|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2254 |
7.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2254
tas-27 ta’ Ottubru 2025
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol kwalifikata, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu inklużivi, reżiljenti, orjentati lejn il-futur u li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta’ tkabbir ekonomiku bbilanċjat, livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Bi qbil mal-Artikolu 146(2) TFUE, l-Istati Membri jridu jqisu l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 3 TUE, l-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u trid tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Skont l-Artikolu 9 TFUE, meta tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis ir-rekwiżiti relatati mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
|
(3) |
L-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawk l-istrumenti, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi”) stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3134 (4), flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jridu jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett ta’ politiki u riformi kkoordinati tal-Unjoni u nazzjonali li jirriżulta jikkostitwixxi taħlita kumplessiva xierqa u sostenibbli tal-politika ekonomika, dik dwar l-impjiegi u dik soċjali, li jenħtieġ li tikseb effetti konsegwenzjali pożittivi għas-swieq tax-xogħol u għas-soċjetà inġenerali, issaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, u tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi fuq terminu medju u itwal, inkluż il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività, l-inċertezza dwar il-politiki tal-kummerċ globali, kif ukoll l-effetti relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kuntest ġeopolitiku usa’. |
|
(4) |
Sabiex jissaħħu l-progress ekonomiku u soċjali u l-konverġenza ’l fuq, jiġu appoġġati t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jissaħħu l-bażi industrijali tal-Unjoni, il-produttività u l-kompetittività, jiġu indirizzati sfidi demografiċi, u jinkisbu swieq tax-xogħol inklużivi u reżiljenti fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u jippromwovu impjiegi ta’ kwalità kif ukoll edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2025 bit-titolu “l-Unjoni tal-Ħiliet”, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tal-ħiliet bażiċi, abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi, kif ukoll tal-ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, inkluż il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, speċjalment fost l-istudenti u l-adulti żvantaġġati. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu spinta wkoll lill-edukazzjoni u t-taħriġ fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM, Science, Technology, Engineering and Mathematics), skont il-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM, isaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali orjentati lejn il-futur, b’mod partikolari jattiraw nisa u bniet lejn STEM, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tul il-ħajja, u jistinkaw biex joħolqu sistemi edukattivi inklużivi, kif ukoll jiżguraw politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet ta’ karriera aħjar, filwaqt li jirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Kif iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 (6), l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ b’mod sistematiku f’politiki oħrajn relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika f’perspettiva tul il-ħajja tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki. It-tisħiħ ta’ dawk l-elementi huwa ta’ rilevanza partikolari għar-reġjuni inqas żviluppati, remoti u ultraperiferiċi tal-Unjoni, fejn il-ħtiġijiet huma akbar. In-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati aktar billi tittejjeb mobbiltà intra-UE ġusta għall-ħaddiema u għall-istudenti u billi jiġi attirat u miżmum it-talent minn barra l-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rabtiet bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-suq tax-xogħol jenħtieġ li jissaħħu, u l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba permezz tal-apprendiment mhux formali u dak informali jenħtieġ li jiġu validati u rikonoxxuti. |
|
(5) |
Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024 (7), u mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ diversi inizjattivi tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 (8), tad-29 ta’ Novembru 2021 (9), tal-5 ta’ April 2022 (10), tas-16 ta’ Ġunju 2022 (11), tat-28 ta’ Novembru 2022 (12), tat-8 ta’ Diċembru 2022 (13), tat-30 ta’ Jannar 2023 (14), tat-12 ta’ Ġunju 2023 (15) u tas-27 ta’ Novembru 2023 (16), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 (17), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021 (18), il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 dwar il-Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali, tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, tat-3 ta’ Marzu 2021dwar l-Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, tas-7 ta ’ Settembru 2022 dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Kura, tal-1 ta’ Frar 2023 dwar il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, tal-25 ta’ Jannar 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Ottubru 2023 dwar it-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni, tat-28 ta’ Settembru 2022 dwar Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri, tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE: pjan ta’ azzjoni, u tal-5 ta’ Marzu 2025 dwar l-Unjoni tal-Ħiliet, id-Deċiżjonijiet (UE) 2021/2316 (19) u (UE) 2023/936 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi (UE) 2022/2041 (21), (UE) 2022/2381 (22), (UE) 2023/970 (23) u (UE) 2024/2831 (24) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(6) |
Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien diversi strumenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza multilaterali integrati tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni. Is-Semestru Ewropew huwa għodda ewlenija għat-twettiq tal-prijoritajiet definiti fil-Boxxla għall-Kompetittività li tipprovdi qafas biex tingħata spinta lill-kompetittività billi jitnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, tiġi dekarbonizzata l-ekonomija tal-Unjoni, jitnaqqsu d-dipendenzi eċċessivi u tiżdied is-sigurtà, u li tistabbilixxi faċilitaturi orizzontali li jinkludu l-ħiliet, l-impjiegi ta’ kwalità u l-ġustizzja soċjali. Is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2017 (25) (il-“Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”), u l-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, filwaqt li jagħmilha wkoll possibbli li ssir analiżi tar-riskji u l-isfidi għall-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni, u jipprevedi involviment qawwi mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Is-Semestru Ewropew jappoġġa wkoll it-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti. Il-politiki ekonomiċi, soċjali u dwar l-impjiegi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jenħtieġ li jimxu id f’id mat-tranżizzjoni ġusta tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, itejbu l-kompetittività u l-produttività, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, id-djalogu soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-konverġenza soċjoekonomika ’l fuq, jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali, u jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. |
|
(7) |
It-tibdil fil-klima u sfidi oħrajn relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta, l-indipendenza enerġetika u t-tisħiħ fil-kompetittività tal-industriji b’emissjonijiet żero netti, is-sovranità teknoloġika, u l-ħtieġa li jiżdied l-infiq fid-difiża u tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, kif ukoll il-bidliet demografiċi u l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni, inkluż l-intelliġenza artifiċjali, il-ġestjoni algoritmika, l-ekonomija tal-pjattaformi u t-telexogħol qed jittrasformaw bil-kbir l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Unjoni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv u proattiv dawn l-iżviluppi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livelli tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sħab soċjali, f’konformità mat-TFUE u mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, filwaqt li jittieħed kont tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Azzjoni politika bħal din jenħtieġ li tkun tinkludi spinta fl-investiment sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-Unjoni, impenn imġedded għal riformi u investimenti b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ħiliet, il-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-produttività, il-kompetittività, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza soċjoekonomika ’l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċitar tar-responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li jingħata appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) u mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali rregolat mir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), kif ukoll il-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30). Jenħtieġ li l-azzjoni ta’ politika tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali ta’ dawn il-miżuri. |
|
(8) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt sabiex jingħata appoġġ lis-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji; opportunitajiet; u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol, u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dawk il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni strateġika lill-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet lejn in-newtralità klimatika, is-sostenibbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni, u l-impatt tat-tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti u jippreservaw il-koeżjoni territorjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi gwida għall-monitoraġġ tal-impjiegi, il-ħiliet u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri, inkluż il-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni, fi ħdan is-Semestru Ewropew, għall-ixprunar tar-riformi u l-investimenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u għar-rikonċiljazzjoni tal-aspetti soċjali u tas-suq tal-ekonomija moderna tal-lum il-ġurnata, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ħarġet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (li mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li jkunu impjegati), il-ħiliet (li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (jenħtieġ li jkun hemm mill-inqas 15-il miljun persuna inqas f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, fosthom 5 miljun tifel u tifla) (il-“miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030”) u sottomiri komplementari, kif ukoll tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta. |
|
(9) |
