European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2040

23.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2040

tat-23 ta’ Ottubru 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk kien ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-appoġġ kontinwu pprovdut mir-reġim Belarussu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u appella lill-Belarussja biex toqgħod lura minn tali azzjoni u tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha.

(4)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jixraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(5)

B’mod partikolari, jixraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha billi żżid oġġetti li ntużaw mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u oġġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew il-produzzjoni tas-sistemi militari tal-Belarussja, inkluż komponenti elettroniċi, rangefinders, sustanzi kimiċi addizzjonali użati fit-tħejjija ta’ propellanti, u metalli, ossidi u ligi addizzjonali użati fil-manifattura ta’ sistemi militari.

(6)

Jixraq ukoll li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-Belarussja, bħal mluħ u minerali, oġġetti tal-lastku, tubi, tajers, ħaġar tal-mitħna u materjali tal-kostruzzjoni.

(7)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu imposti aktar restrizzjonijiet fuq il-forniment, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, ta’ software b’ċerti użi fis-settur bankarju u finanzjarju u servizzi li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-Belarussja, jiġifieri l-forniment ta’ ċerti servizzi kummerċjali bbażati fl-ispazju, ċerti servizzi tal-intelliġenza artifiċjali u tal-computing ta’ prestazzjoni għolja u servizzi tal-computing kwantistiku. Barra minn hekk, huwa pertinenti li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjonijiet attwali biex tkopri mhux biss l-ittestjar u l-analiżi tekniċi, kif ikklassifikati fil-klassi 8676 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali tal-Prodotti kif stabbilit fl-Uffiċċju tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dokumenti dwar l-Istatistika, Serje M, Nru 77, CPC prov., 1991, iżda wkoll servizzi oħra li jiffurmaw il-grupp 867 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali tal-Prodotti. Dawn is-servizzi jinkludu b’mod partikolari, kif ikklassifikati fil-klassi 8675, is-servizzi ta’ konsulenza xjentifika u teknika relatati mal-inġinerija li ġejjin: servizzi ta’ tiftix ġeoloġiku, ġeofiżiku u xjentifiku ieħor, stħarriġ taħt il-wiċċ tal-art, stħarriġ tal-wiċċ tal-art u servizzi tal-produzzjoni tal-mapep.

(8)

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għadha għaddejja kontra l-Ukrajna, li fiha hija involuta l-Belarussja, kwalunkwe forniment ulterjuri ta’ servizzi lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jenħtieġ li jiġi vvalutat ex ante minn awtorità kompetenti, sabiex jittaffa r-riskju li servizz jikkontribwixxi għall-kapaċità militari, teknoloġika jew industrijali tal-Belarussja. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi introdott rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti għal kwalunkwe servizz ipprovdut lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha li mhumiex diġà soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(9)

Huwa xieraq ukoll li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi, fuq il-forniment tas-servizzi ta’ pagament imsemmija fil-punti 5 u 7 tal-Anness I għad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u dwar il-ħruġ ta’ flus elettroniċi lil ċittadini Belarussi, persuni fiżiċi residenti fil-Belarussja, u persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja, fid-dawl tal-importanza ta’ dawk is-servizzi għall-iżvilupp tas-setturi tat-teknoloġija finanzjarja u tal-kummerċ elettroniku tal-Belarussja u l-użu potenzjali ta’ servizzi tal-kriptoassi biex jiġu evitati miżuri restrittivi. Dawk ir-restrizzjonijiet ma jestendux għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament kif imsemmi fil-punti 3 u 4 tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2366. Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament ma jinftehmux bħala li jimponu obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament biex jiddeterminaw in-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post ta’ stabbiliment tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament għal kull tranżazzjoni, u lanqas fuq l-akkwirenti ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament biex iwettqu skrinjar tas-sanzjonijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali ta’ pagament b’kard. Ir-responsabbiltà primarja għall-konformità mas-sanzjonijiet fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament hija tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jiġġestixxi l-kont. Ir-restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi huma vinkolanti ukoll fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li joperaw taħt ir-reġim tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 143(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(10)

Barra minn hekk, huwa xieraq ukoll li jiżdiedu l-eżenzjonijiet meħtieġa għal finijiet umanitarji, għall-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi jew agrikoli u tal-ikel, biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali fi Stat Membru, u għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru. Dawk l-eżenzjonijiet u d-deroga huma mingħajr preġudizzju għall-projbizzjoni fuq l-operaturi fl-Unjoni li jipprovdu servizzi ta’ messaġġi finanzjarji lill-entitajiet elenkati fl-Anness V tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(11)

Sabiex jitnaqqas aktar id-dħul tal-Belarussja huwa pertinenti l-projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment ta’ ċerti oġġetti li jippermettu lill-Belarussja tiddiversivika s-sorsi tagħha ta’ dħul għall-idrokarburi aċikliċi kollha.

