|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2050 |
9.10.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2050
tal-1 ta’ Lulju 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u proċeduri tekniċi biex il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna jikkondividu data ma’ riċerkaturi verifikati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(13) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess għad-data li għandu jingħata mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. B’mod partikolari, dan jippermetti lir-riċerkaturi li jkunu temmew proċess biex juru li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ dak l-Artikolu (“riċerkaturi verifikati”) li jingħataw tali aċċess. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, ir-riċerkaturi verifikati għandhom jingħataw aċċess għad-data bħala għajnuna biex jistudjaw ir-riskji sistemiċi fl-Unjoni u biex jivvalutaw l-effettività tal-miżuri biex jiġu mmitigati dawk ir-riskji. Is-sejbiet tagħhom jistgħu jikkostitwixxu kontribut siewi għall-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 u jrawmu l-obbligu ta’ rendikont tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex ikun permess tali aċċess, b’mod sigur u effiċjenti li jkun konsistenti bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, u b’mod li jiżgura trattament ugwali għar-riċerkaturi u għall-fornituri tad-data. |
|
(3) |
Biex jiġi żgurat li l-proċess tal-aċċess għad-data jkun konsistenti bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha u biex dak il-proċess ikun ċar u trasparenti għal kulħadd, huwa meħtieġ li tinħoloq infrastruttura diġitali ddedikata (“il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA”). Il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jenħtieġ li jippermetti lir-riċerkaturi, lill-fornituri tad-data u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jipparteċipaw fil-proċess tal-aċċess għad-data, ikollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti u jxerrduha, bħad-dettalji tal-punti ta’ kuntatt iddedikati, u jikkomunikaw ma’ xulxin. Il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jenħtieġ li ma jitqiesx bħala wieħed mill-modalitajiet ta’ aċċess li għandhom jintużaw għall-għoti ta’ aċċess għad-data skont talba motivata. |
|
(4) |
Il-fornituri tad-data u r-riċerkaturi li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-proċess tal-aċċess għad-data, jenħtieġ li joħolqu kont fuq il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA għal dak il-għan. Biex jiġi żgurat li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni sottomessa permezz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA mingħajr il-ħtieġa li jinħoloq kont separat fuq il-portal, il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jenħtieġ li jkun interoperabbli ma’ AGORA, is-sistema tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/607 (2). |
|
(5) |
Biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess tal-aċċess għad-data għall-partijiet kollha involuti u biex jiġu mmonitorjati l-effettività u l-effiċjenza tal-proċess tal-aċċess għad-data u l-konformità mal-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u ma’ dan ir-Regolament, il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jenħtieġ li jiġġenera notifiki awtomatiċi fir-rigward ta’ passi u aġġornamenti differenti tal-proċess. |
|
(6) |
Sabiex ir-riċerkaturi jingħataw informazzjoni konsistenti dwar il-proċess tal-aċċess għad-data, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jagħmlu disponibbli u faċilment aċċessibbli fuq l-interfaċċi online tagħhom informazzjoni dwar il-proċess tal-aċċess għad-data, inklużi links għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA. Biex jiġi evitat li jinħoloq piż amministrattiv bla bżonn, tiżdied l-effiċjenza u tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti fil-proċess tal-aċċess għad-data, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali huma mħeġġa jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-informazzjoni relatata mal-proċess tal-aċċess għad-data, anke minn perspettiva lingwistika. |
|
(7) |
Sabiex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jidentifikaw id-data rilevanti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornituri tad-data jenħtieġ li jagħmlu disponibbli katalgi tad-data tad-DSA għas-servizzi tagħhom. Tali katalgi jenħtieġ li jkunu jistgħu jinstabu u jkunu aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċi online tal-fornituri tad-data, u jenħtieġ li jiddeskrivu l-assi tad-data disponibbli, l-istruttura tad-data u l-metadata tagħhom, li l-aċċess għalihom jista’ jintalab skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065. Meta jagħmlu disponibbli l-katalgi tad-data tad-DSA, il-fornituri tad-data jenħtieġ li jqisu r-riskji għall-kunfidenzjalità, għas-sigurtà tad-data jew għall-protezzjoni tad-data personali li potenzjalment jirriżultaw mill-fatt li tali informazzjoni li ssir pubblika. |
|
(8) |
Biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ riċerka rilevanti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-katalgi tad-data tad-DSA jenħtieġ li jinkludu b’mod partikolari data relatata mar-riskji sistemiċi fl-Unjoni li l-fornituri tad-data identifikaw fil-valutazzjonijiet tar-riskju annwali tagħhom skont l-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll data relatata ma’ kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament. Biex jiġu żgurati r-rilevanza u l-puntwalità tal-katalgi tad-data tad-DSA, dawk il-katalgi jenħtieġ li jiġu aġġornati regolarment b’kunsiderazzjoni xierqa għar-riskji sistemiċi li jkunu għadhom kif ġew identifikati u għall-evoluzzjoni tar-riskji sistemiċi. Pereżempju, jenħtieġ li dawn jirriflettu r-riskji emerġenti identifikati wara valutazzjoni tar-riskju ad hoc skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jew wara rapport tal-awditjar skont l-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament. Biex jiġi minimizzat il-piż proċedurali fuq il-fornituri tad-data, meta jkun xieraq, tali katalgi jistgħu jibbażaw fuq ir-riżorsi eżistenti tad-dokumentazzjoni tad-data użati għal skopijiet u udjenzi oħrajn, bħar-reklamar, il-ħolqien tal-kontenut jew l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ta’ partijiet terzi. Il-katalgi tad-data tad-DSA jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa li jkunu eżawrjenti u għalhekk jenħtieġ li ma jorbtux jew ma jillimitawx lir-riċerkaturi applikanti fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-aċċess għad-data. |
|
(9) |
Sabiex tiġi ffaċilitata d-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ aċċess mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u jitnaqqas il-piż ġenerali tal-proċess ta’ aċċess għad-data fuq l-atturi kollha involuti, il-fornituri tad-data jenħtieġ li jippubblikaw il-modalitajiet issuġġeriti ta’ aċċess tagħhom għad-data deskritta fil-katalgi tad-data tad-DSA. Dawn il-modalitajiet issuġġeriti ta’ aċċess jenħtieġ li jkunu proporzjonati għas-sensittività tad-data u li jinkludu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tekniċi, organizzazzjonali u legali possibbli kkunsidrati mill-fornituri tad-data kif xieraq biex jippermettu l-forniment tad-data. Il-modalitajiet ta’ aċċess issuġġeriti mill-fornituri tad-data jenħtieġ li ma jorbtux lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, li jenħtieġ li jibqgħu kompetenti biex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ aċċess xierqa. |
