European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2198

31.10.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2198

tat-30 ta’ Ottubru 2025

dwar l-implimentazzjoni tal-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid fuq il-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument (C2025) 7130)

(It-testi bl-Ispanjol u bil-Portugiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, b’mod partikolari bil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal bidla modali ambizzjuża fit-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal lejn modi tat-trasport effiċjenti fl-enerġija, hija objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni. Fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (2) tagħha, il-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod speċifiku l-mira li tirdoppja t-traffiku fuq il-ferroviji ta’ veloċità għolja sal-2030.

(2)

It-tlestija tal-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja tan-network ewlieni bejn Liżbona u Madrid hija meħtieġa sa tmiem l-2030, f’konformità mal-Artikolu 6(1) u mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/1679.

(3)

Wara t-tlestija tal-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid, l-operaturi ferrovjarji jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li joffru servizzi diretti bejn iż-żewġ bliet kapitali f’madwar tliet sigħat. Bl-ambizzjoni li l-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid tiġi integrata bis-sħiħ fin-network usa’ ta’ veloċità għolja ta’ Spanja u Franza, l-adozzjoni tal-wisa’ nominali standard Ewropea tal-binarji ta’ 1 435 mm hija pass kbir ’il quddiem. Din se ssaħħaħ il-kompetittività fit-traffiku tal-passiġġieri fuq distanzi twal. Billi tgħaqqad il-Portugall, Spanja u Franza, il-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid għandha dimensjoni transfruntiera u tal-Unjoni ċara.

(4)

Il-proġett ta’ konnessjoni ferrovjarja b’veloċità għolja Liżbona–Madrid huwa parti mill-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku. Il-5 Pjan ta’ Ħidma tal-Kuritur tal-Atlantiku (Lulju 2022) jenfasizza l-importanza li titħaffef il-finalizzazzjoni ta’ din il-konnessjoni ferrovjarja transfruntiera b’veloċità għolja, biex tiġi pprovduta alternattiva vijabbli għal madwar 40 titjira ta’ kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet bejn Liżbona u Madrid.

(5)

Il-konnessjoni ferrovjarja b’veloċità għolja Liżbona–Madrid hija proġett transfruntier kumpless, li jinvolvi lill-Portugall u lil Spanja, li jirrikjedi l-kostruzzjoni ta’ sezzjonijiet ġodda tal-infrastruttura. Il-komponenti kollha tal-infrastruttura għall-konnessjoni huma essenzjali, biex jiġi żgurat il-ħin tal-ivvjaġġar adegwat għal servizzi diretti ta’ veloċità għolja ta’ madwar 3 sigħat. Fosthom hemm it-tielet pont fuq ix-Xmara Tagus f’Liżbona, kif ukoll is-sezzjonijiet tal-linja ta’ veloċità għolja “Liżbona–Évora”, “Évora–Caia”, “Caia–Badajoz”, “Badajoz–Talayuela” u “Talayuela–Madrid”.

(6)

Għalhekk il-koordinazzjoni tajba bejn Spanja u l-Portugall hija essenzjali. Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni kkoordinata u f’waqtha tal-proġett, jeħtieġ li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

(7)

Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati b’mod ċar l-azzjonijiet meħtieġa biex titlesta l-konnessjoni ferrovjarja b’veloċità għolja Liżbona–Madrid u l-iskeda għall-implimentazzjoni tagħha, biex jiġu ppjanati u ottimizzati bis-sħiħ id-disponibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali kif ukoll il-finanzjament privat. Il-kofinanzjament tal-Unjoni għandu effett ta’ ingranaġġ potenzjalment qawwi fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali biex jiġu implimentati l-azzjonijiet.

(8)

Il-Portugall u Spanja diġà wettqu azzjonijiet sinifikanti, inklużi studji u xogħlijiet ta’ infrastruttura, li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid. Il-biċċa l-kbira minnhom ġew kofinanzjati mill-Unjoni, taħt programmi differenti (il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza). L-attivitajiet twettqu u bħalissa qed jitwettqu taħt diversi ftehimiet ta’ għotja taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (2014-ES-TM-0518-W, 2014-PT-TM-0627-M, 2015-ES-TM-0181-S, 2015-ES-TM-0173-S, 2016-PT-TMC-0059-M, 2016-ES-TM-0271-S, 2019-ES-TM-0252-S, 2020-PT-TMC-0047-S, 101079551-21-PT-TG).

