|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2090 |
15.10.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2090
tal-10 ta’ Ottubru 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tan-notifika tad-differenzi bejn id-dritt tal-Unjoni u t-Tieni Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization). |
|
(2) |
L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f'ċerti korpi tal-ICAO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali. |
|
(4) |
Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet konkluża f’Diċembru 2015 bl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal ferm inqas minn 2 oC ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 oC ’il fuq minn dawk il-livelli. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dak it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali. |
|
(5) |
Fl-2016, id-39 Assemblea Ġenerali tal-ICAO ddeċidiet li tiżviluppa skema ta’ miżuri globali bbażata fuq is-suq biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 (1). |
|
(6) |
Fl-10 laqgħa fil-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). |
|
(7) |
Fil-228 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 1 għall-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, wara l-emendi proposti mill-Kumitat għall-Ħarsien Ambjentali mill-Avjazzjoni u mill-eżitu tar-rieżami perjodiku tal-CORSIA tal-2022. It-Tieni Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (it-“Tieni Edizzjoni”) li rriżultat saret applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024. |
|
(8) |
L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni jkopri devjazzjonijiet minn standards u proċeduri internazzjonali. F’konformità ma’ dak l-Artikolu, kwalunkwe Stat kontraenti li jsibha imprattikabbli li jikkonforma fl-aspetti kollha ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali bħal din, jew li jġib ir-regolamenti jew il-prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emenda ta’ din tal-aħħar, jew li jqis li huwa meħtieġ li jiġu adottati regolamenti jew prattiki li jvarjaw fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. |
|
(9) |
Minħabba li hemm ċerti differenzi bejn id-dritt tal-Unjoni u t-Tieni Edizzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tan-notifika tad-differenzi skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(10) |
CORSIA hija implimentata fid-dritt tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-pożizzjoni li għandha tittieħed fi ħdan l-ICAO fir-rigward tan-notifika tad-differenzi bejn dik id-Direttiva u l-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (3). |
|
(11) |
Fl-2023, id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva (UE) 2023/958 kien li ssegwi l-implimentazzjoni tal-CORSIA fl-Unjoni. |
|
(12) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tan-notifika tad-differenzi, stabbilita f’din id-Deċiżjoni, hija proposta f’dan l-istadju minħabba li l-atti legali rilevanti tal-Unjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ CORSIA fl-Unjoni ġew adottati. |
|
(13) |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Għaldaqstant, fid-9 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1879 (5). |
|
(14) |
Kif ikkomunikat lis-Segretarjat tal-ICAO, u rikonoxxut mis-Segretarjat, l-emissjonijiet annwali ta’ CO2 għall-pari ta’ Stati kollha rrapportati mill-Istati Membri lis-Segretarjat tal-ICAO bħala soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens huma mingħajr preġudizzju għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens u l-kwantità ta’ unitajiet eliġibbli CORSIA li għandhom jiġu kkanċellati biex tintwera l-konformità. |
|
(15) |
Skont id-Direttiva 2003/87/KE, l-unitajiet eliġibbli CORSIA huma dawk iddeterminati mill-Kunsill tal-ICAO, dment li joriġinaw minn Stat li jimplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u li jipparteċipa fil-CORSIA. Jenħtieġ li dik id-differenza tiġi nnotifikata lill-ICAO. |
|
(16) |
Skont id-Direttiva 2003/87/KE, minbarra t-titjiriet speċifikati fit-Tieni Edizzjoni, it-titjiriet li ġejjin huma eżentati wkoll mir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ: titjiriet imwettqa skont ir-regoli tat-titjir viżwali, titjiriet imwettqa għal riċerka xjentifika jew għall-ittestjar tal-inġenji tal-ajru u titjiriet imwettqa fil-qafas ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Jenħtieġ li dik id-differenza tiġi nnotifikata lill-ICAO. |
|
(17) |
Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (6), l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li mhumiex eliġibbli biex jużaw għodod għall-istima tal-emissjonijiet għandhom l-obbligu li jużaw il-Metodu A jew il-Metodu B bħala l-metodu ta’ monitoraġġ tal-użu tal-fjuwil tagħhom. Huma għandhom l-obbligu li jużaw l-istess metodu biex jirrapportaw it-titjiriet kollha, inklużi titjiriet li mhumiex soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens. Jenħtieġ li dik id-differenza tiġi nnotifikata lill-ICAO. |
|
(18) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-ICAO dwar id-differenzi, mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan. |
|
(19) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ICAO, fir-rigward tat-Tieni Edizzjoni peress li hija vinkolanti għall-Istati Membri skont u fi ħdan il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. It-Tieni Edizzjoni għandha tiġi vinkolanti wkoll għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont uħud mill-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar it-trasport bl-ajru. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tan-notifika tad-differenzi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat. |
|
(20) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa minn kull Stat Membru, li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ICAO fir-rigward tan-notifika tad-differenzi bejn id-dritt tal-Unjoni u t-Tieni Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (it-“Tieni Edizzjoni”) għandha tkun din li ġejja: kull Stat Membru għandu jimla d-differenzi fis-Sistema tal-Iffajljar Elettroniku tad-Differenzi (EFOD) tal-ICAO, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. In-notifika tad-differenzi stabbiliti f’dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għal notifiki oħra ppreżentati skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.
