|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2177 |
26.11.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2177
tad-9 ta’ Settembru 2025
li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jaġġorna r-referenza għall-aktar Standard Ewropew reċenti li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-Bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN 2025)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni. |
|
(2) |
Id-Direttiva (UE) 2016/1629 stabbiliet sistema armonizzata għall-ħruġ ta’ ċertifikati tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni billi, inter alia, għamlet referenza għar-rekwiżiti tekniċi tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”, European Committee for drawing up standards in the field of inland navigation). |
|
(3) |
Is-CESNI ġie stabbilit fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”, Central Commission for the Navigation of the Rhine) biex jiżviluppa standards tekniċi uniformi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti u r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti. Dawn l-istandards issir referenza għalihom ukoll fir-reġim legali tas-CCNR. |
|
(4) |
L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jipprevedi li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stabbiliti fl-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna fl-edizzjoni tiegħu 2023/1 (ES-TRIN 2023/1). L-istandard ES-TRIN jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. |
|
(5) |
Fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024, is-CESNI adotta edizzjoni ġdida tal-istandard ES-TRIN, jiġifieri l-istandard ES-TRIN 2025/1. L-istandard ES-TRIN 2025/1 jintroduċi partikolarment regoli ġodda dwar il-fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà baxx, b’mod partikolari l-ħżin u l-użu tal-metanol, l-immarkar ta’ żoni perikolużi u t-tikkettar tal-fjuwils, is-sistemi ta’ propulsjoni elettrika u l-akkumulaturi tal-joni tal-litju, l-użu ta’ aluminju jew plastik imsaħħaħ bil-fibra għall-kostruzzjoni ta’ bastimenti tal-passiġġieri, l-abbandun tal-protokoll tal-parametri tal-magna, ir-rikonoxximent tal-eżenzjoni tal-ittestjar fuq il-post għall-magni, il-konnessjonijiet tal-mili u l-kodiċijiet xierqa tal-kuluri, it-tagħmir tan-navigazzjoni u tal-informazzjoni, b’mod partikolari t-tagħmir tal-AIS Interna, l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ, il-kmamar tat-tmunier li jistgħu jiġu elevati u dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-kmamar tat-tmunier ritrattibbli, is-sistemi ta’ bexxiexa tal-ilma awtomatiċi li jaħdmu bl-arja kkumpressata, il-partijiet ta’ konnessjoni bejn l-ankra u l-katina u l-kabini tal-irqad. |
|
(6) |
Għaldaqstant, l-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jenħtieġ li jiġi aġġornat biex jipprevedi li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stipulati fl-istandard ES-TRIN 2025/1 u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/1629 tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/1629/oj.
ANNESS
“ANNESS II
REKWIŻITI TEKNIĊI MINIMI APPLIKABBLI GĦALL-INĠENJI FIL-PASSAĠĠI FUQ L-ILMA INTERNI TAŻ-ŻONI 1, 2, 3 U 4
Ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stabbiliti fl-istandard ES-TRIN 2025/1.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2177/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)