European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2262

20.11.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2262

tal-11 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/826 biex jiġu ċċarati d-definizzjonijiet u xi aspetti tal-kundizzjonijiet tal-kejl u li jemenda r-Regolament (UE) 2023/2533 fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontenut ta’ ndewwa finali medju, l-identifikazzjoni u d-disponibbiltà ta’ spare parts u l-informazzjoni dwar it-tiswija fost aspetti oħra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1)

Id-definizzjoni ta’ “element tal-bini mħaddem b’mutur” fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (2) jenħtieġ li tinbidel sabiex tipprovdi ċarezza legali u allinjament mal-prodotti elenkati fl-Anness II, il-punt 6, bħala elementi tal-bini mħaddma b’mutur.

(2)

Id-definizzjoni tat-terminu “unità ta’ kontroll” jenħtieġ li tiżdied fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/826 biex tipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-elementi tal-bini mħaddma b’mutur koperti b’dan ir-Regolament.

(3)

L-Anness II, il-punt 1, tar-Regolament (UE) 2023/826 fih lista ta’ apparati maħsuba, ittestjati u kkummerċjalizzati għall-użu fid-djar li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-ekodisinn. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, it-tip ta’ magni għat-tħin tal-kafè li għalihom issir referenza jenħtieġ li jiġi speċifikat hemmhekk.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/826 li jistabbilixxi l-metodi tal-kejl u l-kalkoli jenħtieġ li jiġi emendat sabiex il-kundizzjonijiet tal-kejl inklużi fil-punt d) tiegħu japplikaw għat-tipi kollha ta’ magni tal-kafè tad-dar koperti b’dak ir-Regolament, u mhux biss għal dawk li jitqiesu bħala tagħmir imqabbad ma’ network.

(5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura deskritta fil-punt (c) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/826 dwar il-metodi ta’ kejl u ta’ kalkoli jenħtieġ li jiġi ċċarat.

(6)

Hemm bżonn li jiġu evitati prattiki li jbiddlu b’mod illegali l-prestazzjoni tal-prodotti sabiex jintlaħaq riżultat aktar favorevoli. L-Artikolu 40, il-paragrafi 1 sa 4, tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jiżgura li l-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tiġi indirizzata b’mod komprensiv, japplika għall-prodotti koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2533 (4). Għalhekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2023/2533 ma jibqax meħtieġ u jenħtieġ li jitħassar.

(7)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li tiżdied definizzjoni ta’ “kontenut ta’ ndewwa finali medju” fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2533, u d-definizzjonijiet relatati mal-modalitajiet b’konsum baxx ta’ enerġija jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk fir-Regolament (UE) 2023/826.

(8)

L-Anness II, il-punt 5(1)(a), tar-Regolament (UE) 2023/2533 jistabbilixxi lista ta’ spare parts li, bħala minimu, jenħtieġ li jkunu disponibbli għas-sewwejja professjonali. Dik il-lista hija wkoll il-bażi għall-għażla tal-partijiet prijoritarji li ġew inklużi fil-kalkolu tal-indiċi tal-possibbiltà ta’ tiswija stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2534 (5). Il-lista jenħtieġ li tiġi emendata sabiex jiġi żgurat allinjament bejn l-ispare parts regolati skont ir-Regolament (UE) 2023/2533 u l-partijiet prijoritarji regolati skont ir-Regolament Delegat (UE) 2023/2534. Dan jinkludi l-modifika tal-isem li jindika xi spare parts u ż-żieda ta’ spare part ġdida li hija rilevanti għall-kalkolu tal-indiċi tal-possibbiltà ta’ tiswija.

(9)

L-Anness II, il-punt 5(1)(b), tar-Regolament (UE) 2023/2533 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex l-informazzjoni dwar it-tiswija relatata mal-ispare parts li d-disponibbiltà tagħhom hija limitata għas-sewwejja professjonali ma tkunx disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta’ sit web b’aċċess bla ħlas.

