European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2125

17.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2125

tal-10 ta’ Ottubru 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (1) (“il-Ftehim”) tejjeb l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.

(2)

Ġew approvati bidliet importanti fl-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċ fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 u dawn ġew inkorporati fil-leġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (2), li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (3).

(3)

Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Prinċipat ta’ Monaco għal emenda tal-Ftehim biex jiġu riflessi l-bidliet fis-CRS approvati fil-livell internazzjonali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar ta’ Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (“il-Protokoll Emendatorju”).

(4)

Il-Protokoll Emendatorju jespandi l-ambitu tar-rapportar għas-CRS biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Flus Elettroniċi Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali filwaqt li fl-istess ħin jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta. Jaġġorna wkoll ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Partijiet Kontraenti u s-salvagwardji applikabbli għall-protezzjoni tad-data.

(5)

It-test tal-Protokoll Emendatorju, li jirriżulta min-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll Emendatorju jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jenħtieġ li d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Protokoll Emendatorju jiġu approvati.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll Emendatorju (5).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar il-Ftehim u l-Annessi, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni tal-Protokoll Emendatorju huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 19, 21.1.2005, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2005/44(1)/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(5)  It-test tal-Protokoll Emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2125/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)