|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2197 |
31.10.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2197
tat-30 ta’ Ottubru 2025
dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji f’New Zealand f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment fl-Unjoni. |
|
(2) |
Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2018 u l-amministraturi mhux tal-Unjoni bbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermetti l-użu ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni. Dak il-perjodu tranżitorju ġie estiż diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2222 (2) sal-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(3) |
Wara li jiskadi l-perjodu tranżitorju, parametru referenzjarju li huwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 jew xi kombinazzjoni ta’ tali parametri referenzjarji pprovduti minn xi amministratur li jkun ibbażat f’pajjiż terz jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss meta l-parametru referenzjarju u l-amministratur jkunu inklużi fir-reġistru miżmum mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”, European Securities and Markets Authority) wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza mill-Kummissjoni, wara r-rikonoxximent ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz mill-ESMA jew wara l-approvazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz minn amministraturi awtorizzati jew irreġistrati tal-Unjoni. |
|
(4) |
Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza kif imsemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li fiha l-Kummissjoni tiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-amministraturi kollha awtorizzati f’dak il-pajjiż terz huwa ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Meta tivvaluta tali ekwivalenza, il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-qafas legali u l-prattika superviżorja ta’ pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mal-Prinċipji għall-Parametri Referenzjarji Finanzjarji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO, International Organization of Securities Commissions,) jew, fejn applikabbli, mal-Prinċipji IOSCO għall-Aġenziji tar-Rappurtar tal-Prezzijiet taż-Żejt (“PRAs”, Price Reporting Agencies). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk tali rekwiżiti vinkolanti humiex soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f’dak il-pajjiż terz. |
|
(5) |
Parametri referenzjarji bħar-Rata ta’ Parametru Referenzjarju tal-Bank ta’ New Zealand (“BKBM”, Bank Bill Benchmark Rate,) huma amministrati fi New Zealand u jintużaw fl-Unjoni minn għadd ta’ entitajiet taħt superviżjoni. Id-data ppreżentata lill-Kummissjoni Ewropea mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (“FMA”, Financial Markets Authority,), ir-regolatur tal-imġiba fis-swieq finanzjarji ta’ New Zealand u l-awtorità kompetenti, u mill-ESMA jikkonfermaw li l-użu tal-BKBM fl-Unjoni jaqbeż il-EUR 50 biljun, u b’hekk jikkwalifikaha bħala parametru referenzjarju sinifikanti fl-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li huwa awtorizzat jew irreġistrat fi New Zealand bħal BKBM ikunu jistgħu jintużaw fl-Unjoni wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju fil-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġim tal-parametri referenzjarji fi New Zealand. |
|
(6) |
Il-qafas leġiżlattiv għall-istabbiliment, is-superviżjoni u l-amministrazzjoni tal-parametri referenzjarji fi New Zealand jinkludi skema ta’ liċenzjar ta’ inklużjoni fakultattiva u jagħti setgħat lill-FMA tissorvelja l-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji (“amministraturi tal-parametri referenzjarji”). L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu japplikaw għal liċenzja tas-servizzi tas-suq mill-FMA f’konformità mal-Artikolu 390 tal-Att tal-2013 dwar it-Tmexxija tas-Swieq Finanzjarji (“l-Att dwar l-FMC”) u b’hekk huma soġġetti għar-regoli għall-amministraturi u l-kontributuri kif stabbiliti f’dak l-Att. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, ir-rekwiżiti fis-sistema legali tal-pajjiż terz għandhom ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1011. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati huma soġġetti għall-kundizzjonijiet tal-liċenzja u firxa ta’ rekwiżiti leġiżlattivi. Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji huma stabbiliti fl-Att dwar l-FMC, l-Att tal-2008 dwar il-Fornituri tas-Servizzi Finanzjarji (ir-Reġistrazzjoni u r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), u r-Regolamenti tal-2020 dwar il-Fornituri tas-Servizzi Finanzjarji (Reġistrazzjoni). |