Kif rikonoxxut mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-Summit Soċjali ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021 (is-“Summit Soċjali ta’ Porto”), l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ser issaħħaħ l-isforz tal-Unjoni għal tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u ser tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza soċjoekonomika ’l fuq u l-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, u laqgħu b’sodisfazzjon il-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni. Affermaw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew 2019-2024, li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-aħħar nett, enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, anke fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. |
|
(10) |
Il-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 intlaqgħu b’sodisfazzjon mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-Summit Soċjali ta’ Porto u mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021. Dawn jgħinu, flimkien mat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali, fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas tal-koordinazzjoni tal-politika fis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, is-Summit Soċjali ta’ Porto appella wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li, meta titqies kif xieraq il-pożizzjoni inizjali ta’ kull pajjiż, jenħtieġ li jikkostitwixxu kontribut adegwat għall-ilħuq tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-progress fir-rigward tal-miri ewlenin tal-Unjoni u dawk nazzjonali għall-2030 hija mmonitorjata fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill f’Marzu 2025 (ir-“Rapport Konġunt tal-2025 dwar l-Impjiegi”), u hija integrata fl-għodod ta’ monitoraġġ għas-Semestru Ewropew. Mill-edizzjoni tal-2024 (31) tiegħu ’l hawn, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi sar fih “analiżi tal-ewwel stadju tal-pajjiż” dwar ir-riskji potenzjali għal konverġenza soċjali ’l fuq skont il-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali li jidentifika l-Istati Membri li jesperjenzaw riskji potenzjali li għandhom jiġu eżaminati f’“analiżi tat-tieni stadju” aktar profonda. Fir-Rapport Konġunt tal-2025 dwar l-Impjiegi, għall-ewwel ġew identifikati 10 Stati Membri, u l-konklużjoni tal-analiżi aktar profonda wriet li l-isfidi kumplessivi ġew ikkonfermati għal kull wieħed minnhom. |
|
(11) |
Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja, li qed jippruvaw jipperikolaw is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u dinjija, u esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, filwaqt li ssottolinja l-ksur, min-naħa tar-Russja, tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-kuntest attwali, il-protezzjoni temporanja, kif mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (32) u estiża bid-deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 (33), toffri assistenza fl-Unjoni lill-persuni spostati mill-Ukrajna u tippermettilhom igawdu minn drittijiet minimi madwar l-Unjoni kollha li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni. Billi jipparteċipaw fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, il-persuni spostati mill-Ukrajna jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni u għall-appoġġ ipprovdut lil pajjiżhom u lil nieshom. Fil-futur, l-esperjenza u l-ħiliet miksuba jistgħu jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Għat-tfal u l-adolexxenti mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja tagħti d-dritt għall-kustodja legali u għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika li l-għan tagħhom huwa li jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-impjiegi u mal-ħiliet, inkluż ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni spostati mill-Ukrajna. Is-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt ta’ dik il-gwerra f’termini ta’ preservazzjoni tal-impjiegi u tal-produzzjoni. |
|
(12) |
Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jieħdu kont tal-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, kif ukoll l-awtonomija tas-sħab soċjali, bil-għan li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti, anke meta dak li jkun joħroġ bil-pensjoni, tkabbir sostenibbli u konverġenza soċjoekonomika ’l fuq. Riformi bħal dawn jenħtieġ li jippermettu kunsiderazzjoni wiesgħa tal-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività u fl-innovazzjoni, il-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu, edukazzjoni, taħriġ u ħiliet ta’ kwalità, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, il-bidla demografika u l-promozzjoni ta’ pensjonijiet supplimentari, kif ukoll introjti reali. L-importanza tad-djalogu soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi fid-dinja tax-xogħol, inkluż in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, ġiet affermata mill-ġdid fis-Summit ta’ Val Duchesse tal-2024 u fil-Patt għad-djalogu Soċjali Ewropew iffirmat f’Marzu 2025. |
|
(13) |