(10)

L-Anness II, il-punt 5(1)(e), tar-Regolament (UE) 2023/2533, jirrikjedi li l-ispare parts ikunu jistgħu jiġu sostitwiti b’għodod disponibbli b’mod komuni. It-terminu “għodod faċilment disponibbli” huwa ambigwu u ma jagħtix idea preċiża tal-għodod ikkonċernati. Barra minn hekk, il-formula għall-kalkolu tal-indiċi tal-possibbiltà ta’ tiswija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2023/2534 tinkludi kriterju ta’ punteġġ relatat mat-tip ta’ għodod użati għaż-żarmar ta’ parti ta’ prijorità speċifika, il-punteġġ skont jekk l-għodod humiex għodod bażiċi, għodod fornuti mal-ispare parts jew għodod kummerċjalment disponibbli. Għal raġunijiet ta’ konsistenza bejn iż-żewġ regolamenti, it-terminu “għodod faċilment disponibbli” fir-Regolament (UE) 2023/2533 jenħtieġ li jiġi sostitwit u allinjat mat-terminoloġija użata fir-Regolament Delegat (UE) 2023/2534 meta rilevanti. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu introdotti definizzjonijiet għal “għodod kummerċjalment disponibbli”, “għodod bażiċi” u “għodod proprjetarji”.

(11)

L-Anness II, il-punt 6(2), tar-Regolament (UE) 2023/2533 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jiġu ċċarati l-valuri li għandhom jiġu pprovduti mill-manifatturi, mill-importaturi jew mir-rappreżentanti awtorizzati għall-parametri differenti għall-programm eco u għal programmi oħra, meta jkunu disponibbli.

(12)

L-Anness III, il-punt 1(f), tar-Regolament (UE) 2023/2533 jimponi obbligu fuq il-manifatturi u l-importaturi li jiddikjaraw il-kontenut ta’ ndewwa finali medju għall-programm eco. Id-dikjarazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika ta’ kontenut ta’ ndewwa finali tat-tagħbija ta’ 0 %, li huwa l-valur mitlub f’dak ir-Regolament, jista’ jinvolvi t-tnixxif tal-ħwejjeġ lil hinn mill-kontenut tal-ilma naturali tiegħu, li jirriżulta f’effetti mhux mixtieqa bħal użu eċċessiv tal-enerġija u ħsara possibbli lit-tessuti. Għalhekk meħtieġ li l-kontenut ta’ ndewwa finali medju jitħassar mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Anness II u mill-metodi ta’ kalkolu u ta’ kejl fl-Anness III. Minflok, il-metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu inklużi fl-istandards armonizzati, li jipprevedu tolleranzi xierqa, jenħtieġ li jintużaw għall-kalkolu ta’ dan il-parametru.

(13)

Il-kontenut tat-Tabella 1 fl-Anness IV jenħtieġ li jinqasam f’żewġ tabelli differenti sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(15)

Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) 2023/826 u (UE) 2023/2533 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2023/826

L-Annessi I, II u IV tar-Regolament (UE) 2023/826 huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament (UE) 2023/2533

Ir-Regolament (UE) 2023/2533 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 6 jitħassar;

2.

L-Artikolu 13 “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”;

3.

L-Annessi I, II, III u IV huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 tas-17 ta’ April 2023 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009 (ĠU L 103, 18.4.2023, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/826/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2533 tas-17 ta’ Novembru 2023 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 (ĠU L, 2023/2533, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2533/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2534 tat-13 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 392/2012 (ĠU L, 2023/2534, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2534/oj).


ANNESS

(1)   

Ir-Regolament (UE) 2023/826 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(i)

id-definizzjoni ta’ “element tal-bini mħaddem b’mutur” taħt il-punt 21 hija sostitwita b’dan li ġej:

“21.

‘element tal-bini mħaddem b’mutur’ tfisser tagħmir ta’ ftuħ jew ta’ kumdità għall-użu fil-bini jew fi strutturi relatati, għajr tagħmir tal-ventilazzjoni, li jista’ jiċċaqlaq jew idur, jew it-tnejn li huma, permezz tad-dħul tal-elettriku mill-mejn. L-element tal-bini mħaddem b’mutur jinkorpora mutur elettriku jew attwatur u unità ta’ kontroll, u jitħaddem mill-utent finali permezz ta’ kontroll(i) bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network, jew ikkontrollat awtomatikament bl-użu ta’ sensuri;”;

(ii)

id-definizzjoni li ġejja tiddaħħal wara l-punt 21:

“22.

