi l-obbligi għall-iżviluppatur ta’ teknoloġiji ġodda tar-riċiklaġġ li jinnotifikahom lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-iżviluppatur. Madankollu, l-Artikolu 10, il-paragrafu 4, jirrikjedi li fiż-żmien tan-notifika, ir-riċiklatur għandu jippubblika wkoll rapport dettaljat fuq is-sit web tiegħu dwar is-sikurezza tal-plastik manifatturat. Peress li l-Artikolu 10 jipprevedi obbligi tal-iżviluppatur u mhux tar-riċiklatur, u l-pubblikazzjoni tar-rapport dettaljat hija kompitu tal-iżviluppatur, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10, il-paragrafu 4 jenħtieġ li tirreferi għall-iżviluppatur.

(5)

L-Artikolu 10, il-paragrafu 8, tar-Regolament (UE) 2022/1616 bi żball jirreferi għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 7, u għar-rekwiżiti li ġejjin mill-paragrafu 8, minflok għar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 6, u għar-rekwiżiti li ġejjin mill-paragrafu 7.

(6)

L-Artikolu 11, il-paragrafu 6, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jirreferi għall-paragrafi 3 u 4 tiegħu, minflok għall-paragrafi 4 u 5.

(7)

L-Artikolu 12, il-paragrafu 3, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jirreferi b’mod skorrett għal “dokumentazzjoni ta’ sostenn” minflok għal “informazzjoni supplimentari”, li hija s-suġġett ta’ dak l-Artikolu.

(8)

L-Artikolu 14, il-paragrafu 4, u l-Artikolu 18, il-paragrafu 1, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jipprevedu li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) għandha tippubblika opinjoni. Bl-istess mod, fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3, issir referenza għall-opinjoni tal-Awtorità ppubblikata skont l-Artikolu 18, il-paragrafu 1. Billi l-pubblikazzjoni ta’ opinjoni tista’ sseħħ b’mod sinifikanti wara l-adozzjoni u minħabba l-kliem użat fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1, tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004, il-frażijiet rispettivi fl-Artikoli 14 u 18 jeħtieġ li ma jirreferux għall-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet iżda għall-għoti tat-tali opinjonijiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 23, il-paragrafu 3 jeħtieġ li jiġi fformulat mill-ġdid kif xieraq.

(9)

L-Artikolu 14, il-paragrafu 5, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jippermetti lill-Awtorità testendi d-durata tal-valutazzjoni tagħha. Madankollu, hija tirreferi b’mod żbaljat għall-perjodu previst fil-paragrafu 3, filwaqt li tali perijodu huwa stabbilit fil-paragrafu 4.

(10)

Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 6, tar-Regolament (UE) 2022/1616, l-Awtorità tista’ titlob lill-iżviluppatur ta’ teknoloġija ġdida jissupplimenta l-informazzjoni disponibbli għaliha b’informazzjoni kkumpilata f’konformità mal-Artikoli 10 u 12. Ir-referenza għall-Artikolu 10 fl-intier tiegħu f’dik id-dispożizzjoni hija żbaljata peress li ċerta informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 10 hija maħsuba biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mhijiex rilevanti għal ħidmet l-Awtorità. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 biss hija ta’ rilevanza potenzjali għall-attivitajiet tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 14, il-paragrafu 6 jeħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(11)

Fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2022/1616, il-paragrafu 7 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taġġusta l-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dak l-Artikolu għall-valutazzjoni ta’ teknoloġija ġdida speċifika, wara konsultazzjoni mal-Awtorità u mal-iżviluppaturi ta’ dik it-teknoloġija. It-test jenħtieġ li jiġi kkoreġut biex jirreferi għall-paragrafi 4, 5 u 6, minħabba li l-paragrafu 6 fih referenza għal limitu ta’ żmien, filwaqt li l-paragrafu 3 ma jagħmilx dan.