|
(10) |
Biex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-data jiġu ttrattati b’mod ugwali, indipendentement mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li lilu tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data jew li minnu toriġina t-talba motivata, jenħtieġ li jiġi speċifikat il-perjodu ta’ żmien għall-formulazzjoni ta’ talbiet motivati biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha. Jekk il-formulazzjoni tat-talba motivata tirrikjedi żmien addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jinnotifika lir-riċerkatur prinċipali, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ verifiki addizzjonali mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-organizzazzjoni ta’ riċerka jew tal-istabbiliment, pereżempju meta l-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-data jimplikaw trasferimenti internazzjonali tad-data, jew meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikun identifika riskji potenzjali għas-sigurtà tal-Unjoni li kieku d-data kellha tiġi kondiviża. Bil-ħsieb li jiġu allinjati wkoll il-passi fil-proċess tal-aċċess għad-data qabel il-formulazzjoni ta’ talbiet motivati, inkluż il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-data u l-għoti ta’ status ta’ riċerkatur verifikat, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali huma mħeġġa jiżviluppaw mod ta’ ħidma konsistenti u koordinat, inkluż kriterji operazzjonali komuni, fil-qafas tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali. |
|
(11) |
Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-formulazzjoni ta’ talbiet motivati, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha tal-istabbiliment jenħtieġ li jkunu meħtieġa jivverifikaw li ċerti elementi komuni tal-proċess tal-aċċess għad-data kienu koperti kif xieraq fl-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-data. Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifikaw li r-riċerkaturi applikanti kollha li jissemmew fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data wrew l-affiljazzjoni tagħhom ma’ organizzazzjoni ta’ riċerka, pereżempju billi jipprovdu dokumenti ta’ sostenn ta’ kuntratti ta’ impjieg jew kwalunkwe forma oħra ta’ assoċjazzjoni legali mal-organizzazzjoni ta’ riċerka. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifikaw ukoll li r-riċerkaturi applikanti wrew l-indipendenza tagħhom minn interessi kummerċjali, pereżempju, permezz ta’ dikjarazzjoni għal dak il-għan. |
|
(12) |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika li l-finanzjament tal-proġett ta’ riċerka li għalih tintalab id-data jiġi ddivulgat fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data. L-informazzjoni pprovduta mir-riċerkaturi applikanti jenħtieġ li tinkludi dettalji tal-kontribuzzjonijiet, bħall-entità ta’ finanzjament, l-ammont, in-natura u t-tul ta’ żmien tal-kontribuzzjoni, inkluż jekk il-finanzjament ikunx diġà ngħata jew jekk applikazzjoni għall-finanzjament tkunx għadha qiegħda tiġi evalwata, kif ukoll, meta applikabbli, referenzi rilevanti għall-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni. Meta jkun disponibbli, l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data jenħtieġ li tinkludi wkoll l-eżiti tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-entità jew mill-entitajiet li jipprovdu l-finanzjament. |
|
(13) |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika li l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data tiddeskrivi kif jintgħażlu d-data u l-format tad-data, b’referenza għar-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità għall-iskop tar-riċerka prevista. Meta d-data mitluba tkun disponibbli wkoll permezz ta’ sorsi oħrajn, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivvaluta jekk it-talba għal tali data fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data hijiex debitament ġustifikata, filwaqt li jqis l-informazzjoni fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data. Ġustifikazzjonijiet possibbli jistgħu jinkludu evidenza ta’ kwalità batuta jew nuqqas ta’ affidabbiltà ta’ tali data li tirriżulta minn sorsi oħrajn jew in-nuqqas ta’ adegwatezza tal-format li fih tali data tista’ tinkiseb minn sorsi oħrajn għall-finijiet tal-proġett ta’ riċerka, li jfixkel l-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ riċerka. Id-data li tista’ tintalab sabiex jiġu studjati r-riskji sistemiċi jew il-mitigazzjoni tagħhom fl-Unjoni tista’ tevolvi fil-futur. Eżempji kurrenti ta’ tali data jinkludu data relatata mal-utenti tas-servizzi, bħal informazzjoni dwar il-profil, networks ta’ relazzjonijiet, esponiment tal-kontenut fil-livell individwali u stejjer ta’ involviment; data ta’ interazzjoni bħal kummenti jew impenji oħrajn; data relatata mar-rakkomandazzjonijiet tal-kontenut, inkluża d-data użata għall-personalizzazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; data relatata mal-immirar tar-reklami u t-tfassil ta’ profili, inkluża d-data dwar il-kost għal kull klikk u miżuri oħrajn tal-prezzijiet tar-reklamar; data relatata mal-ittestjar ta’ karatteristiċi ġodda qabel l-użu tagħhom, inklużi r-riżultati tat-testijiet A/B; data relatata mal-moderazzjoni u mal-governanza tal-kontenut, bħal data dwar sistemi u proċessi ta’ moderazzjoni tal-kontenut, algoritmiċi jew ta’ tip ieħor, inklużi r-reġistri tal-modifiki, l-arkivji jew ir-repożitorji li jiddokumentaw kontenut moderat, inklużi kontijiet kif ukoll data relatata mal-prezzijiet, mal-kwantitajiet u mal-karatteristiċi ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew intermedjati mill-fornitur tad-data. |
|
(14) |
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika jekk l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data tipprovdix biżżejjed informazzjoni li turi li r-riċerkatur huwa kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi tal-kunfidenzjalità, tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-data mitluba, jidentifika r-riskji possibbli li jirriżultaw mill-aċċess u mill-ipproċessar ta’ tali data għall-finijiet tar-riċerka, u jiddokumenta kwalunkwe modalità ta’ aċċess proposta, inkluż il-kundizzjonijiet legali, organizzazzjonali u tekniċi li se jiġu stabbiliti biex jiġu minimizzati r-riskji identifikati, pereżempju permezz ta’ ittra ta’ impenn mill-organizzazzjoni ta’ riċerka li tikkonferma l-aċċess għal mezzi li jistgħu jikkostitwixxu salvagwardji rilevanti, jew dokumenti oħrajn ta’ sostenn. |
|
(15) |
Meta tintalab data personali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika li l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data tinkludi informazzjoni dwar il-bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali, inkluż kategoriji speċjali ta’ data personali, meta applikabbli, u jekk tali bażi legali hijiex konformi mal-Artikolu 6(1), il-punt (e) jew (f), u meta applikabbli l-Artikolu 9(2), il-punt (g) jew (j), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Barra minn hekk, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika li l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data jkun fiha biżżejjed indikazzjoni li r-riċerkaturi jkunu vvalutaw ir-riskji għall-protezzjoni tad-data personali. Pereżempju, dan jista’ jintwera permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament. Biex jiġi żgurat li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jitħallew jikkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament, li jibqgħu kompetenti biex jivvalutaw il-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(16) |