‘unità ta’ kontroll’ tfisser unità li tirċievi sinjali mill-utent finali permezz ta’ kontroll(i) bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network, jew minn sensuri, u li tippermetti t-tħaddim meħtieġ tal-mutur jew tal-attwatur tal-element tal-bini mħaddem b’mutur. Is-sensuri konnessi mal-unità u l-enerġija riċeventi mill-istess punt tal-input tal-mejns bħall-bqija tal-element tal-bini mħaddem b’mutur jitqiesu bħala parti mill-unità ta’ kontroll;”;

(b)

Fl-Anness II, il-punt 1), it-tmien inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

magni għat-tħin użati fil-kċina għall-ipproċessar tal-ikel;”;

(c)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(i)

il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:

“Għat-tipi kollha ta’ magni tal-kafè tad-dar, il-kejl għandu jitwettaq wara t-tlestija tal-aħħar ċiklu tat-tisjir, jew, meta applikabbli, wara t-tlestija ta’ proċess ta’ tneħħija tal-ġebla, proċess ta’ tat-tindif awtomatiku tal-magna jew kwalunkwe operazzjoni mwettqa mill-utent, sakemm ma jkunx ġie skattat allarm li jirrikjedi intervent tal-utent biex tiġi evitata kwalunkwe ħsara jew aċċident possibbli.”;

(ii)

fil-punt (c), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’“Il-proċedura li ġejja għandha tintuża għall-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network għar-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika tal-Anness III, il-punt 1(c), u għall-ittestjar tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija:”;

(iii)

il-punt (d) huwa mħassar.

(2)   

Ir-Regolament (UE) 2023/2533 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (10) u (11) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(10)

‘modalità mitfi’ tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku tkun imqabbda mal-mejn u ma tkun qed tipprovdi l-ebda funzjoni, jew tkun f’kundizzjoni li tipprovdi biss:

(a)

indikazzjoni tal-kundizzjoni tal-modalità mitfi;

(b)

funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(11)

‘modalità standby’ tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku tkun imqabbda mal-mejn, tiddependi mid-dħul tal-elettriku mill-mejn biex taħdem kif maħsub u tipprovdi biss waħda jew aktar mill-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jdumu għaddejjin għal ħin indefinit:

(a)

funzjoni ta’ riattivazzjoni;

(b)

funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni ta’ funzjoni attivata ta’ riattivazzjoni biss;

(c)

skrin ta’ informazzjoni jew tal-istatus;

(*1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/30/oj).”;"

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(19)

‘kontenut ta’ ndewwa finali medju’ tfisser l-ammont medju ta’ ndewwa li jinsab fit-tagħbija fi tmiem iċ-ċikli tat-tnixxif għall-programm eko b’tagħbija sħiħa u b’nofs tagħbija;

(20)

‘funzjoni ta’ riattivazzjoni’ tfisser funzjoni li permezz ta’ swiċċ imbiegħed, kontroll mill-bogħod, sensur intern jew kronometru taqleb mill-modalità standby għal modalità oħra, inkluża l-modalità attiva, li tipprovdi funzjonijiet oħra;

(21)

‘skrin ta’ informazzjoni jew status’ tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi l-informazzjoni jew li tindika l-istatus tat-tagħmir fuq skrin, inkluż l-arloġġi. Indikatur b’bozza sempliċi ma jitqiesx bħala skrin tal-istatus;

(22)

‘modalità attiva’ tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u tkun attivata mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin;

(23)

‘funzjoni ewlenija’ tfisser funzjoni li tipprovdi s-servizz(i) ewlieni/ewlenin li t-tagħmir huwa maħsub, ittestjat u ikkummerċjalizzat għalihom, u li tikkorrispondi mal-użu maħsub tat-tagħmir;

(24)

‘għodda disponibbli kummerċjalment’ tfisser għodda disponibbli għax-xiri mill-pubbliku ġenerali, u la hija għodda bażika u lanqas għodda proprjetarja;

(25)

‘għodda bażika’ tfisser turnavit ċatt, turnavit stilla, turnavit torx, allen key, combination spanner, tnaljetta kkombinata, tnaljetta kkombinata għat-tqaxxir tal-wajers u l-konnessjoni terminali, tnaljetta nofs tond, cutters dijagonali, tnaljetta multigrip, locking pliers, liver, pinzetta, lenti, spudger u pick;

