European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2208

4.11.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2208

tal-31 ta’ Ottubru 2025

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE ta’ ċerti reġjuni tar-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2025) 7264)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, jew il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (il-pajjiżi jew ir-reġjuni) iridu jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’waħda minn tliet kategoriji kif ġej: riskju negliġibbli ta’ BSE, riskju kkontrollat ta’ BSE, u riskju indeterminat ta’ BSE.

(2)

L-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) tqiegħed pajjiż applikant f’waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, tista’ tiġi deċiża valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-BSE fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) telenka l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom fil-Parti A, B jew C tal-Anness ta’ dak l-att. Il-pajjiżi jew ir-reġjuni elenkati fil-Parti A ta’ dak l-Anness jitqiesu li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, dawk elenkati fil-Parti B tiegħu jitqiesu li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE, filwaqt li l-Parti C ta’ dak l-Anness tipprovdi li pajjiżi jew reġjuni mhux elenkati fil-Parti A jew B jridu jitqiesu li għandhom riskju indeterminat ta’ BSE.

(4)

Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq bħalissa jaqa’ fil-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiżi b’riskju kkontrollat ta’ BSE.

(5)

Fid-29 ta’ Mejju 2025, l-Assemblea Dinjija tal-WOAH adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 17 dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ riskju tal-enċefalopatija sponġiformi bovina tal-Membri, “Recognition of the Bovine Spongiform Encephalopathy Risk Status of Members” (3), li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 2025. Din ir-riżoluzzjoni rrikonoxxiet li ż-żoni tal-Ingilterra u Wales, u l-Iskozja fir-Renju Unit għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-WOAH. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-WOAH Nru 17, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus ta’ BSE WOAH il-ġdid taż-żoni tal-Ingilterra u Wales, u l-Iskozja fir-Renju Unit jenħtieġ li jiġi rifless fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

(6)

Għalhekk il-lista tal-pajjiżi jew ir-reġjuni fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jenħtieġ li tiġi emendata b’tali mod li ż-żoni tal-Ingilterra u Wales, u l-Iskozja fir-Renju Unit jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness taħt il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/999/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/453/oj).

(3)   https://www.woah.org/app/uploads/2025/06/92gs-2025-res-17-tech-bse-status-final-en.pdf.


ANNESS

“ANNESS

LISTA TA PAJJIŻI JEW REĠJUNI

A.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju negliġibbli tal-BSE

Stati Membri

Il-Belġju

Il-Bulgarija

Iċ-Ċekja

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

L-Estonja

L-Irlanda

Spanja

Franza

Il-Kroazja

L-Italja

Ċipru

Il-Latvja

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

Malta

In-Netherlands

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Is-Slovenja

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

L-Iżvezja

Reġjuni tal-Istati Membri  (1)

L-Irlanda ta’ Fuq

Pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

L-Iżlanda

Il-Liechtenstein

In-Norveġja

L-Iżvizzera

Pajjiżi terzi

L-Arġentina

L-Awstralja

Il-Brażil

Il-Kanada

Iċ-Ċilì

Il-Kolombja

Il-Costa Rica

L-Indja

Iżrael

Il-Ġappun

Jersey

In-Namibja

New Zealand

Il-Panama

Il-Paragwaj

Il-Perù

Is-Serbja (2)

Singapore

L-Ingilterra u Wales, u l-Iskozja fir-Renju Unit

L-Istati Uniti

L-Urugwaj

B.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju kkontrollat tal-BSE

Stati Membri

Il-Greċja

Pajjiżi terzi

Il-Messiku

In-Nikaragwa

Il-Korea t’Isfel

It-Tajwan

C.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju indeterminat tal-BSE

Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-Partijiet A jew B.


(1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istat Membru jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(2)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2208/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)