Biex jiffaċilita l-formulazzjoni tat-talba motivata u jippreżerva l-integrità tal-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jivverifika jekk l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data tinkludix sommarju. Tali sommarju jenħtieġ li jkun fih ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni li se tkun parti mit-talba motivata, ippubblikata fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, f’każijiet li fihom il-valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-aċċess għad-data twassal għall-formulazzjoni ta’ talba motivata. |
|
(17) |
Sabiex jiġi żgurat li l-modalitajiet ta’ aċċess li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jiffissa jkunu adegwati biex jindirizzaw is-sensittività tad-data speċifika mitluba f’applikazzjoni għall-aċċess għad-data, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jwettaq valutazzjoni każ b’każ, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data. Il-modalitajiet ta’ aċċess stabbiliti fit-talba motivata jenħtieġ li jkunu xierqa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà tad-data, tal-kunfidenzjalità tad-data u tal-protezzjoni tad-data personali u, fl-istess ħin, jippermettu l-ilħuq tal-objettivi ta’ riċerka tal-proġett ta’ riċerka. L-aċċess għad-data jista’ jseħħ, pereżempju, bit-trażmissjoni tad-data lir-riċerkaturi verifikati permezz ta’ interfaċċa xierqa u ħżin xieraq tad-data; bit-trażmissjoni tad-data lejn ambjent ta’ pproċessar sigur operat mill-fornitur tad-data jew minn fornitur terz, li għalih ikollhom aċċess ir-riċerkaturi verifikati, kif ukoll bil-ħżin fih, iżda bla ma sseħħ l-ebda trażmissjoni tad-data lir-riċerkaturi verifikati, jew b’modalitajiet oħrajn ta’ aċċess li għandhom jiġu stabbiliti jew iffaċilitati mill-fornitur tad-data. Meta jispeċifika l-modalitajiet ta’ aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jelenka wkoll kwalunkwe kundizzjoni legali, teknika jew organizzattiva li l-aċċess għandu jkun soġġett għaliha. F’każijiet li fihom l-għoti tal-aċċess jinvolvi trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-tifsira tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, il-modalitajiet ta’ aċċess jenħtieġ li jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ trasferiment xieraq, biex jiġi żgurat li l-fornitur tad-data jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jikkonforma ma’ dak ir-Regolament. |
|
(18) |
Biex jiġi żgurat li l-modalitajiet ta’ aċċess għad-data jkunu xierqa biex jindirizzaw sensittivitajiet speċifiċi f’termini ta’ protezzjoni tad-data, ta’ sigurtà tad-data jew ta’ kunfidenzjalità, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, abbażi tal-informazzjoni riċevuta fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data, jenħtieġ li jkun jista’ jirrikjedi, li l-aċċess għad-data jingħata permezz ta’ ambjenti ta’ pproċessar siguri. F’każijiet bħal dawn, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jiżgura li l-ambjent magħżul jopera f’konformità mal-aktar teknoloġija xierqa u jippermetti lir-riċerkaturi verifikati jilħqu l-objettivi tar-riċerka tagħhom. |
|
(19) |
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni trażmessa mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment lill-fornituri tad-data, jeħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tat-talbiet motivati. |
|
(20) |
Sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-fornituri tad-data u biex titnaqqas il-frekwenza tat-talbiet għal emendi maż-żmien u tiġi ffaċilitata l-formulazzjoni tal-applikazzjonijiet rilevanti għall-aċċess għad-data mir-riċerkaturi, jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali lejn kull talba motivata, inkluż kwalunkwe emenda u aġġornament għaliha, fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jkun ħareġ it-talbiet motivati rispettivi. |
|
(21) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikollu l-informazzjoni rilevanti biex jevalwa talba għal emenda u biex jiffaċilita approċċ uniformi fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal emendi, il-fornitur tad-data jenħtieġ li jkun meħtieġ jispeċifika r-raġunijiet għal tali talba, kif imsemmi fl-Artikolu 40(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065. B’mod aktar speċifiku, meta jivvaluta talba għal emenda sottomessa abbażi tan-nuqqas ta’ aċċess ta’ fornitur tad-data għad-data, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jeżamina jekk l-allegata impossibbiltà hijiex debitament ġustifikata, pereżempju min-nuqqas ta’ eżistenza tad-data mitluba, jew minn restrizzjonijiet tekniċi bħall-kriptaġġ u jenħtieġ li jkollu l-informazzjoni meħtieġa biex iqis jekk in-nuqqas ta’ aċċess huwiex permanenti jew temporanju. Jenħtieġ li jkun ċar, f’dan ir-rigward, li l-kunsiderazzjonijiet kummerċjali jenħtieġ li ma jitqisux bħala raġuni biex jiġi rrifjutat awtomatikament l-aċċess għad-data mitluba iżda pjuttost bħala raġuni biex jiġu mmodifikati l-mezzi sabiex jiġi pprovdut aċċess għad-data, li jista’ jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali ta’ sigurtà u kunfidenzjalità tad-data. |
|
(22) |
Sabiex tiġi żgurata soluzzjoni effiċjenti tat-tilwim u biex titħeġġeġ l-identifikazzjoni ta’ soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku, wara talba għal emenda, il-fornituri tad-data jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jipparteċipaw fil-medjazzjoni. Tali parteċipazzjoni jenħtieġ li tkun volontarja matul il-proċess kollu ta’ medjazzjoni u jenħtieġ li ma tirriżulta f’ebda eżitu vinkolanti għall-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, li jibqa’ kompetenti biex jiddeċiedi dwar it-talbiet għal emendi. Il-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ medjazzjoni jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom in bona fide u jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim ġust u aċċettabbli b’mod reċiproku. |
|
(23) |
Sabiex jiġi evitat li l-medjazzjoni ttawwal b’mod indefinit il-proċess tal-aċċess għad-data, it-trażmissjoni tat-talba bil-miktub għall-medjazzjoni, l-għażla tal-medjatur u l-proċess ta’ medjazzjoni nnifsu jenħtieġ li jsiru f’perjodi ta’ żmien speċifikati. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jistabbilixxu limitu ta’ żmien għall-proċess ta’ medjazzjoni fir-rigward ta’ talba motivata partikolari u l-medjatur jenħtieġ li jkollu l-awtorità li jtemm il-proċess ta’ medjazzjoni f’ċirkostanzi speċifiċi. |
|
(24) |
Sabiex tibqa’ l-fiduċja reċiproka fost il-partijiet involuti fil-medjazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jenħtieġ li jiżgura li l-medjatur propost jissodisfa r-rekwiżiti ta’ imparzjalità u tal-indipendenza u jkollu għarfien espert rilevanti dwar is-suġġett tal-medjazzjoni. |
|
(25) |
Għall-finijiet tal-iffaċilitar tat-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat u effettiv fir-rigward tal-proċess tal-aċċess għad-data, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jitolbu opinjonijiet esperti dwar elementi speċifiċi tal-proċess tal-aċċess għad-data, bħad-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ aċċess, inkluż interfaċċi xierqa, il-formulazzjoni tat-talba motivata u kwalunkwe talba għal emenda mill-fornitur tad-data. L-esperti kkonsultati jenħtieġ li jkollhom għarfien espert ippruvat fil-kwistjoni li dwarha tintalab l-opinjoni tagħhom u jenħtieġ li jkunu indipendenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess, li jirriżulta pereżempju minn kwalunkwe rabta mar-riċerkaturi applikanti jew mal-fornitur tad-data. |