(26)

‘għodda proprjetarja’ tfisser għodda li ma tkunx disponibbli għax-xiri mill-pubbliku ġenerali jew li għaliha kwalunkwe privattiva applikabbli ma tkunx disponibbli għal liċenzja b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.”;

(b)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt 5 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (1) huwa emendat kif ġej:

il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

l-entrata (iii) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(iii)

pompa tal-ilma;”;

l-entrata (v) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(v)

trażmissjonijiet bejn mutur u tanbur, bħaċ-ċinturin tat-tanbur;”;

l-entrata (vii) hija sostitwita b’dan li ġej:

“(vii)

tnabar u bearings tat-tanbur;”;

tiżdied l-entrata li ġejja:

“(xx)

kapaċitatur tal-mutur;”;

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

id-disponibbiltà tal-ispare parts imsemmija fil-punt (a) għandha tiġi żgurata għal perjodu minimu li jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2025 jew sentejn wara l-introduzzjoni fis-suq tal-ewwel unità tal-mudell, skont liema data tiġi l-aħħar, u li jintemm mill-inqas 10 snin wara l-introduzzjoni fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell ikkonċernat. Għal dak l-għan, il-lista tal-ispare parts u l-proċedura biex dawn jiġu ordnati għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat b’aċċess bla ħlas, mill-inqas matul l-istess perjodu u li jibda mid-data msemmija f’dan il-punt;”;

il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

“(e)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku għandhom jiżguraw li l-ispare parts imsemmija fil-punti (a) u (c) jistgħu jiġu sostitwiti mingħajr għodod jew bl-użu ta’ għodod li mhumiex għodod proprjetarji, u mingħajr ħsara permanenti lill-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku;”;

(2)

fil-punt (6), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku jkunu ddisinjati b’tali mod li l-materjali u l-komponenti msemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) ikunu jistgħu jitneħħew mill-apparat mingħajr għodod jew bl-użu ta’ għodod li mhumiex għodod proprjetarji;

(*2)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197 24.7.2012 p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/19/oj).”;"

(ii)

fil-punt 6, il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

Valuri għall-parametri li ġejjin:

(a)

il-kapaċità f’kg;

(b)

id-durata tal-programm, espressa f’sigħat u minuti;

(c)

il-konsum tal-elettriku, u meta applikabbli, tal-gass f’kWh/ċiklu tat-tnixxif;

(d)

l-emissjoni ta’ storbju akustiku fl-arja taċ-ċiklu tat-tnixxif.

Għall-programm eco, il-valuri tal-parametri taħt il-punti (a) sa (c), għandhom jiġu pprovduti kemm b’tagħbija sħiħa kif ukoll b’tagħbija parzjali; il-valur għall-parametru taħt il-punt (d) għandu jiġi pprovdut biss b’tagħbija sħiħa.

Għal programmi għajr il-programm eco, meta dawn ikunu disponibbli, għandhom jiġu pprovduti valuri indikattivi kif ġej:

(a)

għal programm ta’ tnixxif tal-ħwejjeġ sintetiċi, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti b’tagħbija sħiħa;

(b)

għal programm ta’ tnixxif tal-ħwejjeġ delikati/tas-suf, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti b’tagħbija sħiħa;

(c)

għal programm ta’ tnixxif ekstra/xott ħafna tal-ħwejjeġ sintetiċi, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti b’tagħbija sħiħa;

(d)

għal programm ta’ tnixxif bil-mogħdija tal-ħwejjeġ sintetiċi, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti b’tagħbija sħiħa;

(e)

għal programm ta’ tnixxif ekstra/xott ħafna tal-ħwejjeġ tal-qoton, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti kemm b’tagħbija sħiħa kif ukoll b’tagħbija parzjali;

(f)

għall-programm ta’ tnixxif bil-mogħdija tal-ħwejjeġ tal-qoton, il-valuri għall-parametri taħt il-punti (a) sa (c) għandhom jiġu pprovduti kemm b’tagħbija sħiħa kif ukoll b’tagħbija parzjali;”;

(c)

L-Anness III huwa emendat kif gej:

