|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2139 |
22.10.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2139
tat-30 ta’ Settembru 2025
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011. |
|
(2) |
L-aħħar Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim skada fit-18 ta’ Diċembru 2024. |
|
(3) |
Fl-10 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe (minn hawn ’il quddiem “São Tomé u Príncipe”) bil-ħsieb li jiġi stabbilit Protokoll ġdid rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess u wasslu għall-inizjalar tal-Protokoll rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) fid-9 ta’ April 2025. |
|
(4) |
L-objettiv tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe, kif ukoll li jippermetti lill-Unjoni u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu aktar mill-qrib flimkien biex jiżviluppaw politika tas-sajd sostenibbli, biex jippromwovu l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe u fl-Oċean Atlantiku, u biex jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-importanza ekonomika li għandhom l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perjodu li fih dawn l-attivitajiet jiġu interrotti, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju. |
|
(7) |
Billi l-Protokoll għandu durata ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda, l-impenji baġitarji involuti jistgħu jitqassmu tul id-durata tal-Protokoll għall-pagamenti annwali, f’konformità mal-Artikolu 112, il-paragrafu 2, tar-regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(8) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fis-16 ta’ Settembru 2025, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (2025–2029) (“il-Protokoll”) għandu jiġi awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.
Artikolu 2
Il-Protokoll għandu japplika b’mod proviżorju, f’konformità mal-Artikolu 19 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BØDSKOV
(1) ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2007/894/oj.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2139/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)