|
(26) |
Sabiex tiżdied it-trasparenza u biex il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jibnu fuq l-għarfien espert tagħhom miksub maż-żmien, kull talba għal konsultazzjoni tal-esperti u s-segwitu ġġenerat minnha jenħtieġ li jiġu rreġistrati f’AGORA. |
|
(27) |
Biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni effettiva tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-talba motivata, il-fornitur tad-data jenħtieġ li jinnotifika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment fi żmien 3 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha jkun ingħata l-aċċess lir-riċerkaturi verifikati u mid-data tat-terminazzjoni tal-aċċess. |
|
(28) |
Sabiex ir-riċerkaturi verifikati jkunu jistgħu jużaw id-data mitluba għall-finijiet tar-riċerka u jipprovdu informazzjoni tal-kuntest rilevanti, il-fornituri tad-data jenħtieġ li jipprovdu lir-riċerkaturi verifikati l-metadata u d-dokumentazzjoni rilevanti li tiddeskrivi d-data magħmula disponibbli, bħal kodiċijiet anonimizzati, reġistri tal-modifiki u dokumentazzjoni arkitettonika. |
|
(29) |
Sabiex tiġi ffaċilitata r-riċerka sinifikattiva mir-riċerkaturi verifikati, anke billi jiġi permess il-kombinament tad-data mitluba mad-data disponibbli minn sorsi oħrajn, jenħtieġ li l-fornituri tad-data ma jimponu l-ebda restrizzjoni fuq l-għodod analitiċi użati minn riċerkaturi verifikati, inklużi libreriji tas-software rilevanti, u jenħtieġ li ma jimponux rekwiżiti ta’ arkivjar, ħżin, aġġornament u tħassir, sakemm ma jkunux imsemmija b’mod espliċitu fil-modalitajiet ta’ aċċess identifikati fit-talba motivata. |
|
(30) |
Meta d-data pprovduta lir-riċerkaturi verifikati tinkludi data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-fornitur tad-data jenħtieġ li josserva r-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 joħloq obbligu legali skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2016/679 għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali meħtieġ għall-fornitur tad-data biex jagħti aċċess għad-data speċifikata fit-talba motivata. Meta jkunu jridu jiġu pproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679, dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 9(2), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(31) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fl-4 ta’ Diċembru 2024. |
|
(32) |
Wara li kkonsultat mal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali f’konformità mal-Artikolu 40(13) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u wara l-approvazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet tekniċi biex ir-riċerkaturi verifikati jingħataw aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna, skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, b’mod partikolari:
|
(a) |
il-kundizzjonijiet tekniċi għall-iżvilupp u għall-funzjonament ta’ portal tal-aċċess għad-data; |
|
(b) |
il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-ġestjoni tal-proċess tal-aċċess għad-data mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u mill-fornituri tad-data; |
|
(c) |
ir-rekwiżiti għall-formulazzjoni ta’ talbiet motivati u l-valutazzjoni tat-talbiet għal emendi; |
|
(d) |
il-kundizzjonijiet tekniċi għall-għoti ta’ aċċess għad-data mill-fornituri tad-data. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“applikazzjoni għall-aċċess għad-data” tfisser l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti sottomessi mir-riċerkaturi applikanti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru tal-organizzazzjoni ta’ riċerka, li r-riċerkatur prinċipali huwa affiljat magħha, biex jinkiseb l-istatus ta’ “riċerkatur verifikat” kif imsemmi fl-Artikolu 40(8), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/2065, għal proġett ta’ riċerka speċifiku li jinvolvi l-aċċess għad-data minn fornitur tad-data; |
|
(2) |
“proċess ta’ aċċess għad-data” tfisser il-passi u l-proċeduri li jistgħu jwasslu għall-għoti ta’ aċċess għad-data kif imsemmi fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
|
(3) |
“riċerkatur applikant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tapplika għall-aċċess għad-data kif imsemmi fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, individwalment, fi grupp jew bħala parti minn entità; |
|
(4) |
“riċerkatur prinċipali” tfisser ir-riċerkatur applikant li jissottometti l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data fil-kapaċità individwali tiegħu jew f’isem entità jew grupp ta’ riċerkaturi applikanti; |
|
(5) |
“fornitur tad-data” tfisser fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jew ta’ magna tat-tiftix online kbira ħafna ddeżinjata bħala tali f’konformità mal-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, li lilu tista’ tiġi indirizzata talba motivata; |
|
(6) |
“talba motivata” tfisser talba motivata għal aċċess għad-data skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
|
(7) |
“talba għal emenda” tfisser talba għal emenda skont l-Artikolu 40(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065 sottomessa mill-fornitur tad-data lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment wara li tasal talba motivata; |
|
(8) |
“ambjent ta’ pproċessar sigur” tfisser ambjent ta’ pproċessar sigur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
KAPITOLU II
OBBLIGI TA’ INFORMAZZJONI U TA’ KUNTATT
Artikolu 3
Portal tal-aċċess għad-data tad-DSA
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tospita portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
2. Il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
jappoġġa u jissimplifika l-ġestjoni tal-proċess tal-aċċess għad-data għar-riċerkaturi, għall-fornituri tad-data u għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali; |
|
(b) |
iservi bħala l-punt diġitali ċentrali għall-informazzjoni dwar il-proċess tal-aċċess għad-data u jiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament bejn ir-riċerkaturi applikanti, ir-riċerkaturi verifikati, il-fornituri tad-data u l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali. |
3. Il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA għandu jkun interoperabbli ma’ AGORA, is-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/607. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom aċċess f’AGORA għall-informazzjoni sottomessa permezz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
4. Il-fornituri tad-data għandu jkollhom kont fuq il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
5. Biex jipparteċipaw fil-proċess tal-aċċess għad-data, ir-riċerkaturi applikanti għandu jkollhom kont fuq il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
Artikolu 4
Rwoli u responsabbiltajiet għall-ipproċessar ta’ data personali fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA
(1) Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ikunu kontrolluri separati fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li jwettqu biex jimmaniġġaw il-proċess tal-aċċess għad-data u għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti.
