|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2144 |
22.10.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2144
tal-21 ta’ Ottubru 2025
li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ proteina mill-piżelli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ proteina mill-piżelli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2025 mill-Koalizzjoni Ad Hoc tal-Produtturi tal-Unjoni ta’ Proteina mill-Piżelli f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ proteina mill-piżelli. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa proteina mill-piżelli b’kontenut għoli ta’ proteina, li fiha aktar minn 65 fil-mija proteina fuq bażi ta’ piż xott, li tinkludi t-tipi kollha ta’ proteina mill-piżelli derivati mill-piżelli (inklużi piżelli tal-għelieqi sofor u piżelli tal-għelieqi ħodor, iżda mhux limitati għalihom), fil-forom fiżiċi kollha (inklużi forom solidi (eż. trab) u likwidi (soluzzjoni)), kemm jekk tessutizzati kif ukoll jekk le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(4) |
Il-prodott bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 3504 00 90 (kodiċi TARIC 3504 00 90 91), ex 2106 10 20 (kodiċi TARIC 2106 10 20 40), ex 2106 10 80 (kodiċijiet TARIC 2106 10 80 31, 2106 10 80 39 u 2106 10 80 71) u ex 2303 10 90 (kodiċi TARIC 2303 10 90 10). Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(5) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha stess, li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(7) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni. |
|
(8) |
Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 41 % u 123 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 60 % u 118 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(9) |
Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni. |
3. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(10) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ proteina mill-piżelli b’kontenut għoli ta’ proteina, li fiha aktar minn 65 fil-mija ta’ proteina fuq bażi ta’ piż xott, li tinkludi t-tipi kollha ta’ proteina mill-piżelli derivati mill-piżelli (inklużi piżelli tal-għelieqi sofor u piżelli tal-għelieqi ħodor iżda mhux limitati għalihom), fil-forom fiżiċi kollha (inklużi forom solidi (eż. trab) u likwidi (soluzzjoni)), kemm jekk tessurizzati kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3504 00 90 (kodiċi TARIC 3504 00 90 91), ex 2106 10 20 (kodiċi TARIC 2106 10 20 40), ex 2106 10 80 (kodiċijiet TARIC 2106 10 80 31, 2106 10 80 39 u 2106 10 80 71) u ex 2303 10 90 (kodiċi TARIC 2303 10 90 10), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2025/4850, 29.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4850/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2144/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)