European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2037

23.10.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/2037

tat-23 ta’ Ottubru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lill-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(2)

Fit-23 ta’ Ottubru 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/2036 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/2036 tintroduċi kriterju addizzjonali għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli minn, jappoġġaw jew jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jikkontribwixxu għad-deportazzjoni, it-trasferiment furzat, l-assimilazzjoni furzata, inkluża l-indottrinazzjoni, jew l-edukazzjoni militarizzata ta’ minorenni Ukreni.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/2036 testendi wkoll għal żewġ kumpaniji tal-assigurazzjoni elenkati d-deroga eżistenti relatata ma’ pagamenti li jikkostitwixxu indennizz jew benefiċċju ipprovdut ulterjorment lill-materjalizzazzjoni ta’ riskju.

(5)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(6)

Huwa xieraq li tiġi armonizzata t-terminoloġija fl-atti legali kollha tal-Unjoni u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 u l-allinjament tiegħu ma’ oqfsa ta’ miżuri restrittivi oħra tal-Unjoni. Tali koerenza hija essenzjali biex tiġi evitata l-ambigwità, tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fid-diversi reġimi ta’ sanzjonijiet. Huwa għalhekk xieraq li jiġi inkluż fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 definizzjonijiet ta’ “proprjetà” u “kontroll” ta’ persuna ġuridika, entità jew korp, biex isir allinjament mad-definizzjonijiet utilizzati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (4).

(7)

Huwa xieraq ukoll li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni dwar l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni elenkati u l-projbizzjoni fuq li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal tali persuni.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

‘proprjetà ta’’ persuna ġuridika, entità jew korp tfisser li tkun fil-pussess ta’ 50 % jew iktar tad-drittijiet proprjetarji ta’ persuna ġuridika, entità jew korp, jew li jkollok interess maġġoritarju fihom;

(j)

‘kontroll ta’’ persuna ġuridika, entità jew korp tfisser, iżda mhijiex limitata għal:

(i)

li wieħed ikollu d-dritt jew li jeżerċita s-setgħa li jaħtar jew ineħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ persuna ġuridika, entità jew korp;

(ii)

li wieħed ikun ħatar biss bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tal-vot maġġoranza tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li kellu kariga matul is-sena finanzjarja preżenti u dik ta’ qabel;

(iii)

li wieħed jikkontrolla waħdu, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ persuna ġuridika, entità jew korp, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik il-persuna ġuridika, entità jew dak il-korp;

(iv)

li wieħed ikollu d-dritt li jeżerċita influwenza dominanti fuq persuna ġuridika, entità jew korp, skont ftehim ma’ dik il-persuna ġuridika, l-entità jew dak il-korp jew dispożizzjoni fil-Memorandum u Statut ta’ Assoċjazzjoni tiegħu, li fih il-liġi li tirregola lil dik il-persuna ġuridika, l-entità jew dak il-korp tippermettilha li tiġi soġġetta għal tali ftehim jew dispożizzjoni;

(v)

li wieħed ikollu, de facto, s-setgħa ta’ eżerċizzju tad-dritt li jeżerċita l-influwenza dominanti msemmija fil-punt (iv), mingħajr ma jkun id-detentur ta’ dak id-dritt;

(vi)

li wieħed ikollu d-dritt li juża l-assi kollha jew parti minnhom ta’ persuna ġuridika, entità jew korp;

(vii)

li wieħed jimmaniġġja n-negozju ta’ persuna ġuridika, entità jew korp fuq bażi unifikata, filwaqt li jippubblika kontijiet konsolidati; jew

(viii)

li jikkondividi b’mod konġunt u in solidum ir-responsabbiltajiet finanzjarji ta’ persuna ġuridika, entità jew korp, jew jiggarantihom.”

;

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, jinżammu jew huma kkontrollati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness I.”

;

(3)

fl-Artikolu 3(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(n)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli minn, jappoġġaw jew jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jikkontribwixxu għad-deportazzjoni, it-trasferiment furzat, l-assimilazzjoni furzata, inkluża l-indottrinazzjoni, jew l-edukazzjoni militarizzata ta’ minorenni Ukreni,”

;

(4)

fl-Artikolu 6b, il-paragrafu 5e huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-kliem introduttorju, il-kliem “entità elenkata fl-entrata numru 270” huma sostitwiti bil-kliem “entitajiet elenkati fl-entrati bin-numri 56, 270 u 579”;

(b)

fil-punt (a), il-kliem “entità elenkata fl-entrata numru 270” huma sostitwiti bil-kliem “entitajiet elenkati fl-entrati bin-numri 56, 270 u 579”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/145(1)/oj.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/269/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2036 tat-23 ta’ Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L, 2025/2036, 23.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2036/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2580/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2037/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)