European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2062

23.12.2025

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2062

tal-14 ta’ Ottubru 2025

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1a(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda 2-metilmetkatinon (2-MMC), N-etilnorpentedron (NEP) u 4-bromometkatinon (4-BMC) ġew imfassla f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2023/1322 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) mill-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (l-Aġenzija), li ġie estiż skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament, fl-20 u fil-21 ta’ Mejju 2025. L-Aġenzija ppreżentat ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fis-27 ta’ Mejju 2025.

(2)

2-MMC, NEP u 4-BMC huma katinoni sintetiċi b’effetti psikostimulanti. Dawn huma derivattivi tal-katinon u relatati mill-qrib mal-metkatinon (efedron), filwaqt li għandhom effetti psikostimulanti simili. Kemm 2-MMC kif ukoll 4-BMC għandhom effetti psikostimulanti simili għal 4-metilmetkatinon (mefedron, 4-MMC). 2-MMC għandha effetti psikostimulanti simili għal 3 metilmetkatinon (3-MMC). NEP għandha effetti psikostimulanti simili għall-pentedron. 4-BMC għandha effetti psikostimulanti simili għal 4-klorometkatinon (4-CMC) u 3-bromometkatinon (3-BMC). Il-katinon, il-metkatinon, il-mefedron (4-MMC), 3-MMC, 4-CMC u l-pentedron huma kkontrollati permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(3)

2-MMC ilha disponibbli fl-Unjoni mill-2013 u ġiet identifikata fi 23 Stat Membru. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li d-disponibbiltà ta’ 2-MMC żdiedet b’mod sinifikanti mill-2022. Mill-2 196 każ irrappurtat bejn l-2013 u l-2024, 1 902 seħħew bejn l-2022 u l-2024, u dan jammonta għal 45,7 tunnellata.

(4)

L-informazzjoni pprovduta minn sekwestri u kampjuni miġbura turi li 2-MMC hija tipikament disponibbli fis-suq tad-drogi bħala trab. Ġew irrappurtati wkoll forom fiżiċi oħra, bħal pilloli, kapsuli, likwidi u materjal veġetali, iżda fuq skala ħafna iżgħar.

(5)

Total ta’ tmien mewtiet b’esponiment ikkonfermat għal 2-MMC ġew irrappurtati minn ħames Stati Membri. Avvelenament wieħed akut mhux fatali b’esponiment ikkonfermat għal 2-MMC ġie rrappurtat minn Stat Membru wieħed. Ġew irrappurtati 40 każ ta’ avvelenament akut b’esponiment suspettat jew probabbli għal 2-MMC minn tliet Stati Membri.

(6)

NEP ilha disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas mill-2013 u ġiet identifikata f’25 Stat Membru. Mill-2022, inqabdu madwar 11-il tunnellata ta’ NEP fil-forma ta’ trab, li jirrappreżentaw aktar minn 99 % tal-kwantità totali ta’ trab ta’ NEP maqbuda minn meta beda l-monitoraġġ tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea.

(7)

L-informazzjoni pprovduta minn sekwestri u kampjuni miġbura turi li l-NEP hija tipikament disponibbli fis-suq tad-drogi bħala trab. Ġew irrappurtati wkoll forom fiżiċi oħra, bħal pilloli, kapsuli, likwidi u materjal veġetali, iżda fuq skala ħafna iżgħar.

(8)

Total ta’ 63 mewta b’esponiment ikkonfermat għal NEP ġew irrapportati minn sitt Stati Membri. Ħames avvelenamenti akuti mhux fatali b’esponiment ikkonfermat għal NEP ġew irrappurtati wkoll minn żewġ Stati Membri.