(12)

L-Artikolu 14, il-paragrafu 8, it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/1616 jipprevedi li l-Awtorità għandha tipprovdi trattament kunfidenzjali għal informazzjoni supplimentarja li titlob dwar aspetti speċifiċi għall-proċessi u l-installazzjonijiet individwali ta’ riċiklaġġ użati minn riċiklatur. Madankollu, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) u (e), u fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 ma għandhiex tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. L-Artikolu 12(1)(a) u (c) it-tnejn jirreferu għal informazzjoni li hija maħsuba biex tkun pubblika, rispettivament għal sommarju qasir tat-teknoloġija l-ġdida u għal dijagramma blokk tas-sekwenza tal-manifattura fil-faċilità ta’ riċiklaġġ. L-Artikolu 12(1)(b) u (d) jirreferi għal informazzjoni simili, iżda f’livell ħafna ogħla ta’ dettall, rispettivament għal sommarju twil tal-installazzjoni tar-riċiklaġġ applikata u għal dijagramma tal-pajpijiet u tal-istrumentazzjoni tal-proċess ta’ dekontaminazzjoni li hija ħafna aktar dettaljata mid-dijagramma blokk. Id-divulgazzjoni pubblika ta’ dik l-informazzjoni dettaljata tista’ timmina l-interessi kummerċjali tar-riċiklatur u tal-iżviluppatur mingħajr ma tipprovdi informazzjoni sinifikanti biex tiffaċilita l-fehim pubbliku tat-teknoloġija l-ġdida. Għalhekk, l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(b) u (d) tista’ tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali, filwaqt li l-informazzjoni fl-Artikolu 12(1)(a) u (c) ma tistax tiġi ttrattata bħala tali. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1)(e) imsemmi fl-Artikolu 14, il-paragrafu 8, ma jeżistix. Għalhekk, huwa xieraq li r-referenza preżenti għall-Artikolu 12(1)(b) u (e) tiġi sostitwita b’referenza għall-Artikolu 12(1)(a) u (c).

(13)

L-Artikolu 22, il-paragrafu 4, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jirrikjedi li f’każ ta’ trasferiment tal-awtorizzazzjoni ta’ proċess ta’ riċiklaġġ lil parti terza, din il-parti terza għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra rreġistrata, filwaqt li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni. Madankollu, il-mezzi li bihom għandha sseħħ in-notifika tal-aħħar jitħallew barra. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li l-ewwel sentenza ta’ dak il-paragrafu tiġi kkoreġuta billi jiżdied il-mod li bih għandha ssir in-notifika.

(14)

L-Anness III, il-parti A, tar-Regolament (UE) 2022/1616 jinkludi tliet noti f’qiegħ il-paġna, immarkati rispettivament b’asterisk wieħed, tnejn u tlieta. In-nota f’qiegħ il-paġna mmarkata bi tliet asterisks tapplika għall-oqsma 3.1.3 u 3.2.1 li t-tnejn jikkonċernaw restrizzjonijiet. Madankollu, fl-intestatura ta’ dawn iż-żewġ kampijiet jintuża asterisk doppju. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi kkoreġuta r-referenza f’dawk iż-żewġ intestaturi tal-kamp.

(15)

Dawn l-iżbalji fir-Regolament (UE) 2022/1616 jaffettwaw il-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

(16)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/1616 jiġi kkoreġut skont dan,

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2022/1616 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-materjali u l-oġġetti tal-plastik riċiklat għandhom jitqiegħdu fis-suq biss meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 waqt il-manifattura tagħhom.”

;

(2)

fl-Artiklu 5, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 hija mibdula b’li ġej:

“Il-plastik riċiklat ikkonsenjat lill-konvertituri għandu jkollu tikketta mwaħħla ma’ kull kontenitur li turi s-simbolu definit fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004, segwita minn:”.