2. Differenza relattiva għall-punt 4.3.1 tal-Kapitolu 4 tat-Tieni Edizzjoni “Emissjonijiet Eliġibbli”, bid-dettalji tad-differenza li ġejjin:
“[Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ kumpens li jirriżultaw minn emissjonijiet minn titjiriet operati minn operaturi bbażati fi [Stat Membru], fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew minn titjiriet operati miż-ŻEE lejn u mill-Iżvizzera jew mir-Renju Unit hija żgurata, f’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) , permezz taċ-ċediment ta’ kwoti skont l-iskema reġjonali tal-EU ETS li japplikaw ukoll għal tali titjiriet.
Il-parteċipazzjoni fl-iskemi reġjonali tobbliga lill-operaturi minn [Stat Membru] jindirizzaw dawk l-emissjonijiet.
B’hekk, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kumpens hija ssodisfata fil-fażi ta’ kanċellazzjoni tal-unità, iddettaljata fil-Kapitolu 4 tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-operaturi amministrati minn [Stat Membru] jitqiesu konformi mar-rekwiżiti ta’ kumpens ta’ CORSIA wara s-sottomissjoni ta’ Rapport dwar il-Kanċellazzjoni tal-Unitajiet tal-Emissjonijiet ivverifikat. Dak ir-rapport għandu juri l-kanċellazzjoni ta’ biżżejjed unitajiet CORSIA, bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u r-Renju Unit jew l-Iżvizzera.
(1) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU UE L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).” "
Dik id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A “Aktar eżiġenti jew taqbeż l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” u “Differenza Sinifikanti” fl-EFOD.
3. Differenza relattiva għall-punt 4.2.1 tal-Kapitolu 4 tat-Tieni Edizzjoni “Emissjonijiet Eliġibbli” bid-dettalji tad-differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87/KE [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-kriterji inklużi fid-dokument tal-ICAO intitolat ‘Kriterji ta’ Eliġibbiltà tal-Unitajiet tal-Emissjonijiet CORSIA’, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin biex l-unitajiet jitqiesu eliġibbli għall-konformità mal-CORSIA għall-operaturi amministrati minn [Stat Membru]:
|
(a) |
l-unitajiet iridu joriġinaw minn Stat li huwa Parti għall-Ftehim ta’ Pariġi fil-ħin tal-użu. |
|
(b) |
l-unitajiet iridu joriġinaw minn Stat parteċipanti fil-kumpens tal-CORSIA.” |
Dik id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A “Aktar eżiġenti jew taqbeż l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” u “Differenza Sinifikanti” fl-EFOD.
4. Differenza relattiva għall-punt 2.1.1 tal-Kapitolu 2 tat-Tieni Edizzjoni “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-dettalji tad-differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li minbarra l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punti 2.1.1 u 2.1.3 tal-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati f’dan il-Kapitolu mhux ser japplikaw għat-titjiriet li ġejjin li jitilqu miż-ŻEE jew li jaslu fiha:
|
(a) |
kwalunkwe titjira mwettqa esklużivament skont ir-regoli tat-titjir viżwali kif definiti fl-Anness 2 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago; |
|
(b) |
titjiriet imwettqa esklużivament għall-fini ta’ riċerka xjentifika jew tal-iċċekkjar, l-ittestjar jew iċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tat-tagħmir kemm jekk jinsab fl-ajru kif ukoll ibbażat fuq l-art; |
|
(c) |
titjiriet imwettqa fil-qafas tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU UE L 293, 31.10.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1008/oj).” "
Dik id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija C “Implimentata parzjalment” u mhux “Differenza Sinifikanti” fl-EFOD.
5. Differenza relattiva għall-punti 2.2.1.3.1, 2.2.1.3.2 u 2.2.1.3.6 tal-Kapitolu 2 tat-Tieni Edizzjoni “Monitoraġġ, Rapportar u Verifika (MRV) tal-emissjonijiet annwali ta’ CO2 tal-Operatur tal-Ajruplan”, bid-dettalji tad-differenza li ġejjin:
“F’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (2) , l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tliet perjodi konsekuttivi ta’ 4 xhur u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena għandhom jitqiesu bħala emittenti żgħar. [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqbżu l-limitu tal-emittenti ż-żgħar għandhom jużaw il-Metodu A jew il-Metodu B bħala Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU UE L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).” "
“F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jużaw il-Metodu ta’ Monitoraġġ tal-Użu tal-Fjuwil magħżul għat-titjiriet irrapportati kollha tagħhom, inkluż għal titjiriet internazzjonali mhux soġġetti għal rekwiżiti ta’ kumpens.”
“F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punti 2.1.1 u 2.1.3 tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, wara l-1 ta’ Jannar 2021 għall-ewwel darba mingħajr ma jikkwalifikaw bħala parteċipant ġdid u li mhumiex emittenti żgħar, għandhom jużaw direttament Metodu ta’ Monitoraġġ għall-Użu tal-Fjuwil.”
Dik id-differenza għandha tiġi ttikkettata bħala differenza tal-Kategorija A “Aktar eżiġenti jew jaqbżu l-istandard jew il-prattika rakkomandata tal-ICAO” u mhux “Differenza Sinifikanti” fl-EFOD.
6. Kull Stat Membru għandu jiffajlja d-differenzi f’dan l-Artikolu mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/915/oj).
(2) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/2027/oj).
(4) Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/958/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1879 tad-9 ta’ Lulju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-fini tal-CORSIA (ĠU L, 2024/1879, 10.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1879/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2090/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)