European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2168

28.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2168

tal-20 ta’ Ottubru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand fir-rigward tal-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/244 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2024.

(2)

L-Artikolu 24.7 tal-Ftehim jirrikjedi li l-Partijiet jaqblu fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bl-Artikolu 24.1(1) tal-Ftehim dwar linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

(3)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar deċiżjoni li għandha tittieħed, f’konformità mal-Artikolu 24.7 tiegħu, fir-rigward tal-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2024/866, 25.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/866/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/244 tas-27 ta’ Novembru 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (ĠU L, 2024/244, 28.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/244/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2025 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ STABBILIT MILL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UNJONI EWROPEA U NEW ZEALAND

ta’ …

rigward l-adozzjoni ta’ linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24.7 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 24.7 tal-Ftehim jirrikjedi li l-Partijiet jaqblu fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bl-Artikolu 24.1(1) tal-Ftehim dwar linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

(2)

Jenħtieġ li l-Kumitat għall-Kummerċ jadotta linji gwida operattivi għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida operattivi tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Ftehim, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni hija mfassla f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b’kull test ugwalment awtentiku.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kopresidenti

ANNESS

LINJI GWIDA OPERAZZJONALI GĦALL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI SKONT IL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UE U NEW ZEALAND

Dawn il-linji gwida operazzjonali għall-Forum tas-Soċjetà Ċivili (“il-Linji Gwida”) jipprovdu qafas għall-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili stabbilit skont l-Artikolu 24.7 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u New Zealand (“l-FTA”).

1.   Parteċipanti

Kull Parti ser tapplika r-regoli u l-prattiki tagħha stess dwar ir-reġistrazzjoni tal-parteċipanti fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili biex tippromwovi rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorju tagħha.

Il-parteċipanti ser ikunu jistgħu jattendu l-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili wiċċ imb wiċċ jew b’mezzi virtwali. Il-partijiet jistgħu jiddeċiedu b’mod konġunt li l-laqgħa ssir kompletament b’mod virtwali.

2.   Twaqqit u organizzazzjoni

Il-Parti li tospita l-Kumitat għall-Kummerċ ta’ dik is-sena ser tkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-ospitar tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

L-uffiċjali mill-Parti ospitanti ser jipprovdu l-funzjoni tas-segretarjat u l-Parti ospitanti ser iġġarrab l-ispejjeż assoċjati mal-ospitar, inkluż il-post u l-iffaċilitar tal-laqgħa. Il-Parti ospitanti mhijiex ser tkun responsabbli għat-tiġrib tal-ispejjeż tal-parteċipanti. Meta l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jsir wiċċ imb wiċċ, il-Parti ospitanti tkun responsabbli biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni virtwali kif xieraq.

Meta possibbli, il-Forum tas-Soċjetà Ċivili isir fi żmien li jippermetti l-involviment ta’ parteċipanti kemm minn New Zealand kif ukoll mill-Unjoni Ewropea.

3.   Aġenda u sommarji

Kull Parti ser tagħmel ħilitha biex tikkonsulta mal-Grupp Konsultattiv Domestiku rispettiv tagħha dwar punti possibbli tal-aġenda qabel ma l-Partijiet jiffinalizzaw l-abbozz tal-aġenda.

Jenħtieġ li l-aġenda tinkludi preżentazzjoni dwar l-aħħar aġġornamenti relatati mal-implimentazzjoni tal-FTA kif ukoll diskussjoni miftuħa dwar is-suġġetti mqajma mill-parteċipanti.

Il-Parti li tospita l-Forum tas-Soċjetà Ċivili tħejji abbozz ta’ aġenda. Ladarba l-aġenda tiġi ffinalizzata bejn il-Partijiet, il-Partijiet jagħmlu ser ħilithom biex jippubblikaw l-aġenda mill-inqas 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

Il-Parti ospitanti ser tabbozza sommarju tad-diskussjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili f’konsultazzjoni mal-Parti l-oħra, fi żmien 30 jum wara d-data tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili. Is-sommarju ser jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Il-Partijiet ser jirrieżaminaw perjodikament il-Linji Gwida qabel ma jitlaqqa’ l-Kumitat għall-Kummerċ, u jistgħu jiddeċiedu li jemendaw il-Linji Gwida bi ftehim fil-Kumitat għall-Kummerċ.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2168/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)