(2) Il-Kummissjoni għandha tkun proċessur ta’ data personali pproċessata fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
(3) Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni bħala proċessur għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.
Artikolu 5
Ipproċessar ta’ data personali fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA
1. Meta d-data personali tiġi rreġistrata u skambjata permezz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, l-ipproċessar għandu jsir biss sa fejn ikun proporzjonat u meħtieġ għall-fini tal-proċess tal-aċċess għad-data u tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti.
2. L-ipproċessar tad-data personali għandu jsir fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA biss fir-rigward tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li ġejjin:
|
(a) |
persuni fiżiċi li jkollhom kont fuq il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(b) |
persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jew fi kwalunkwe skambju ieħor skont dan ir-Regolament dwar il-proċess ta’ aċċess għad-data. |
3. L-ipproċessar tad-data personali għandu jsir fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA biss fir-rigward tal-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
|
(a) |
data tal-identità, bħall-isem, l-identifikatur tal-utent; |
|
(b) |
informazzjoni ta’ kuntatt bħall-indirizz, l-indirizz tal-email, id-dettalji ta’ kuntatt; |
|
(c) |
data personali li tinsab fid-dokumentazzjoni li turi l-affiljazzjoni ma’ organizzazzjoni ta’ riċerka, u kwalunkwe informazzjoni personali oħra meqjusa meħtieġa għall-fini tal-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ aċċess għad-data. |
4. L-ipproċessar ta’ data personali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq bl-użu tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni li tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Artikolu 6
Punti ta’ kuntatt u informazzjoni pubblika dwar il-proċess ta’ aċċess għad-data
1. Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u kull fornitur tad-data għandu jistabbilixxi punt ta’ kuntatt speċifiku, li l-kompitu tiegħu għandu jkun li jipprovdi informazzjoni u appoġġ dwar il-proċess tal-aċċess għad-data.
2. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-fornituri tad-data għandhom jikkomunikaw il-punti ta’ kuntatt tagħhom lill-Kummissjoni, mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1 fl-interfaċċa pubblika tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
3. Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħmel disponibbli u faċilment traċċabbli fuq l-interfaċċa online tiegħu, id-dettalji tal-punt ta’ kuntatt stabbilit skont il-paragrafu 1 flimkien ma’ link għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA.
4. Il-fornituri tad-data għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli u faċilment traċċabbli fuq l-interfaċċi online tagħhom:
|
(a) |
id-dettalji tal-punt ta’ kuntatt stabbilit minnhom skont il-paragrafu 1; |
|
(b) |
link għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(c) |
katalgu tad-data tad-DSA, li jiddeskrivi l-assi tad-data, li jistgħu jiġu aċċessati għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, kif ukoll l-istruttura tad-data u l-metadata tagħhom; |
|
(d) |
il-modalitajiet issuġġeriti ta’ aċċess għad-data fil-katalgu skont il-punt (c), adegwati għal-livell ta’ sensittività tal-assi differenti tad-data. |
5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (c) u (d), għandha tiġi aġġornata regolarment, b’mod partikolari biex tirrifletti d-data relatata mal-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-awditi mwettqa skont l-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament.
KAPITOLU III
REKWIŻITI GĦALL-FORMULAZZJONI U GĦALL-IPPROĊESSAR TA’ TALBIET MOTIVATI
Artikolu 7
Formulazzjoni ta’ talba motivata
1. Fi żmien 80 jum ta’ xogħol mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-aċċess għad-data, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, filwaqt li jqis kif xieraq il-prerekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 u, meta applikabbli, kwalunkwe valutazzjoni oħra rilevanti għal dawn il-finijiet, għandu jiddeċiedi jekk tistax tiġi fformulata talba motivata u għandu jwettaq waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
jifformula talba motivata, jissottomettiha lill-fornitur tad-data u jinnotifika lir-riċerkatur prinċipali dwar is-sottomissjoni tat-talba motivata; |
|
(b) |
jinforma lir-riċerkatur prinċipali bir-raġunijiet għaliex it-talba motivata ma setgħetx tiġi fformulata. |
2. Meta, f’każijiet debitament ġustifikati, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikun jeħtieġ aktar żmien biex jifformula talba motivata, għandu jinnotifika lir-riċerkatur prinċipali malajr kemm jista’ jkun u għandu jindika r-raġunijiet għad-dewmien kif ukoll data ġdida għat-twettiq tal-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 8
Prerekwiżiti għall-formulazzjoni ta’ talba motivata
Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddeċiedi jekk tistax tiġi fformulata talba motivata filwaqt li jqis l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
għal kull riċerkatur applikant:
|
|
(b) |
informazzjoni dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ riċerka li għalih tintalab id-data; |
|
(c) |
deskrizzjoni tad-data mitluba, inkluż il-format, l-ambitu u, meta possibbli, l-attributi speċifiċi, il-metadata rilevanti u d-dokumentazzjoni tad-data, filwaqt li titqies ukoll l-informazzjoni magħmula disponibbli skont l-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-Regolament; |
|
(d) |
informazzjoni dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-aċċess għad-data u l-informazzjoni dwar il-perjodi ta’ żmien tar-riċerka li għaliha tintalab id-data; |
|
(e) |
informazzjoni dwar ir-riskji identifikati f’termini ta’ kunfidenzjalità, sigurtà tad-data u protezzjoni tad-data personali relatati mad-data li tiġi aċċessata, deskrizzjoni tal-miżuri tekniċi, legali u organizzazzjonali li se jiġu stabbiliti, inkluż, meta possibbli, il-modalitajiet issuġġeriti ta’ aċċess, biex jiġu mmitigati tali riskji meta tiġi pproċessata d-data mitluba; |
|
(f) |
deskrizzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka li għandhom jitwettqu bid-data mitluba; |
|
(g) |
sommarju tal-applikazzjoni għall-aċċess għad-data li jkun fiha l-elementi li ġejjin:
|
Artikolu 9
Modalitajiet ta’ aċċess
1. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jiddetermina l-modalitajiet, inkluż il-miżuri tekniċi, legali u organizzazzjonali, li l-fornitur tad-data għandu juża biex jipprovdi aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati.
2. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jitħallew jikkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679.
3. Meta jkun qed jiddetermina l-modalitajiet ta’ aċċess, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data, b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (e), filwaqt li jqis ukoll id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri tad-data u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, is-sigrieti kummerċjali u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom u l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-fornituri tad-data skont l-Artikolu 6(4), il-punt (d).
4. Minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafu 3, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, meta jkun qed jiddetermina l-modalitajiet ta’ aċċess, iqis l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
meta l-aċċess jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali:
|
|
(b) |
il-miżuri rilevanti ta’ sigurtà tan-network, il-kriptaġġ, il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-aċċess, il-politiki ta’ backup, il-mekkaniżmi ta’ integrità tad-data, il-pjanijiet ta’ rispons għall-inċidenti; |
|
(c) |
meta applikabbli, informazzjoni dwar il-perjodu ta’ ħżin maħsub u l-pjanijiet rilevanti għall-qerda tad-data; |
|
(d) |
kwalunkwe miżura organizzattiva bħall-proċessi ta’ rieżami intern, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet ta’ aċċess u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; |
|
(e) |
kwalunkwe klawżola kuntrattwali proposta, bħal ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni, ftehimiet dwar id-data u kwalunkwe tip ieħor ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet possibbli ta’ aċċess u pproċessar bejn ir-riċerkatur prinċipali u l-fornitur tad-data; |
|
(f) |
l-eżistenza ta’ taħriġ dwar is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data personali riċevuta mingħand ir-riċerkaturi applikanti; |
|
(g) |
jekk humiex meħtieġa ambjenti ta’ pproċessar siguri għall-ipproċessar tad-data. |
5. Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment iqis li għandu jintuża ambjent ta’ pproċessar sigur biex jipprovdi aċċess għad-data mitluba, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jirrikjedi dokumentazzjoni li tiċċertifika li l-operatur ta’ dak l-ambjent:
|
(a) |
jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-ambjent ta’ pproċessar sigur sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ qari, ikkupjar, modifika jew tneħħija mhux awtorizzati tad-data miżmuma fl-ambjent ta’ pproċessar sigur; |
|
(b) |
jiżgura li r-riċerkaturi verifikati jkollhom aċċess biss għad-data koperta mit-talba motivata, permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u uniċi u modi ta’ aċċess kunfidenzjali; |
|
(c) |
iżomm reġistri identifikabbli ta’ aċċess għall-ambjent tal-ipproċessar sigur għall-perjodu meħtieġ biex jiġu vverifikati u awditjati l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar f’dak l-ambjent; |
|
(d) |
jiżgura li l-qawwa komputazzjonali għad-dispożizzjoni tar-riċerkaturi verifikati tkun xierqa u suffiċjenti għall-finijiet tal-proġett ta’ riċerka; |
|
(e) |
jimmonitorja l-effettività tal-miżuri elenkati fil-punti minn (a) sa (d). |
Artikolu 10
Kontenut ta’ talba motivata
(1) Talba motivata għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
id-data sa meta l-fornitur tad-data għandu jagħti aċċess għad-data mitluba u d-data li fiha tali aċċess għandu jiġi tterminat; |
|
(b) |
il-modalitajiet ta’ aċċess determinati skont l-Artikolu 9; |
|
(c) |
is-sommarju tal-applikazzjoni għall-aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (g); |
(2) Fit-talba motivata, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista’ jinkludi l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tar-riċerkaturi verifikati kollha msemmija fl-applikazzjoni għall-aċċess għad-data meta dan ikun meħtieġ biex jiġi permess l-aċċess għad-data mitluba, f’konformità mal-modalitajiet ta’ aċċess speċifikati fit-talba motivata.
(3) Jekk l-għoti ta’ aċċess jinvolvi trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, it-talba motivata għandha tinkludi informazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ trasferiment xieraq, jew li ssir referenza għalih, biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.
Artikolu 11
Pubblikazzjoni ta’ ħarsa ġenerali lejn talba motivata fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA
1. Mal-formulazzjoni ta’ talba motivata, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jippubblika ħarsa ġenerali lejn it-talba motivata fl-interfaċċa pubblika tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA. Il-ħarsa ġenerali għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
is-sommarju tal-applikazzjoni għall-aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 8, il-punt (g); |
|
(b) |
il-modalitajiet ta’ aċċess iddeterminati skont l-Artikolu 9. |
2. Il-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata biex tirrifletti kwalunkwe bidla li tirriżulta minn modifika ta’ element wieħed jew aktar wara l-eżami ta’ talba għal emenda jew l-eżitu ta’ medjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13.
Artikolu 12
Proċeduri għall-eżami ta’ talbiet għal emendi
1. Malli jirċievi talba għal emenda skont l-Artikolu 40(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lir-riċerkatur prinċipali kkonċernat.
2. Meta jiddeċiedi dwar talba għal emenda li ssir skont l-Artikolu 40(5), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis dan li ġej:
|
(a) |
jekk ir-raġunijiet għall-allegat nuqqas ta’ aċċess għad-data humiex debitament sostanzjati; |
|
(b) |
jekk dan in-nuqqas ta’ aċċess għad-data huwiex permanenti jew temporanju. |
3. Meta jiddeċiedi dwar talba għal emenda li ssir skont l-Artikolu 40(5), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis dan kollu li ġej:
|
(a) |
jekk l-allegati vulnerabbiltajiet u s-sinifikat tagħhom humiex sostanzjati kif xieraq; |
|
(b) |
il-probabbiltà u s-severità tal-ħsara li tirriżulta minn dawn l-allegati vulnerabbiltajiet sinifikanti; |
|
(c) |
il-punt sa fejn il-modalitajiet ta’ aċċess stabbiliti fit-talba motivata jimmitigaw b’mod effettiv ir-riskju li sseħħ tali ħsara. |
4. Fi kwalunkwe ħin matul il-valutazzjoni ta’ talba għal emenda, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista’ jitlob lill-fornitur tad-data jew lir-riċerkatur prinċipali kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jqis meħtieġa biex ilesti l-valutazzjoni tiegħu.
5. Tali talba għal informazzjoni addizzjonali għandha ssir malajr kemm jista’ jkun biex il-fornitur tad-data jew ir-riċerkatur prinċipali jkollu biżżejjed żmien biex jirrispondi u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex taffettwa l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 40(6), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065. Meta l-fornitur tad-data jew ir-riċerkatur prinċipali jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba kollha jew fi żmien perjodu speċifikat mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew jipprovdi informazzjoni parzjali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 40(6) tar-Regolament (UE) 2022/2065, abbażi tal-informazzjoni li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu fi żmien raġonevoli.
Artikolu 13
Medjazzjoni
(1) Jekk il-fornitur tad-data ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar it-talba għal emenda, il-fornitur tad-data jista’, fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol mill-komunikazzjoni mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 40(6), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, jitlob bil-miktub lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jipparteċipa fil-medjazzjoni.
(2) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ma għandux ikun obbligat li jipparteċipa fil-proċess ta’ medjazzjoni.
(3) It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi deskrizzjoni konċiża tal-elementi speċifiċi tad-deċiżjoni, kif ikkomunikati mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment skont l-Artikolu 40(6), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, li l-fornitur tad-data jkun qed joġġezzjona għalihom.
(4) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u l-fornitur tad-data għandhom jaqblu dwar il-ħatra ta’ medjatur u jibdew il-medjazzjoni fi żmien 20 jum ta’ xogħol mis-sottomissjoni tat-talba ta’ medjazzjoni skont il-paragrafu 3.