|
(8) |
Il-FMA żżomm lista fuq is-sit web tagħha (3) ta’ fornituri ta’ amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati, li tispeċifika l-parametri referenzjarji finanzjarji li kull amministratur huwa liċenzjat li jipprovdi. |
|
(9) |
L-FMA tista’ tagħti liċenzja tas-servizzi tas-suq lil amministratur tal-parametru referenzjarju fir-rigward ta’ parametru referenzjarju finanzjarju wieħed jew aktar u l-parametru referenzjarju jew il-parametri referenzjarji speċifiċi se jiġu speċifikati fil-liċenzja tagħhom. |
|
(10) |
Wara li tirċievi applikazzjoni għal liċenzja, l-FMA għandha tagħti liċenzja meta tkun sodisfatta bil-kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 396 tal-Att dwar l-FMC, inkluż li l-applikant jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Parti 2 tal-Iskeda 28 tar-Regolamenti dwar l-FMC. |
|
(11) |
Il-Parti 3 tal-Iskeda 28 tar-Regolamenti dwar l-FMC tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi ta’ liċenzja għall-amministraturi u l-kontributuri tal-parametri referenzjarji liċenzjati, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ governanza u ġestjoni, ir-rekwiżiti ta’ esternalizzazzjoni, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-funzjonijiet ta’ sorveljanza indipendenti, id-disinn tal-parametri referenzjarji u r-rekwiżiti tal-metodoloġija, u r-rekwiżiti tad-data tal-input. |
|
(12) |
Minbarra l-kundizzjonijiet ta’ liċenzja stabbiliti fir-Regolamenti dwar l-FMC, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati jridu jikkonformaw ukoll ma’ kwalunkwe kundizzjoni ulterjuri imposta fuq il-liċenzja tagħhom mill-FMA skont l-Artikolu 403 tal-Att dwar l-FMC. Il-FMA tista’ timponi, tvarja, tirrevoka, iżżid jew tissostitwixxi kundizzjonijiet li timponi fuq liċenzja f’konformità mal-Artikolu 403 tal-Att dwar l-FMC, fi kwalunkwe ħin wara li tkun inħarġet il-liċenzja. |
|
(13) |
L-Artikolu 402 tal-Att dwar l-FMC jiddeskrivi l-obbligi ġenerali għal-liċenzjatarji tas-servizzi tas-suq, inklużi l-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati, li jinkludu li dawk il-liċenzjatarji jridu jipprovdu biss is-servizz tas-suq li miegħu hija relatata l-liċenzja tagħhom, bħal parametru referenzjarju partikolari jew klassi ta’ parametri referenzjarji. |
|
(14) |
L-FMA tista’ tissospendi jew tħassar liċenzja skont l-Artikoli 408 u 414 tal-Att dwar l-FMC meta liċenzjatarju jkun kiser materjalment obbligu ta’ liċenzjatarju tas-servizzi tas-suq, fejn tkun seħħet bidla materjali fiċ-ċirkostanzi, inkluż li ma jkunx għadu jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-Parti 2 tal-Iskeda 28 tar-Regolamenti dwar l-FMC, meta l-informazzjoni pprovduta minn liċenzjatarju fl-applikazzjoni tiegħu għal-liċenzja jew fl-applikazzjoni tiegħu għal varjazzjoni tal-liċenzja tiegħu tkun falza jew qarrieqa b’mod materjali, jew meta l-liċenzjatarju ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 396 tal-Att dwar l-FMC. |
|
(15) |
Skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, ir-rekwiżiti fis-sistema legali tal-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li għandhom liċenzja mill-FMA huma soġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwi mill-FMA. It-Taqsima 9 tal-Att tal-2011 dwar l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (“l-Att dwar l-FMA”) tipprevedi li l-FMA hija responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-Att dwar l-FMC u r-Regolamenti dwar l-FMC. L-FMA twettaq superviżjoni kontinwa u tista’ tivvaluta speċifikament jekk l-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati jikkonformawx mal-obbligi tagħhom ta’ liċenzjatarji. |