(i)

fil-parti introduttorja, it-tielet u r-raba’ paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-programm eco bħala identifikabbli fuq l-għażla tal-programm, fuq l-iskrin u permezz tal-konnessjoni tan-network, skont il-funzjonalitajiet ipprovduti mill-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku, u mingħajr ebda modifika addizzjonali tal-issettjar tal-kontenut ta’ ndewwa finali, għandu jintuża għall-kejl u l-kalkolu tal-EEI, l-effiċjenza tal-kondensazzjoni, id-durata tal-programm u l-emissjonijiet tal-istorbju akustiku fl-arja. Il-konsum tal-enerġija, l-effiċjenza tal-kondensazzjoni u d-durata tal-programm għandhom jitkejlu fl-istess ħin.

Il-kalkolu tal-konsum ponderat tal-enerġija, id-durata ponderata tal-programm u l-effiċjenza tal-kondensazzjoni għandhom isiru abbażi ta’ tliet ċikli tat-tnixxif b’tagħbija sħiħa u erba’ ċikli tat-tnixxif b’tagħbija parzjali.”;

(ii)

fil-punt 1, il-punt (f) dwar il-kalkolu tal-kontenut ta’ ndewwa finali medju jitħassar;

(d)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

It-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 2 huma relatati biss mal-verifika tal-valuri ddikjarati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentanti awtorizzati bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti dawk il-valuri fid-dokumentazzjoni teknika jew fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri bl-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

2.

Meta mudell ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2024/1781, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.”;

(ii)

fil-punt 3(b), il-punt (v) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(v)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri ddeterminati, jiġifieri l-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejlafl-ittestjar u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl, ikunu konformi:

(a)

mal-kriterji ta’ validità stabbiliti fit-Tabella 1;

(b)

mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi stabbiliti fit-Tabella 2.”;

(iii)

il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli meta għat-tliet unitajiet imsemmija fil-punt (5), il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati tkun konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi stabbiliti fit-Tabella 2.”;

(iv)

il-punt 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“11.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss il-kriterji tal-validità stabbiliti fit-Tabella 1 u t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 2, u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti (3) sa (8) għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri fit-Tabella 1 u fit-Tabella 2, ma għandhomx jiġu applikati kriterji ta’ validità jew tolleranzi tal-verifika oħra, bħal dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.”;

(v)

it-Tabella 1 hija sostitwita b’din li ġejja:

Tabella 1

Kriterji ta’ validità

Parametru

Kriterji ta’ validità

Il-kontenut ta’ ndewwa finali medju tal-programm eco μt

Il-valur determinat għandu jitkejjel u jiġi kkalkolat, u jkun anqas minn 1,5 %.”

(vi)

tiżdied it-tabella li ġejja:

Tabella 2

Tolleranzi tal-verifika

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

Edry u Edry½

Il-valur determinat (*3) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat ta’ Edry u Edry½ b’aktar minn 6 %.

Egdry u Egdry½

Il-valur determinat (*3) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat ta’ Egdry u Egdry½ b’aktar minn 6 %.

Egdry,a u Egdry½,a

Il-valur determinat (*3) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat ta’ Egdry,a u Egdry½,a b’aktar minn 6 %.

Ct

Il-valur determinat (*3) ma għandux ikun inqas mill-valur iddikjarat ta’ Ct b’aktar minn 6 %.

Tdry u Tdry½

Il-valur determinat (*3) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat ta’ Tdry u Tdry½ b’aktar minn 6 %.

Po

Il-valur determinat (*3) ta’ Po ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W.

Psm

Il-valur determinat (*3) ta’ Psm ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 10 % jekk il-valur iddikjarat ikun ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur iddikjarat ikun 1,00 W jew inqas.

Pds

Il-valur determinat (*3) ta’ Pds ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 10 % meta l-valur iddikjarat ikun ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur iddikjarat ikun 1,00 W jew inqas.

Emissjonijiet tal-istorbju akustiku fl-arja

Il-valur determinat (*3) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 2 dB fir-rigward ta’ 1 pW.


(*1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/30/oj).”;

(*2)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197 24.7.2012 p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/19/oj).”;”


(*3)  Meta jiġu ttestjati tliet unitajiet addizzjonali f’konformità mal-punt (5), il-valur determinat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri determinati għal dawk it-tliet unitajiet addizzjonali.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2262/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)