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ investimenti li huma konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni, u b’hekk l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Unjoni jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti, u jkunu ppreparati aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet taggrava l-isfidi soċjoekonomiċi li kienu diġà jeżistu, inkluż il-faqar enerġetiku permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija, filwaqt li l-inċertezzi fil-kummerċ globali u, b’mod aktar wiesa’, dawk li jirriżultaw mill-kuntest ġeopolitiku, jipperikolaw it-tkabbir. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li l-impatti soċjali, tal-impjieg u ekonomiċi jittaffew u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ekwi u ġusti, anke fid-dawl tal-fatt li żieda fl-awtonomija strateġika miftuħa u tranżizzjoni ekoloġika aċċellerata ser jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u ta’ prodotti u teknoloġiji strateġiċi oħrajn. It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-insegwiment ta’ soċjetà inklużiva li fiha n-nies huma protetti u mogħtija s-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, huma essenzjali. |
|
(14) |
Huwa meħtieġ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti minn inċentivi temporanji u mmirati għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet, inkluż l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, u servizzi mmirati, effettivi u adattabbli għall-impjiegi, biex jiġu appoġġati l-integrazzjoni u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Huwa għaldaqstant importanti li jsir użu sħiħ mill-potenzjal mhux sfruttat tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz taż-żamma ta’ ħaddiema akbar fl-età u jiġu promossi arranġamenti flessibbli għall-irtirar, f’konformità mal-approċċ ta’ inklużjoni attiva, u fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ġie enfasizzat, fost l-oħrajn, fid-Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe tal-2024 dwar il-Futur tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (34). Jenħtieġ li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, li jinkludu kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tal-ħaddiema. |
|
(15) |
Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġi appoġġat l-impjieg ta’ gruppi li huma sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet ugwali għal kulħadd, filwaqt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni Rom, jenħtieġ li jitnaqqsu, b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u inklużivi, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (35) u tat-30 ta’ Jannar 2023 (36). Barra minn hekk, jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja inklużivi u orjentati lejn il-futur, għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jenħtieġ li jinvestu f’edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (37) u r-Rakkomandazzjoni dwar il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (38), biex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti u inklużivi, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 (39), u fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, skont il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u r-Rakkomandazzjonijiet dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. L-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u adegwata, inkluż permezz ta’ akkomodazzjoni soċjali, huwa kundizzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Il-problema tal-persuni mingħajr dar jenħtieġ li tiġi indirizzata, speċifikament permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u tal-promozzjoni tal-aċċess għal akkomodazzjoni permanenti, u tal-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ abilitanti. Huwa partikolarment rilevanti l-aċċess f’waqtu u ugwali għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 (40), u għal servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, fid-dawl tar-riskji potenzjali għas-saħħa fil-futur u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qegħdin jixjieħu. Il-potenzjal tal-persuni b’diżabilità li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jenħtieġ li jkompli jiġi realizzat, skont l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu miri għall-impjiegi u l-apprendiment għall-adulti għall-persuni b’diżabilità. Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020, bit-titolu “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni” u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 (41) jenfasizzaw il-kapaċità, fi ħdan il-komunitajiet Rom emarġinati, li jtaffi n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u għandhom l-għan li jnaqqsu d-differenza fl-impjiegi bejn il-komunitajiet Rom u l-popolazzjoni ġenerali mill-inqas bin-nofs. It-teknoloġiji l-ġodda u l-postijiet tax-xogħol li qed jevolvu madwar l-Unjoni kollha jippermettu li jkun hemm arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli kif ukoll titjib fil-produttività u fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jikkontribwixxu għall-impenji ekoloġiċi tal-Unjoni. Dawk l-iżviluppi jġibu wkoll sfidi ġodda għas-swieq tax-xogħol, li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, jenħtieġ li jiżguraw li l-forom ġodda tal-organizzazzjoni tax-xogħol issarrfu f’impjiegi ta’ kwalità u f’postijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol sani u siguri, kif ukoll f’bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, f’tixjiħ attiv u san filwaqt li jżommu d-drittijiet soċjali u tax-xogħol stabbiliti u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Unjoni. |
|
(16) |