|
(16) |
Il-Klawżoli 26 u 27 tal-Iskeda 28 tar-Regolamenti dwar l-FMC jirrikjedu li amministratur tal-parametru referenzjarju liċenzjat joħloq u jżomm rekords li jippermettu lil-liċenzjatarju juri konformità mal-obbligi tal-liċenzja tiegħu u jipprovdi rekords lill-FMA malli jirċievi avviż bil-miktub mill-FMA. L-Artikoli 25 sa 28 tal-Att dwar l-FMA jipprovdu wkoll lill-FMA b’setgħat ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tkun tista’ tivvaluta l-konformità tal-liċenzjatarji mal-Att dwar l-FMC. Dawk id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-FMA tinnotifika avviżi lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jitolbuhom jipprovdu, jipproduċu jew jirriproduċu kwalunkwe informazzjoni speċifikata fl-avviż, jew jidhru quddiem l-FMA biex jixhdu. |
|
(17) |
L-Artikolu 29 tal-Att dwar l-FMA jagħti wkoll setgħat lill-FMA ddaħħal u tfittex kwalunkwe post, vettura, jew ħaġa oħra għall-fini li jiġi aċċertat jekk amministratur jew kontributur tal-parametru referenzjarju kienx involut jew huwiex involut f’imġiba li tikkostitwixxi jew li tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar is-swieq finanzjarji, li tinkludi l-Att dwar l-FMC. |
|
(18) |
L-Artikolu 30 tal-Att dwar l-FMA jagħti lill-FMA setgħat ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni biex tikkondividi ma’ kwalunkwe aġenzija regolatorja jew tal-infurzar tal-liġi jew ma’ regolatur barrani kwalunkwe informazzjoni jew kopja ta’ dokument li l-FMA jkollha li tkun relatata mal-funzjonijiet, is-setgħat jew id-dmirijiet tal-FMA. Dik l-informazzjoni jew kopja ta’ dokument tista’ tiġi kondiviża meta l-FMA tqis li tista’ tassisti lir-regolatur barrani fit-twettiq jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet, tas-setgħat jew tad-dmirijiet tar-regolatur barrani skont il-liġi barranija, u meta l-FMA tkun sodisfatta li hemm, jew se jkunu hemm, fis-seħħ protezzjonijiet xierqa biex tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni. |
|
(19) |
L-Artikolu 412 tal-Att dwar l-FMC jirrikjedi li l-liċenzjatarji tas-servizzi tas-suq, li jinkludu amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati, ikollhom fis-seħħ metodi effettivi għall-monitoraġġ tal-konformità tagħhom stess mal-obbligi tagħhom ta’ liċenzjatarji u għall-identifikazzjoni ta’ bidliet materjali fiċ-ċirkostanzi. Liċenzjatur li jemmen li kiser, jew x’aktarx jikser, obbligu ta’ liċenzjatarju ta’ servizz tas-suq b’mod materjali, jew jemmen li seta’ kien hemm, jew x’aktarx li kien hemm bidla materjali fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tal-liċenzja tiegħu, għandu jibgħat rapport lill-FMA dwar tali kontravenzjonijiet jew bidliet materjali hekk kif ikun prattikabbli. |
|
(20) |
L-Artikolu 406 tal-Att dwar l-FMC jistabbilixxi l-konsegwenzi ta’ amministratur tal-parametru referenzjarju liċenzjat li jikser kundizzjoni tal-liċenzja tiegħu. Fejn ikun seħħ tali ksur, l-FMA tista’ teżerċita setgħa skont il-Parti 6, is-Subparti 3, tal-Att dwar l-FMC, li tistabbilixxi s-setgħat ġenerali tal-FMA ta’ monitoraġġ u infurzar tal-liċenzji. Skont l-Artikolu 414 tal-Att dwar l-FMC, dawk is-setgħat jinkludu: iċ-ċensura tal-liċenzjatarju; l-eżiġenza li l-liċenzjatarju jissottometti pjan ta’ azzjoni lill-FMA dwar dak li jipproponi li jagħmel biex jirrimedja jew biex jevita li jikser l-obbligu ta’ liċenzjatarju, jew biex jevita aktar ksur tal-kundizzjoni tal-liċenzja; l-għoti ta’ direzzjoni lil-liċenzjatarju biex jirrimedja jew biex jevita li jikser l-obbligu ta’ liċenzjatarju, jew biex jevita aktar ksur tal-kundizzjoni tal-liċenzja; u s-sospensjoni jew it-tħassir tal-liċenzja. |
|
(21) |
Skont l-Artikolu 419 tal-Att dwar l-FMC, meta liċenzjatarju jonqos milli jissottometti pjan ta’ azzjoni, jew il-pjan ta’ azzjoni jiġi miċħud mill-FMA, jew meta l-FMA ssir taf li ma kienx hemm konformità ma’ pjan ta’ azzjoni, l-FMA tista’ tissospendi jew tħassar il-liċenzja tal-liċenzjatarju, jew teżerċita s-setgħat l-oħra tagħha skont l-Artikolu 414 tal-Att dwar l-FMC. |
|
(22) |