(9)

F’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1679, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(5) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżviluppaw in-network ewlieni sal-31 ta’ Diċembru 2030. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(5) jipprevedi li l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni tiddependi mill-grad ta’ maturità tagħhom, mill-konformità mal-proċeduri legali nazzjonali u dawk tal-Unjoni, u mid-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji, mingħajr ma jiġi preġudikat l-impenn finanzjarju ta’ xi Stat Membru jew tal-Unjoni.

(10)

Spanja u l-Portugall għamlu kull sforz biex jallinjaw mal-iskadenza tan-network ewlieni tal-2030, kif sostanzjat mill-avvanzi sinifikanti li saru fis-sezzjonijiet Évora–Merida u Merida–Plasencia. Spanja hija impenjata wkoll li tagħmel l-almu tagħha biex sal-2030 tiffinalizza s-sezzjoni l-ġdida tal-linja ta’ veloċità għolja bejn Talayuela u Madrid. Madankollu, minħabba restrizzjonijiet tekniċi u finanzjarji li qed jiffaċċja l-Portugall, il-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja bejn Liżbona u Madrid mhux se tiġi ffinalizzata qabel tmiem l-2030. Jenħtieġ li din tiġi konkluża kompletament qabel tmiem l-2034.

(11)

Meta wieħed iqis it-tqegħid fis-servizz ippjanat tas-sezzjoni l-ġdida Évora–Elvas tal-linja b’veloċità għolja sa nofs l-2026, kif ukoll l-objettiv li titlesta l-konnessjoni kollha b’veloċità għolja sa tmiem l-2034, huwa meħtieġ li tiġi żgurata fażi intermedjarja biex Liżbona tiġi konnessa ma’ Madrid b’ħin tal-ivvjaġġar adegwat għal servizzi diretti b’ferroviji ta’ veloċità għolja ta’ madwar 5 sigħat sa mhux aktar tard mill-2030.

(12)

Peress li r-riżultati tal-istudji għall-kostruzzjoni tas-sezzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb il-ħin tal-ivvjaġġar ta’ 3 sigħat sal-2034 se jkunu disponibbli biss sa tmiem l-2027, l-iskeda ta’ żmien u l-istadji importanti relatati għall-kostruzzjoni ta’ dawn is-sezzjonijiet, inkluż l-użu tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-awtorizzazzjoni tagħha għal kull waħda minnhom, għandhom jiġu miftiehma fi stadju aktar tard.

(13)

Id-dimensjoni transfruntiera tal-proġett kienet tirrikjedi t-twaqqif ta’ strutturi ta’ governanza ddedikati. Il-Grupp Ewropew b’Interess Ekonomiku “Alta Velocidad(e) España Portugal” (AVEP EEIG) ġie stabbilit fis-26 ta’ Jannar 2001. L-għan korporattiv tagħha jinkludi t-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu fl-ambitu tal-konnessjonijiet ferrovjarji Spanja–Portugall li huwa fdat lilha mill-gvern Spanjol jew Portugiż jew mill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-infrastruttura rispettivi tagħhom Administrador de Infraestructuras Ferroviarias (ADIF) u Infraestruturas de Portugal, S.A. (IP).

(14)

Sabiex jiġi mmonitorjat il-progress tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti regolari dwar il-kwistjoni, dwar it-taqsimiet fit-territorji rispettivi tagħhom, inkluż dwar l-impenji finanzjarji magħmula fil-pjanijiet tal-baġit nazzjonali, u jinnotifikaha dwar kwalunkwe dewmien sinifikanti li jiltaqa’ miegħu.

(15)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2356 tal-24.4.2018 dwar il-konnessjoni ferrovjarja transfruntiera Évora–Mérida tul il-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku tikkonċerna sezzjoni tal-linja li hija koperta minn din id-Deċiżjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li din titħassar. L-azzjonijiet li kienu għadhom ma ġewx iffinalizzati skont l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni preċedenti huma inkorporati f’din id-Deċiżjoni.