(9)

4-BMC ilha disponibbli fl-Unjoni mill-inqas mill-2011 u ġiet identifikata fi 18-il Stat Membru. Wara tnaqqis bejn l-2017 u l-2023, hemm indikazzjonijiet li 4-BMC reġgħet feġġet mill-2024 b’madwar tunnellata maqbuda, li tirrappreżenta 97 % tal-kwantità totali ta’ 4-BMC maqbuda minn mindu beda l-monitoraġġ tas-sustanza fl-Unjoni.

(10)

L-informazzjoni pprovduta minn sekwestri u kampjuni miġbura turi li 4-BMC hija disponibbli l-aktar fis-suq tad-drogi bħala trab. Ġew irrappurtati wkoll forom fiżiċi oħra, bħal pilloli u kapsuli, iżda fuq skala ħafna iżgħar.

(11)

Ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ mwiet li jinvolvu 4-BMC. L-ebda każ ta’ avvelenament akut mhux fatali b’esponiment ikkonfermat għall-4-BMC ma ġie rrappurtat. Tliet każijiet ta’ avvelenament akut b’esponiment suspettat għall-4-BMC ġew irrapportati minn żewġ Stati Membri.

(12)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li filwaqt li 2-MMC, NEP u 4-BMC huma tipikament mibjugħa u mfittxija bħala drogi stimulanti fihom infushom, mill-inqas parzjalment jidher li dawn is-sustanzi qed jiġu mmanifatturati, importati, distribwiti, mibjugħa, u użati bħala sostitut “legali” għal stimulanti kkontrollati, inklużi l-amfetamina, il-kokaina u l-MDMA. Barra minn hekk, jistgħu jinbiegħu wkoll b’mod qarrieqi bħala drogi oħra.

(13)

Hemm informazzjoni limitata dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, it-traffikar, id-distribuzzjoni ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC fl-Unjoni. Madankollu, hemm informazzjoni li tissuġġerixxi atti kriminali, bħal traffikar, produzzjoni illeċita, u reati tal-provvista, li jinvolvu t-tliet sustanzi.

(14)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li 2-MMC, NEP u 4-BMC huma mmanifatturati minn kumpaniji kimiċi barra mill-Unjoni u importati fiha fi kwantitajiet kbar. Barra minn hekk, informazzjoni limitata tindika li xi produzzjoni seħħet f’laboratorji illeċiti fl-Unjoni.

(15)

2-MMC, NEP u 4-BMC ma għandhom ebda użu mediku għall-bniedem jew użu mediku veterinarju rikonoxxut la fl-Unjoni u lanqas, apparentement, imkien. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sustanzi jistgħu jintużaw għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.

(16)

Ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali assoċjati ma’ 2-MMC, NEP u 4-BMC x’aktarx li għandhom l-istess similaritajiet bħall-katinoni sintetiċi u l-psikostimulanti l-oħra relatati mill-qrib li jinsabu taħt kontroll internazzjonali. L-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li joħolqu s-sustanzi jipprovdu raġuni suffiċjenti għall-inklużjoni ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC fid-definizzjoni ta’ “droga”. Madankollu, ir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskju juru li ħafna mill-mistoqsijiet relatati ma’ 2-MMC, NEP u 4-BMC li jqumu minħabba n-nuqqas ta’ data dwar ir-riskji għas-saħħa tal-individwu, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jistgħu jitwieġbu permezz ta’ riċerka ulterjuri.

(17)

2-MMC, NEP u 4-BMC mhumiex elenkati għall-kontroll permezz tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, jew permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. 2-MMC, NEP u 4-BMC għadhom ma ġewx ivvalutati taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(18)