(3)

l-Artikolu 10 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fiż-żmien tan-notifika, l-iżviluppatur għandu jippubblika wkoll rapport inizjali dettaljat fuq is-sit web tiegħu billi juża l-URL ipprovdut f’konformità mal-paragrafu 2, dwar is-sikurezza tal-plastik immanifatturat abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 3.”;

(b)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu hu sostitwit b’dan li ġej:

“Awtorità kompetenti li tkun ġiet innotifikata f’konformità mal-paragrafu 2 għandha tivverifika fi żmien 5 xhur min-notifika jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 humiex issodisfati, u tivverifika r-rekwiżiti li ġejjin mill-paragrafu 7 b’mod regolari minn hemm ’il quddiem.”;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-informazzjoni supplimentari msemmija fil-paragrafu 4 inkluż, jekk ikun hemm, id-dokumenti ta’ sostenn, u l-iskeda tas-sommarju tal-monitoraġġ tal-konformità msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jiġu pprovduti lill-iżviluppatur u lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.”

;

(5)

Fl-Artikolu 12, il-frażi introduttorja tal-paragrafu 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1 l-informazzjoni supplimentarja għandha tinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:”

(6)

l-Artikolu 14 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 4 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Fi żmien sena wara li tirċievi t-talba għall-valutazzjoni tat-teknoloġija l-ġdida, l-Awtorità għandha tagħti opinjoni dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha.”

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Meta l-Awtorità tkun tal-fehma li jeħtieġ li tinvolvi esperti ġodda biex jivvalutaw teknoloġija ġdida, din tista’ testendi l-perjodu previst fil-paragrafu 4 sa sena.”

;

(c)

fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta jkun meħtieġ sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha, l-Awtorità tista’ titlob lill-iżviluppaturi tat-teknoloġiji l-ġodda li jkunu qegħdin jiġu vvalutati jissupplimentaw l-informazzjoni li għandha b’informazzjoni miġbura f’konformità mal-Artikolu 10(3), (4), u (5) u mal-Artikolu 12, kif ukoll b’informazzjoni jew spjegazzjonijiet oħrajn li tqis meħtieġa għal dak il-għan, u fil-limiti ta’ żmien li tispeċifika, li b’kollox ma għandhomx jaqbżu sena.”;

(d)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taġġusta l-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6 għall-valutazzjoni ta’ teknoloġija ġdida speċifika, wara konsultazzjoni mal-Awtorità u mal-iżviluppaturi ta’ dik it-teknoloġija.”

;

(e)

fil-paragrafu 8, it-tieni subparagrafu, l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) u (c), u fl-Artikolu 12(3) ma għandhiex tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali.”;

(7)

fl-Artikolu 18, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Awtorità għandha tagħti opinjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni valida dwar jekk il-proċess tar-riċiklaġġ huwiex kapaċi japplika t-teknoloġija tar-riċiklaġġ xierqa li juża sabiex il-materjali u l-oġġetti tal-plastik immanifatturati biha jissodisfaw l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u jkunu mikrobijoloġikament sikuri.”;

(8)

fl-Artiklu 22, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 4 hija mibdula b’li ġej:

“F’każ li l-modifika tikkonċerna trasferiment tal-awtorizzazzjoni ta’ proċess ta’ riċiklaġġ lil parti terza, id-detentur attwali tal-awtorizzazzjoni tal-proċess awtorizzat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’ittra rreġistrata qabel it-trasferiment, filwaqt li jindika l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ dik il-parti terza.”;

(9)

fl-Artiklu 23, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 hija mibdula b’li ġej:

“Abbażi tal-opinjoni tal-Awtorità mogħtija f’konformità mal-Artikolu 18(1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni.”;

(10)

fl-Anness III, il-parti A, it-taqsima 3, l-oqsma 3.1.3 u 3.2.1, fit-tieni kolonna, l-intestaturi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Restrizzjonijiet tal-użu (***)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4, http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1935/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1616 tal-15 ta’ Settembru 2022 dwar materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 282/2008 (ĠU L 243, 20.9.2022, p. 3; http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1616/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2269/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)