(16)

L-iskeda ta’żmien tal-implimentazzjoni stabbilita b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-ilħuq tar-rekwiżiti ddefiniti mil-liġi internazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Din l-iskeda ta’ żmien jenħtieġ li tippermetti lill-partijiet kollha biex jippjanaw u jtejbu bis-sħiħ id-disponibbiltà tal-finanzjament, mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-impenn finanzjarju ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li din fl-ebda ċirkustanza ma tikkomprometti l-istandards għoljin tal-Unjoni marbutin mal-ħarsien ambjentali u mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni ġew approvati mill-Portugall u Spanja.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1679,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet, l-azzjonijiet u l-iskeda tagħhom għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ konnessjoni ferrovjarja b’veloċità għolja Liżbona–Madrid, kif ukoll dispożizzjonijiet ta’ governanza relatati.

Artikolu 2

Azzjonijiet u skeda ta’ żmien

(1)   Il-Portugall u Spanja għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li ġejjin biex jippermettu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2030, is-servizzi diretti għal ferroviji ta’ veloċità għolja bejn Liżbona u Madrid b’ħin tal-ivvjaġġar ta’ madwar 5 sigħat — maqsuma bejn wieħed u ieħor fi 3 sigħat minn Madrid sal-fruntiera u sagħtejn mill-fruntiera sa Liżbona:

(a)

ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq it-tieni binarju fis-sezzjoni tal-linja konvenzjonali minn Poceirão sa Bombel għandhom jibdew fl-ewwel nofs tal-2026 u din is-sezzjoni għandha titqiegħed fis-servizz sa tmiem l-2029.

(b)

ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-linja l-ġdida ta’ veloċità għolja bejn Évora u Caia għandhom jitlestew sal-aħħar tal-2025 u din is-sezzjoni għandha titqiegħed fis-servizz sa nofs l-2026.

(c)

is-sezzjoni tal-linja ta’ veloċità għolja Plasencia–Talayuela għandha titqiegħed fis-servizz sal-aħħar tal-2028.

(d)

is-sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) għandha tintuża bejn Évora u Elvas sa tmiem l-2027.

(e)

l-ERTMS għandha tintuża bejn Badajoz u Plasencia sa nofs l-2026, u bejn Plasencia u Talayuela sa tmiem l-2028.

(f)

l-ERTMS għandha tiġi varata b’mod kunsenswali fuq l-infrastruttura eżistenti bejn Elvas u Badajoz sa tmiem l-2028.

(g)

il-kostruzzjoni gradwali u t-tqegħid fis-servizz tas-sezzjoni tal-linja ta’ veloċità għolja Talayuela–Madrid, integrata mal-elettrifikazzjoni progressiva tas-sezzjoni tal-linja konvenzjonali Talayuela–Humanes bħala miżura abilitanti meħtieġa, għandha tiżgura li l-ħin tal-ivvjaġġar fil-fruntiera ta’ Madrid — mingħajr waqfiet intermedji — jista’ jkun inqas minn 3 sigħat sa tmiem l-2030.

(2)   Il-Portugall u Spanja għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha tal-azzjonijiet li ġejjin biex jippermettu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2034, is-servizzi diretti ta’ veloċità għolja bejn Liżbona u Madrid b’ħin tal-ivvjaġġar ta’ madwar 3 sigħat — maqsuma bejn wieħed u ieħor f’sagħtejn minn Madrid sal-fruntiera u madwar siegħa mill-fruntiera sa Liżbona:

(a)

L-istudji għas-sezzjoni l-ġdida tal-linja ta’ veloċità għolja Liżbona–Évora, inkluż qsim ġdid tax-Xmara Tagus f’Liżbona, mibdija fit-tieni nofs tal-2024, għandhom jiġu konklużi sa tmiem l-2027.

(b)

Abbażi tar-riżultati tal-istudji msemmija fil-punt (a), il-kostruzzjoni tat-taqsimiet li ġejjin u t-tħaddim u l-awtorizzazzjoni tal-ERTMS fuq kull wieħed minnhom għandhom jibdew f’data li tiżgura li se jitlestew u jidħlu fis-servizz sal-2034:

(i)

is-sezzjoni l-ġdida tal-linja ta’ veloċità għolja Liżbona–Évora, inkluż it-tielet pont fuq ix-Xmara Tagus f’Liżbona;

(ii)

il-binarju doppju fuq is-sezzjoni tal-linja ta’ veloċità għolja Évora–Caia, skont il-konferma tal-ġustifikazzjoni tagħha.