Informazzjoni minn sekwestri tal-infurzar tal-liġi li seħħew bejn l-2022 u l-2024 tindika li dan l-aħħar, id-disponibbiltà u l-potenzjal għat-tixrid fl-Unjoni ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC żdiedu u jistgħu jkunu sinifikanti. L-informazzjoni dwar it-tossiċità akuta ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC hija limitata. Madankollu, id-data disponibbli tissuġġerixxi li r-riskji għas-saħħa ta’ dawn it-tliet sustanzi huma komparabbli ma’ dawk assoċjati mal-użu ta’ katinoni sintetiċi oħra li jinsabu taħt kontroll internazzjonali. Minħabba nuqqas ta’ studji, hemm inċertezza dwar il-potenzjal tad-dipendenza u r-responsabbiltà tal-abbuż ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC. Din il-ħsara għas-saħħa titqies bħala theddida għall-ħajja minħabba li tista’ tikkawża mewt jew korriment letali, mard serju, indeboliment fiżiku jew mentali serju jew tixrid ta’ mard, inkluż it-trażmissjoni ta’ viruses li jittieħdu mid-demm, bħall-epatite C u l-HIV. Dawn l-effetti huma komparabbli ma’ katinoni sintetiċi u psikostimulanti oħra relatati mill-qrib li jinsabu taħt kontroll internazzjonali, għalkemm dan jeħtieġ aktar studju.

(19)

L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi wkoll li l-konsum ta’ 2-MMC, NEP u 4-BMC jista’ jikkawża riskji soċjali u jista’ jirriżulta f’marġinalizzazzjoni u vulnerabbiltà akbar. Barra minn hekk, għandhom ukoll potenzjal għal riskju aktar wiesa’ għas-sikurezza pubblika, b’mod partikolari fil-każ ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ dawn is-sustanzi.

(20)

Hemm 16-il Stat Membru li jikkontrollaw is-sustanza 2-MMC permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi, tliet Stati Membri li jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda u żewġ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. 15-il Stat Membru jikkontrollaw l-NEP permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi, erba’ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi psikoattivi u żewġ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. 14-il Stat Membru jikkontrollaw is-sustanza 4-BMC permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tad-drogi, erba’ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda, u żewġ Stati Membri jikkontrollawha permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra. Peress li dawn il-miżuri nazzjonali ta’ kontroll diġà jinsabu fis-seħħ, il-fatt li 2-MMC, NEP u 4-BMC jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ “droga”, u b’hekk isiru soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar ir-reati u s-sanzjonijiet kriminali kif definiti fid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, jista’ jgħin biex jiġi evitat li jinħolqu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell transfruntier, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħhom jistgħu joħolqu.

(21)

Peress li l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-attivazzjoni tat-tħaddim tas-setgħat biex jiġi adottat att delegat huma ssodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata direttiva delegata sabiex 2-MMC, NEP u 4-BMC jiġu inklużi fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI.

(22)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(23)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI kif applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018, iżda mhix marbuta bid-Direttiva (UE) 2017/2103. Għaldaqstant, mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(24)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (4), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, iżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom dokument wieħed jew aktar fejn jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

(25)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI

Fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI, jiżdiedu l-punti 22, 23 u 24 li ġejjin:

“22.

2-(Metilamin)-1-(2-metilfenil)propan-1-on (2-metilmetkatinon, 2-MMC) (*1).

23.

2-(Etilamin)-1-fenilpentan-1-on (N-Etilnorpentedron, NEP) (*1).

24.

1-(4-Bromofenil)-2-(metilamin)propan-1-on (4-bromometkatinon, 4-BMC) (*1).

(*1)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/2062 tal-14 ta’ Ottubru 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” (ĠU L, 2025/2062, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/2062/oj).” "

(*1)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/2062 tal-14 ta’ Ottubru 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” (ĠU L, 2025/2062, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/2062/oj).” "

(*1)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/2062 tal-14 ta’ Ottubru 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI rigward l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” (ĠU L, 2025/2062, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/2062/oj).” "

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 12 Lulju 2026 mhux aktar tard minn. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2004/757/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/1322 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2023 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 (ĠU L 166, 30.6.2023, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1322/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI sabiex id-definizzjoni ta’ “droga” tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI (ĠU L 305, 21.11.2017, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2103/oj).

(4)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/2062/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)