Persuna li tonqos milli tikkonforma ma’ ordni mill-FMA mingħajr skuża raġonevoli twettaq reat skont l-Artikolu 421 tal-Att dwar l-FMC u tkun responsabbli mal-kundanna għal multa sa NZD 300 000. L-FMA tista’ tiċċensura wkoll lil-liċenzjatarju jew tissospendi jew tħassar il-liċenzja tal-liċenzjatarju. |
|
(23) |
Meta persuna tonqos milli tikkonforma ma’ ordni, l-FMA tista’ titlob lill-Qorti għal inġunzjoni skont l-Artikolu 480 tal-Att dwar l-FMC li jrażżan lil liċenzjatarju milli jinvolvi ruħu f’imġiba li tikkostitwixxi kontravenzjoni jew involviment f’kontravenzjoni ta’ obbligu ta’ liċenzjatarju. L-FMA tista’ titlob wkoll lill-Qorti biex tagħti ordni li tirrikjedi li persuna tikkonforma ma’ obbligu ta’ liċenzjatarju. |
|
(24) |
L-FMA tista’ tagħti ordnijiet skont l-Artikolu 468 tal-Att dwar l-FMC meta l-FMA tkun sodisfatta li, billi tinvolvi ruħha fi kwalunkwe mġiba, persuna tkun kisret, jew x’aktarx se tikser, dispożizzjoni dwar is-servizzi tal-Parti 6. L-Artikolu 449 tal-Att dwar l-FMC li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li huma “dispożizzjonijiet tas-servizzi tal-Parti 6”. Ir-Regolament 198 tar-Regolamenti dwar l-FMS jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet f’dawk ir-regolamenti li huma d-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6, u r-Regolament 198(2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6 li japplikaw speċifikament għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati. L-Artikolu 469 tal-Att dwar l-FMC jiddikjara li dawk l-ordnijiet jistgħu jirrikjedu li l-persuna tikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6, jistipulaw kwalunkwe pass raġonevoli li l-persuna għandha tieħu biex tikkonforma mad-dispożizzjoni kkonċernata, jew jirrikjedu li l-persuna tirrapporta lill-FMA dwar kif u meta l-ordni tkun ġiet jew se tiġi implimentata. |
|
(25) |
Il-Parti 2 tal-Att dwar l-FMC tistabbilixxi wkoll obbligi ġenerali ta’ “negozjar ġust” li japplikaw għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati. Dawk l-obbligi jinkludu projbizzjonijiet fuq imġiba qarrieqa u li tfixkel, rappreżentazzjonijiet foloz jew qarrieqa, u rappreżentazzjonijiet mhux sostanzjati. Dawk id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-FMA taġixxi kontra l-manipulazzjoni tas-suq ibbażata fuq il-kummerċ tal-parametri referenzjarji (negozji li għandhom, jew li x’aktarx ikollhom, l-effett li jqarrqu s-suq) mill-parteċipanti fis-suq. Ordnijiet ta’ direzzjoni skont l-Artikolu 468 tal-Att dwar l-FMC huma disponibbli wkoll fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Parti 2 tal-Att dwar l-FMC. |
|
(26) |
Ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6 speċifikati fl-Artikolu 449(3) tal-Att dwar l-FMC jista’ jagħti lok għal responsabbiltà ċivili, inkluża sanzjoni pekunarja li ma taqbiżx l-akbar mill-korrispettiv għat-tranżazzjoni rilevanti, tliet darbiet l-ammont tal-qligħ jew it-telf evitat, u NZD 1 miljun għal individwu jew NZD 5 miljun fi kwalunkwe każ ieħor. Ir-responsabbiltà ċivili, inkluża s-sanzjoni pekunarja, tista’ tinħoloq ukoll meta ma jkunx veru li persuna jkollha liċenzja tas-servizzi tas-suq (inkluża liċenzja ta’ amministratur tal-parametru referenzjarju). |
|
(27) |
Ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6 speċifikati skont l-Artikolu 449(4) tal-Att dwar l-FMC jista’ jagħti lok għal responsabbiltà ċivili, inkluża sanzjoni pekunarja li ma taqbiżx NZD 200 000 għal individwu jew NZD 600 000 fi kwalunkwe każ ieħor. Dan jinkludi kontravenzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6 li ġejjin (rilevanti għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati): l-Artikoli 448C, 448D u 448G tal-Att dwar l-FMC (direzzjonijiet lil kontributur jew amministratur tal-parametru referenzjarju finanzjarju); u kundizzjonijiet imposti fuq amministratur tal-parametru referenzjarju liċenzjat li huma speċifikati fir-Regolament 198(2) tar-Regolamenti dwar l-FMC. |
|
(28) |