(c)

L-istudji għas-sezzjoni ta’ veloċità għolja bejn Caia u Badajoz għandhom jiġu kkummissjonati mill-AVEP EEIG. Dawn għandhom jitnedew fit-tieni semestru tal-2025 u jiġu konklużi sa tmiem l-2027.

(d)

Abbażi tar-riżultati tal-istudji msemmija fil-punt (c), sal-aħħar tal-2027 għandha tittieħed deċiżjoni minn Spanja u l-Portugall dwar:

(i)

l-opportunità li tinbena s-sezzjoni ta’ veloċità għolja bejn Caia u Badajoz u, jekk applikabbli, l-iskeda ta’ żmien tal-kostruzzjoni tagħha, bid-dħul fis-servizz sal-2034;

(ii)

u dwar l-opportunità li jinbena stazzjon ferrovjarju internazzjonali.

(3)   Bl-għan ġenerali li l-konnessjoni ferrovjarja ta’ veloċità għolja Liżbona–Madrid tiġi integrata fin-networks usa’ ta’ veloċità għolja fi Spanja u fi Franza, li joperaw bil-wisa’ nominali standard Ewropea tal-binarji ta’ 1 435 mm, il-Portugall u Spanja għandhom iwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull wieħed jiżviluppa pjan koordinat għall-użu tal-wisa’ nominali standard Ewropea tal-binarji ta’ 1 435 mm fuq il-linja ta’ veloċità għolja bejn Liżbona u Madrid sa tmiem l-2027, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1679

(b)

jikkoordina u jikkompleta l-migrazzjoni tal-wisa’ tal-binarji bejn Liżbona u Madrid f’konformità mal-pjan imsemmi fil-punt (a) u f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1679.

(4)   L-azzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafi (1), (2) u (3) għandhom jiġu riflessi fil-pjanijiet ta’ investiment nazzjonali ta’ Spanja u l-Portugall.

Artikolu 3

Governanza

(1)   It-tlestija tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandha tiġi diskussa mill-inqas darba fis-sena bejn ir-rappreżentanti tal-Portugall u ta’ Spanja fi grupp ta’ ħidma ddedikat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament (UE) 2024/1679, fuq stedina tal-Koordinatur Ewropew għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku.

(2)   Permezz tal-grupp ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1, il-Portugall u Spanja għandhom jikkondividu l-pjanijiet tagħhom rigward il-fażijiet tal-kostruzzjoni u d-dħul fis-servizz tas-sezzjonijiet tal-linji differenti msemmija fl-Artikolu 2, inkluż l-użu tal-ERTMS, u għandhom janalizzaw b’mod konġunt l-impatt tagħhom fuq l-operat tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju fuq l-infrastruttura inkwistjoni.

(3)   Il-koordinatur Ewropew għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku jista’ jsejjaħ laqgħat mal-ogħla rappreżentanti tal-gvern taż-żewġ partijiet fil-każ ta’ kwalunkwe riskju li jista’ potenzjalment ifixkel it-tlestija f’waqtha ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (1), (2) u (3) tal-Artikolu 2.

Artikolu 4

Rapportar

Il-Portugall u Spanja għandhom jippreżentaw rapport kull wieħed dwar l-azzjonijiet rispettivi tagħhom — mill-inqas darba fis-sena, u qabel il-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 3(1) — lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur Ewropew għall-Kuritur Ewropew tat-Trasport tal-Atlantiku.

Dawn ir-rapporti għandhom jippreżentaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, inkluż dwar l-impenji finanzjarji magħmula fil-pjanijiet tal-baġit nazzjonali, u għandhom jindikaw kwalunkwe dewmien sinifikanti, filwaqt li jispeċifikaw il-kawżi u jindikaw il-miżuri korrettivi meħuda. Għal dan il-għan, meta jkun xieraq, dawk l-Istati Membri jistgħu jużaw il-kontenut tar-rapporti perjodiċi dwar l-istatus li għandhom jintbagħtu taħt il-Ftehimiet ta’ Għotja tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Artikolu 5

Tħassir

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2018) 2356 titħassar.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża u lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur, COM/2020/789 final.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2198/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)