European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2209

5.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (Euratom) 2025/2209

tal-31 ta’ Ottubru 2025

dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Programmi tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-approvazzjoni tal-Kunsill,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni (1), il-Kunsill approva l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”), inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni proviżorja, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”).

(2)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi konkluż, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, rigward kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. Il-konklużjoni jenħtieġ li sseħħ fl-istess ħin tal-konklużjoni tal-elementi l-oħra tal-pakkett wiesa’ ta’ miżuri relatati mar-relazzjonijiet bilaterali mal-Konfederazzjoni Żvizzera u bħala parti integrali minn dak il-pakkett.

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sakemm jidħol fis-seħħ, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

(4)

L-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma soġġetti għal proċedura separata, skont dak it-Trattat,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Programmi tal-Unjoni (2) huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

Artikolu 2

Wara l-iffirmar tiegħu, u soġġett għar-reċiproċità, il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju f’konformità mal-Artikolu 18 tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Programmi tal-Unjoni (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  It-test tal-Ftehim (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2209/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)