Il-Linji Gwida Integrati jenħtieġ li jservu ta’ bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u minn fondi oħrajn tal-Unjoni, fosthom il-Fond Soċjali għall-Klima, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42), kif ukoll l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, sabiex irawmu impjiegi ta’ kwalità u investimenti soċjali, jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, u jippromwovu opportunitajiet ta’ tiġdid u ta’ titjib tal-ħiliet għall-forza tax-xogħol, l-apprendiment tul il-ħajja u edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali sabiex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa bl-għarfien u bil-kwalifiki meħtieġa għal ekonomija diġitali, ekoloġika u kompetittiva. L-emendi introdotti bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika ta’ Koeżjoni mmodernizzata: Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu għandu l-għan li jallinja l-appoġġ ipprovdut ma’ prijoritajiet strateġiċi ġodda, inkluż li jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti setturi, bħall-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, l-industrija tad-difiża u s-setturi affettwati mid-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu wkoll użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44) biex jappoġġaw lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ avvenimenti maġġuri ta’ ristrutturar, bħat-trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat ta’ xejriet globali u bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
|
(17) |
Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ li jimmonitorjaw kif jiġu implimentati l-politiki rilevanti fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, bi qbil mal-mandati rispettivi skont l-Artikoli 150 u 160 TFUE, rispettivament. Dawk il-Kumitati u l-korpi preparatorji tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Id-djalogu ta’ politika bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenħtieġ li jibqa’ għaddej, b’mod partikolari fir-rigward tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. |
|
(18) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2024/3134, qegħdin jinżammu għall-2025 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
J. JENSEN
(1) Opinjoni tat-8 ta’ Ottubru 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tat-18 ta’ Settembru 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Opinjoni tat-8 ta’ Lulju 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3134 tat-2 ta’ Diċembru 2024 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/3134, 13.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3134/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2015/1184/oj).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1.)
(7) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/1004/oj).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 21).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja (ĠU C 160, 13.4.2022, p. 1).
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 469, 9.12.2022, p. 1).
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1).
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea (ĠU C, C/2023/1389, 6.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1389/oj).
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023 dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali (ĠU C, C/2023/1344, 29.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1344/oj).
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).
(18) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1).
(19) Id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2316/oj).
(20) Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/936/oj).
(21) Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2041/oj).
(22) Id-Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpaniji elenkati u miżuri relatati (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2381/oj).
(23) Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/970/oj).
(24) Id-Direttiva (UE) 2024/2831 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi (ĠU L, 2024/2831, 11.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2831/oj).
(25) Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).
(26) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(27) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1057/oj).
(28) Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1058/oj).
(29) Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/955/oj).
(30) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1056/oj).
(31) Saru diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Kunsill (konfigurazzjoni EPSCO) f’Ġunju 2023 dwar Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, b’kontribut fil-forma ta’ messaġġi ewlenin mill-EMCO u l-KPS, abbażi tal-ħidma mwettqa mill-Grupp ta’ Ħidma konġunt iddedikat tal-EMCO-SPC minn Ottubru 2022 sa Mejju 2023. Ir-Rapport Konġunt tal-2024 dwar l-Impjiegi kien fih, għall-ewwel darba, fuq bażi pilota, analiżi tal-ewwel stadju tal-pajjiż dwar ir-riskji potenzjali għall-konverġenza soċjali’ l fuq.
(32) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj).
(33) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal-25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2024/1836, 3.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1836/oj).
(34) Iffirmata mir-Renju tal-Belġju f’isem 25 Stat Membru.
(35) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(36) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).
(37) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/1004/oj).
(38) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1).
(39) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).
(40) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1).
(41) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1).
(42) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/523/oj).
(43) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(44) Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/691/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2254/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)