(12)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1b huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3c.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2501, 2505, 2507, 2513, 2516, 2517, 2528, 2606, 6804, 6815 u 6903, kif elenkat fl-Anness XVIII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, li jkunu meħtieġa għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Jannar 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ Ottubru 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

3d.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 6902 u 6909 19, kif elenkat fl-Anness XVIII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, li jkunu meħtieġa għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ April 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ Ottubru 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(b)

il-paragrafu 9 jitħassar;

(2)

fl-Artikolu 2ea, jitħassar il-paragrafu 5;

(3)

l-Artikolu 2hc huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ servizzi tal-kontabilità, servizzi ta’ awditjar, inkluż awditjar statutorju, żamma tal-kotba, konsulenza dwar it-taxxa u konsulenza dwar in-negozju u konsulenza maniġerjali, jew servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi lil:”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, servizzi ta’ kostruzzjoni, ta’ arkitettura, ta’ inġinerija integrata, ta’ ppjanar urban, ta’ konsulenza xjentifika u teknika relatata mal-inġinerija jew servizzi ta’ ttestjar u analiżi tekniċi, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT lil:”

;

(c)

fil-paragrafu 3, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta’ reklamar, riċerka tas-suq jew servizzi ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika lil:”

;

(d)

fil-paragrafu 4, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-proviżjoni, direttament jew indirettament, ta’ software għall-ġestjoni ta’ intrapriżi u software għad-disinn u l-manifattura industrijali jew software b’ċerti użi fis-settur bankarju u finanzjarju, lil:”

;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Għandu jkun ipprojbit, mill-25 ta’ Novembru 2025, il-forniment, diretta jew indirett, ta’ servizzi kummerċjali bbażati fl-ispazju li jikkonsistu f’osservazzjoni tad-Dinja jew navigazzjoni satellitari, servizzi ta’ intelliġenza artifiċjali (AI) li jikkonsistu f’aċċess għal mudelli jew għal pjattaformi għat-taħriġ, l-irfinar u l-inferenza tagħhom, jew computing ta’ prestazzjoni għolja, inkluż l-aċċess għall-computing aċċellerat tal-unità tal-ipproċessar grafiku, jew għas-servizzi tal-computing kwantistiku lil:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.”

;

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej;

“5.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti dirett jew indirett ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mas-servizzi u s-software imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4a, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp;

(b)

l-għoti dirett jew indirett ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mas-servizzi u mas-software msemmija fil-paragrafi 1 sa 4a, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew għall-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostittwixxi sigrieti kummerċjali relatati mas-software msemmi fil-paragrafu 4 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dak is-software direttament jew indirettament lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp.”

;

(g)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-forniment, dirett jew indirett, ta’ kwalunkwe servizz mhux kopert mill-paragrafi 1, 2, 3 jew 4a, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, abbażi ta’ valutazzjoni speċifika u każ b’każ, il-forniment ta’ tali servizzi, b’tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li t dan huwa konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni.”

;

(h)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 4 u l-projbizzjonijiet relatati ma’ servizzi kummerċjali bbażati fl-ispazju fil-paragrafu 4a ma għandhomx japplikaw għall-għoti ta’ servizzi u software meħtieġa għal emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.”

;

(i)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“10a.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 4 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ software b’ċerti użi fis-settur bankarju u finanzjarju kif elenkati fl-Anness XXVI tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Jannar 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ Ottubru 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

10b.   Il-paragrafu 5a ma għandux japplika għall-eżekuzzjoni sal-1 ta’ Jannar 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ Ottubru 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti”

;

(j)

il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.   B’deroga mill-projbizzjonijiet relatati mas-software fil-paragrafu 4 u mill-projbizzjonijiet relatati mal-forniment ta’ servizzi tal-intelliġenza artifiċjali u tal-computing ta’ prestazzjoni għolja jew servizzi tal-computing kwantistiku fil-paragrafu 4a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ software u servizzi msemmija fih, b’tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li s-software jew is-servizzi huma strettament meħtieġa għall-kontribut taċ-ċittadini Belarussi għal proġetti internazzjonali b’sors miftuħ.”