(5) Qabel ma jaqbel mal-ħatra ta’ medjatur, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jivverifika li l-medjatur ikun imparzjali u indipendenti u jkollu l-għarfien espert rilevanti relatat mas-suġġett kif deskritt fit-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1.
(6) Il-fornitur tad-data għandu jħallas il-kostijiet kollha tal-medjazzjoni.
(7) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinforma lir-riċerkatur prinċipali bit-talba ta’ medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed u jista’ jiddeċiedi li jistieden lir-riċerkatur prinċipali biex jingħaqad mal-medjazzjoni bħala parti. Meta l-applikazzjoni għall-aċċess għad-data tkun ġiet sottomessa lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-organizzazzjoni ta’ riċerka, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jista’ jistieden lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-organizzazzjoni ta’ riċerka biex jipparteċipa fil-proċess ta’ medjazzjoni. Kwalunkwe parti mistiedna biex tissieħeb fil-medjazzjoni mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ma għandhiex tkun obbligata tipparteċipa fil-proċess ta’ medjazzjoni.
(8) Il-parteċipazzjoni fil-medjazzjoni ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-partijiet li jibdew proċedimenti ġudizzjarji fi kwalunkwe ħin qabel, matul jew wara l-medjazzjoni.
(9) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jistabbilixxi terminu għall-medjazzjoni, li ma għandux jaqbeż l-40 jum ta’ xogħol li jibdew fil-jum tal-bidu tal-medjazzjoni skont il-paragrafu 4.
(10) Il-medjatur jista’ jtemm il-medjazzjoni aktar kmieni f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta waħda mill-partijiet titlob b’mod espliċitu li tintemm il-medjazzjoni; |
|
(b) |
meta jkun jidher ċar li l-imġiba tal-partijiet matul il-medjazzjoni, inkluż in-nuqqas ta’ involviment in bona fide, tagħmilha improbabbli li jintlaħaq ftehim. |
(11) Meta l-medjazzjoni tirriżulta fi ftehim bejn il-partijiet, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis tali ftehim u, meta xieraq, għandu jimmodifika t-talba motivata u jinforma lir-riċerkatur prinċipali dwar il-modifika.
(12) Meta l-partijiet ma jaslux biex jilħqu ftehim, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jinnotifika lill-fornitur tad-data li d-deċiżjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment dwar it-talba għal emenda, kif ikkomunikata l-aħħar skont l-Artikolu 40(6), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, għandha titqies valida u għandha sservi bħala l-bażi rilevanti għal passi ulterjuri fil-proċess u jinforma lir-riċerkatur prinċipali.
(13) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jirreġistra f’AGORA reġistrazzjoni sommarja tal-medjazzjoni, imħejjija mill-medjatur u ffirmata mill-partijiet kollha. Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
id-data tat-talba bil-miktub għall-medjazzjoni mill-fornitur tad-data; |
|
(b) |
l-identitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-partijiet; |
|
(c) |
id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-medjazzjoni; |
|
(d) |
l-eżitu tal-medjazzjoni, inkluż kwalunkwe ftehim milħuq jew ir-raġuni għat-terminazzjoni tal-medjazzjoni. |
Artikolu 14
Konsultazzjoni ta’ esperti indipendenti
(1) Qabel ma jifformula talba motivata, jew jieħu deċiżjoni dwar talba għal emenda, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jista’ jiddeċiedi li jikkonsulta lill-esperti.
(2) L-esperti għandhom ikunu indipendenti u imparzjali, ikollhom għarfien espert rilevanti u ħiliet ippruvati u għandu jkollhom il-kapaċità u r-riżorsi biex iwettqu l-kompitu identifikat, mingħajr dewmien żejjed.
(3) Biex jiċċertifikaw l-imparzjalità, l-esperti għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tikkonferma li:
|
(a) |
ma għandhom l-ebda rabta finanzjarja jew personali mal-fornitur tad-data jew mar-riċerkaturi applikanti; |
|
(b) |
ma għandhom l-ebda interess fl-eżitu tal-proċess ta’ aċċess għad-data; |
|
(c) |
huma ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess. |
(4) Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, mingħajr dewmien żejjed, jikkodifika f’AGORA kwalunkwe konsultazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1, flimkien mal-opinjoni esperta riċevuta b’rispons għall-konsultazzjoni.
KAPITOLU IV
KUNDIZZJONIJIET GĦALL-FORNIMENT TAD-DATA MITLUBA LIR-RIĊERKATURI VERIFIKATI
Artikolu 15
Kondiviżjoni tad-data u dokumentazzjoni tad-data
(1) Il-fornituri tad-data għandhom jinnotifikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol mill-fatt:
|
(a) |
li l-aċċess għad-data mitluba jkun ġie pprovdut lil riċerkaturi verifikati, f’konformità mat-talba motivata; |
|
(b) |
li l-aċċess għar-riċerkaturi verifikati jkun ġie tterminat. |
(2) Il-fornituri tad-data għandhom jipprovdu lir-riċerkaturi verifikati bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-aċċess u għall-fehim tad-data mitluba, bħal kodiċijiet anonimizzati, reġistri tal-modifiki u dokumentazzjoni arkitettonika. F’każijiet li fihom l-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jirriżulta f’vulnerabbiltà sinifikanti tas-servizzi tal-fornitur tad-data, il-fornitur tad-data għandu jinnotifika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment b’dak ir-riskju u, meta possibbli, għandu jipproponi informazzjoni alternattiva.
(3) Meta jipprovdu aċċess għad-data, il-fornituri tad-data ma għandhomx jimponu fuq ir-riċerkaturi verifikati rekwiżiti ta’ ġestjoni tad-data bħal rekwiżiti ta’ arkivjar, ħżin, aġġornament u tħassir, jew limitazzjonijiet għall-użu ta’ għodod analitiċi standard, li jistgħu jfixklu t-twettiq tar-riċerka rilevanti, sakemm tali rekwiżiti jew limitazzjonijiet ma jkunux imsemmija b’mod espliċitu fit-talba motivata.
(4) Meta tiġi pproċessata data personali, il-fornituri tad-data ma għandhom jimponu l-ebda kundizzjoni fuq ir-riċerkaturi verifikati b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali kondiviża għajr dawk speċifikati fit-talba motivata.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/607 tal-15 ta’ Frar 2024 dwar l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L, 2024/607, 16.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/607/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/868/oj).
(6) Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/790/oj).
ANNESS
Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni bħala proċessur għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fil-kuntest tal-portal tal-aċċess għad-data tad-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act)
1.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tiżgura infrastruttura tal-IT sigura u affidabbli, il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, f’isem il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, li tappoġġa u tissimplifika l-ġestjoni tal-proċess tal-aċċess għad-data għar-riċerkaturi, għall-organizzazzjonijiet tar-riċerka, għall-fornituri tad-data u għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali.