Il-Parti 8, is-Subparti 3, tal-Att dwar l-FMC tistabbilixxi setgħat relatati tal-Qorti li timponi sanzjonijiet pekunjarji kontra persuna fuq applikazzjoni tal-FMA, u li tagħmel ordnijiet ta’ kumpens, għall-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili (li jinkludu dawk id-dispożizzjonijiet li huma dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tal-Parti 6) tal-Att dwar l-FMC. L-FMA tista’titlob wkoll lill-Qorti tagħti “ordnijiet ta’ projbizzjoni” skont l-Artikolu 517 tal-Att dwar l-FMC. Dawk l-ordnijiet ta’ projbizzjoni jistgħu jipprojbixxu persuna milli tkun direttur jew promotur ta’ entità, jew bi kwalunkwe mod li tkun involuta fil-ġestjoni tagħha, inkluż bħala amministratur tal-parametru referenzjarju. |
|
(29) |
L-Artikolu 46 tal-Att dwar l-FMA jippermetti lill-FMA taċċetta impriżi infurzabbli minn amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji tagħhom. Skont l-Artikolu 47 tal-Att dwar l-FMA, meta l-FMA tqis li persuna li tkun tat impenn skont l-Artikolu 46 tkun kisret terminu ta’ dak l-impenn, l-FMA tista’ titlob lill-Qorti għal ordni, inkluż biex jiġi infurzat l-impenn. |
|
(30) |
L-Artikolu 448D tal-Att dwar l-FMC jippermetti lill-FMA tidderieġi amministratur tal-parametru referenzjarju liċenzjat biex ikompli jiġġenera jew jopera parametru referenzjarju b’mod partikolari meta jqis li jkun meħtieġ jew mixtieq li jiġi promoss kwalunkwe wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 448B tal-Att dwar l-FMC. L-Artikolu 448C tal-Att dwar l-FMC jippermetti lill-FMA tidderieġi kontributur biex jipprovdi informazzjoni jew data lil liċenzjatarju, jew entità oħra, meta l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jew data jkun meħtieġ jew mixtieq għall-ġenerazzjoni jew l-operat tal-parametru referenzjarju finanzjarju speċifikat f’liċenzja. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-rekwiżiti vinkolanti fir-rigward tal-amministraturi li għażlu li jidħlu fl-iskema ta’ liċenzjar skont l-Att dwar it-Tmexxija tas-Swieq Finanzjarji huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Abbażi tar-regoli u l-proċeduri superviżorji pprovduti skont l-Att dwar l-FMC u l-Att dwar l-FMA, il-Kummissjoni vvalutat ir-regoli applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji liċenzjati fi New Zealand u tikkonkludi li r-reġim huwa ekwivalenti għar-reġim fl-Unjoni. |
|
(32) |
L-amministraturi tal-parametri referenzjarji tal-Unjoni ma għandhomx għalfejn jiksbu liċenzja biex il-parametri referenzjarji tagħhom jintużaw fi New Zealand iżda jistgħu jfittxu volontarjament li jiġu liċenzjati fi New Zealand. |
|
(33) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun ikkomplementata minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni biex jiġu żgurati l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-FMA. |
|
(34) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli relatati mal-parametri referenzjarji f’New Zealand fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja, fuq bażi regolari, l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-parametri referenzjarji, u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja relatata mal-monitoraġġ u l-infurzar ta’ dawk ir-rekwiżiti biex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti li fuq il-bażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni. |
|
(35) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni li twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid din id-Deċiżjoni. |
|
(36) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-qafas legali u superviżorju ta’ New Zealand applikabbli għall-parametri referenzjarji finanzjarji li l-amministratur tagħhom ikun ġie liċenzjat mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji fi New Zealand f’konformità mal-Att tal-2013 dwar it-Tmexxija tas-Swieq Finanzjarji għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1011 u li jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2222 tal-14 ta’ Lulju 2023 li testendi l-perjodu tranżitorju stabbilit għall-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi fl-Artikolu 51(5) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2023/2222, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2222/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2197/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)