;

(k)

fil-paragrafu 13, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“13.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ servizzi u software msemmijin fih, bil-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa meħtieġa għal:”

;

(l)

il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5a u l-paragrafi 11 sa 14 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(4)

fl-Artikolu 2ra, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“9b.   Fir-rigward tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2901 10 00, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Jannar 2026 mill-kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ Ottubru 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

9c.   Mis-26 ta’ Jannar 2026 sal-25 ta’ Lulju 2026, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għax-xiri jew l-importazzjoni lejn l-Ungerija ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2901 10 00 li joriġinaw mill-Belarussja jew li huma esportati mill-Belarussja, dment li l-oġġetti jkunu maħsuba għall-użu esklużiv fl-Ungerija.

9d.   L-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2901 10 00 importati lejn l-Ungerija skont l-eżenzjoni fil-paragrafu 9c ma għandhomx jinbiegħu lil xerrejja li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.”

;

(5)

fl-Artikolu 2s jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3ab.   B’deroga mill-paragrafu 1a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fl-Anness XIVa tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma meħtieġa:

(a)

għal skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet;

(b)

għall-użu esklussiv u taħt il-kontroll sħiħ tal-Istat Membru li jawtorizza u sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ manutenzjoni tiegħu f’żoni li huma taħt ftehim ta’ kiri fit-tul bejn dak l-Istat Membru u l-Belarussja; jew

(c)

għall-istabbiliment, it-tħaddim, il-manutenzjoni, il-forniment u t-trattament mill-ġdid ta’ fjuwil u s-sikurezza ta’ kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar meħtieġa għat-tlestija ta’ faċilitajiet nukleari ċivili, il-forniment ta’ materjal prekursur għall-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.”

;

(6)

l-Artikolu 2u huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, tas-servizzi li ġejjin lil ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja:

(a)

servizzi tal-kriptoassi, kif definit fir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(b)

ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament, il-kisba ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, jew servizzi ta’ bidu ta’ pagament, kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(c)

ħruġ ta’ flus elettroniċi, kif definit fid-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj)."

(*2)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj)."

(*3)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/110/oj.)”;"

(b)

il-paragrafu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1b.   Għandu jkun ipprojbit mis-26 ta’ Marzu 2025 li ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja jitħallew direttament jew indirettament ikollhom is-sjieda jew jikkontrollaw, jew li jokkupaw kwalunkwe kariga fil-korpi ta’ tmexxija ta’, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru u li jkunu qed jipprovdu servizzi ta’ kartiera, kontijiet jew kustodja ta’ kriptoassi.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi (1) u (1a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-forniment ta’ tali servizz, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-forniment ta’ tali servizz huwa:

(a)

meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1 u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom, inkluż pagamenti għall-ikel, il-kera jew l-ipoteka, għal mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni;

(d)

meħtieġa għal skopijiet uffiċjali ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali;

(e)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ rutina ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(f)

meħtieġa għall-kummerċ transfruntier mhux ipprojbit ta’ oġġetti u servizzi bejn l-Unjoni u l-Belarussja”

;

(d)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1a, il-punti (b) u (c), ma għandhiex tapplika għall-forniment ta’ kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà meħtieġa biex jiġi aċċessat kont ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni tal-flus elettroniċi stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż kif elenkat fl-Anness IVa.

4b.   B’deroga mill-paragrafu 1a, il-punti (b) u (c), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ tali servizz, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan ikun meħtieġ għall-użu esklużiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati biss jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż kif elenkat fl-Anness IVa.

4c.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 4, il-punti (a), (b), (d), (e) jew (f), u l-paragrafu 4b fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(e)

fil-paragrafu 5, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.   B’deroga mill-Artikoli 2u(1) u (1a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-forniment ta’ tali servizz, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-forniment ta’ tali servizz huwa meħtieġ għal:”

;

(7)

fl-Artikolu 2y, jiżdiedu l-punti li ġejjin fil-paragrafu 1a:

“(c)

meħtieġa għall-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi jew agrikoli u tal-ikel, inkluż qamħ u fertilizzanti li l-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew it-trasport tagħhom lejn il-Belarussja huma permessi skont din id-Deċiżjoni;

(d)

meħtieġa strettament biex jiżguraw l-aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, kif ukoll għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni; jew

(e)

meħtieġa għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2040/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)