European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2120

17.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2120

tal-10 ta’ Ottubru 2025

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (1) (“il-Ftehim”) tejjeb l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.

(2)

Ġew approvati bidliet importanti fl-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 u dawn ġew inkorporati fil-leġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (2), li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (3).

(3)

Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Prinċipat ta’ Andorra (“Andorra”) għal emenda tal-Ftehim biex jiġu riflessi l-bidliet fis-CRS approvati fil-livell internazzjonali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (“il-Protokoll Emendatorju”).

(4)

Il-Protokoll Emendatorju jespandi l-ambitu tar-rappurtar għas-CRS biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Flus Elettroniċi Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, filwaqt li fl-istess ħin jintroduċi rekwiżiti tar-rappurtar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta. Jaġġorna wkoll ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Partijiet Kontraenti.

(5)

It-test tal-Protokoll Emendatorju, li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll Emendatorju jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jenħtieġ li d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża mal-Protokoll Emendatorju jiġu approvati.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/625/UE (5) ddikjarat li, għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), Andorra titqies li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Jannar 2024 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ewwel rieżami tal-funzjonament tad-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza adottati skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE jikkonferma li Andorra għadha tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll Emendatorju (7).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar il-Ftehim u l-Annessi u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 359, 4.12.2004, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/828/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/625/UE tad-19 ta’ Ottubru 2010 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali f’Andorra (ĠU L 277, 21.10.2010, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/625/oj).

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/46/oj).

(7)  It-test tal-Protokoll Emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2120/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)