2.
Biex tissodisfa l-obbligi tagħha bħala proċessur għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni tista’ tuża partijiet terzi bħala sottoproċessuri. Jekk dan ikun il-każ, il-kontrolluri għandhom jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tuża sottoproċessuri jew biex tissostitwixxi s-sottoproċessuri meta meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kontrolluri dwar dan l-użu jew dwar is-sostituzzjoni tas-sottoproċessuri, u b’hekk tagħti lill-kontrolluri l-opportunità li joġġezzjonaw għal kwalunkwe bidla bħal din. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istess obbligi tal-protezzjoni tad-data kif stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal dawn is-sottoproċessuri.
3.
L-ipproċessar mill-Kummissjoni għandu jipproċessa d-data personali biss sa fejn dan ikun meħtieġ:|
(a) |
għall-awtentikazzjoni u l-kontroll tal-aċċess fir-rigward tal-utenti kollha tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(b) |
għall-implimentazzjoni tal-awtorizzazzjoni tat-talbiet mill-utenti tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA biex joħolqu, jaġġornaw u jħassru kwalunkwe informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(c) |
għar-riċeviment tad-data personali msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament imtella’ mill-utenti tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(d) |
għall-ħżin tad-data personali fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(e) |
għat-tħassir tad-data personali fid-data tal-iskadenza tagħha jew fuq struzzjoni tal-kontrollur; |
|
(f) |
wara li jintemm il-forniment tas-servizzi pprovduti mill-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, għat-tħassir ta’ kwalunkwe data personali li jkun fadal sakemm id-drittijiet tal-Unjoni jew tal-Istat Membru ma jkunux jirrikjedu li din id-data personali tinħażen. |
4.
Il-Kummissjoni għandha tieħu kull miżura ta’ sigurtà organizzazzjonali, fiżika u loġika l-aktar avvanzata biex tiżgura li l-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jiffunzjona. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:|
(a) |
tinnomina entità responsabbli għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, tikkomunika l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha lill-kontrolluri u tiżgura d-disponibbiltà tagħha biex tirreaġixxi għal theddid għas-sigurtà; |
|
(b) |
tieħu r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, inkluż it-twettiq regolari ta’ testijiet, ta’ evalwazzjonijiet u ta’ valutazzjonijiet tal-miżuri ta’ sigurtà. |
5.
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex tevita li tikkomprometti l-funzjonament operazzjonali bla xkiel tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA. Dan għandu jinkludi:|
(a) |
proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jiġi identifikat u stmat it-theddid potenzjali għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(b) |
proċedura ta’ awditu u ta’ rieżami biex:
|
|
(c) |
tinbidel il-proċedura ta’ kontroll biex jiġi ddokumentat u mkejjel l-impatt ta’ bidla qabel l-implimentazzjoni tagħha, u sabiex il-kontrolluri jinżammu infurmati dwar kull bidla li tista’ taffettwa l-komunikazzjoni mal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA u/jew is-sigurtà tagħha; |
|
(d) |
tiġi stabbilita proċedura ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija biex jiġu speċifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu meta għandhom jitwettqu l-manutenzjoni u/jew it-tiswija tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(e) |
tiġi stabbilita proċedura għall-inċidenti tas-sigurtà biex tiġi definita l-iskema ta’ rapportar u ta’ eskalazzjoni, biex il-kontrolluri affettwati jiġu infurmati mingħajr dewmien, biex il-kontrolluri jiġu infurmati mingħajr dewmien sabiex jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data dwar kwalunkwe ksur tad-data personali u biex jiġi definit proċess dixxiplinari għat-trattament tal-każijiet ta’ ksur tas-sigurtà fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA. |
6.
Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri ta’ sigurtà fiżiċi u/jew loġiċi l-aktar avvanzati għall-faċilitajiet li jospitaw il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA u għall-kontrolli tad-data tal-aċċess tas-sigurtà tagħha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:|
(a) |
tinforza s-sigurtà fiżika biex tistabbilixxi perimetri ta’ sigurtà distintivi u tippermetti l-identifikazzjoni ta’ ksur fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(b) |
tikkontrolla l-aċċess għall-faċilitajiet tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(c) |
tiżgura li t-tagħmir ma jkunx jista’ jiġi miżjud, sostitwit jew imneħħi mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korpi responsabbli nominati; |
|
(d) |
tikkontrolla l-aċċess mill-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA u għalih; |
|
(e) |
tiżgura li l-utenti tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA li jaċċessaw il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA jiġu awtentikati; |
|
(f) |
twettaq rieżami tad-drittijiet ta’ awtorizzazzjoni relatati mal-aċċess għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA f’każ ta’ ksur tas-sigurtà li jaffettwa l-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(g) |
iżżomm l-integrità tal-informazzjoni trażmessa permezz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(h) |
timplimenta miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzazzjonali għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għad-data personali fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(i) |
timplimenta, kull meta jkun meħtieġ, miżuri biex jimblukkaw l-aċċess mhux awtorizzat għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA (jiġifieri l-imblukkar ta’ pożizzjoni ġeografika/indirizz IP). |
7.
Il-Kummissjoni għandha:|
(a) |
tieħu passi biex tipproteġi d-dominju tagħha, fosthom billi taqtal-konnessjonijiet, f’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali mill-prinċipji u mill-kunċetti ta’ kwalità u ta’ sigurtà; |
|
(b) |
iżżomm pjan ta’ ġestjoni tar-riskju marbut mal-qasam ta’ responsabbiltà tagħha; |
|
(c) |
timmonitorja, f’ħin reali, il-prestazzjoni tal-komponenti kollha tas-servizz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA, tipproduċi statistika regolari u żżomm ir-rekords; |
|
(d) |
tipprovdi appoġġ għall-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA bl-Ingliż lill-utenti tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(e) |
tgħin lill-kontrolluri permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex il-kontrollur iwettaq l-obbligu tiegħu li jirrispondi għat-talbiet biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tas-suġġett tad-data stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(f) |
tappoġġa lill-kontrolluri billi tipprovdi informazzjoni dwar il-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA biex jiġu implimentati l-obbligi skont l-Artikoli 32, 33, 34, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(g) |
tiżgura li d-data pproċessata fil-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA ma tinftiehem minn ebda persuna li ma għandhiex l-awtorizzazzjoni li taċċessaha; |
|
(h) |
tieħu l-miżuri rilevanti kollha biex tipprevjeni l-aċċess mhux awtorizzat għad-data personali trażmessa permezz tal-portal tal-aċċess għad-data tad-DSA; |
|
(i) |
tieħu l-miżuri sabiex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri; |
|
(j) |
iżżomm rekord tal-attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem il-kontrolluri f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2050/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)