|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2015 |
13.10.2025 |
DEĊIŻJONI (UE) 2025/2015 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-23 ta’ Settembru 2025
dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija (BĊE/2025/33)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-Artikoli 46.2, l-ewwel inċiż tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (2)
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (4),
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-entrati tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/2) (5),
Filwaqt li:
|
(1) |
L-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026 tfisser li l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija ser ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ riżervi minimi minn dik id-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1). |
|
(2) |
L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluża l-Bulgarija. |
|
(3) |
L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f’waqtha fil-qasam tal-istatistika fid-dawl tal-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) japplikaw; |
|
(b) |
“istituzzjoni żgħira (‘tail’)” tfisser istituzzjoni żgħira kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (17), tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2). |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija
1. B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1), perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandu jiddekorri mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2026 għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija.
2. Il-bażi ta’ riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab fil-Bulgarija, bl-esklużjoni ta’ istituzzjonijiet żgħar, għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandha tiġi ddefinita b’rabta mal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2025. Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) għandu jitlob lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija biex jirrapportaw il-bażi ta’ riżerva tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2).
3. Il-bażi ta’ riżerva ta’ kull istituzzjoni żgħira li tinsab fil-Bulgarija għandha tiġi ddefinita b’rabta mal-karta tal-bilanċ tagħha fit-30 ta’ Settembru 2025. Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) għandu jitlob lill-istituzzjonijiet żgħar li jinsabu fil-Bulgarija biex jikkalkulaw il-bażi ta’ riżerva għall-perijodu tranżitorju ta’ manutenzjoni fuq il-bażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2025.
4. Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, jew istituzzjoni li tinsab fil-Bulgarija jew Българска народна банкаinkella (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi kwalunkwe reviżjonijiet tagħhom, għandhom jiġu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2025. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sad-19 ta’ Diċembru 2025, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.
5. L-Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta’ manutenzjoni inizjali tagħhom, inaqqsu mill-bażijiet ta’ riżerva tagħhom kwalunkwe obbligazzjoni dovuta lil istituzzjonijiet fil-Bulgarija, għalkemm fiż-żmien meta jiġu kkalkulati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ riżervi minimi msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).
Artikolu 3
Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro
1. Il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro bis-saħħa tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) għandu jibqa’ mhux effettwat mill-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija kif previst fl-Artikolu 2(1).
2. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu mill-bażi ta’ riżerva tagħhom għall-perjodi ta’ manutenzjoni mit-23 ta’ Diċembru 2025 sal-10 ta’ Frar 2026 u mill-11 ta’ Frar sal-24 ta’ Marzu 2026 kwalunkwe obbligazzjoni dovuta lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija, għalkemm fiż-żmien li r-riżervi minimi jiġu kkalkulati tali istituzzjonijiet mhux se jidhru fuq il-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għal rekwiżiti ta’ riżervi minimi msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1).
3. Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jiddeċiedu li jnaqqsu l-obbligazzjonijiet dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija skont il-paragrafu 2 għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mit-23 ta’ Diċembru 2025 sal-10 ta’ Frar 2026 u mill-11 ta’ Frar sal-24 ta’ Marzu 2026, jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Ottubru 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025 rispettivament u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija bħala diġà soġġetti għas-sistema ta’ riżervi minimi tal-BĊE.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2), li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tabelli għandhom ikunu rrapportati skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2).
4. Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2025 u Frar 2026, l-istituzzjonijiet iż-żgħar li jinsabu fi Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro li jiddeċiedu li jnaqqsu l-obbligazzjonijiet dovuti lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija skont il-paragrafu 2 għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2025 u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija bħala diġà soġġetti għas-sistema ta’ riżerva minima tal-BĊE.
Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Marzu u f’Mejju 2026, l-istituzzjonijiet iż-żgħar li jinsabu fi Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro li jiddeċiedu li jnaqqsu l-obbligazzjonijiet dovuti lill-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija skont il-paragrafu 2 għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom fl-31 ta’ Diċembru 2025, u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija bħala diġà soġġetti għas-sistema ta’ riżerva minima tal-BĊE.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.
It-tagħrif statistiku għandu jkun irrapportat skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2).
Artikolu 4
Dispożizzjonijiet finali
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.
2. Għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2025.
3. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1) u (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2) għandhom japplikaw.
Artikolu 5
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), istituzzjonijiet li jinsabu fil-Bulgarija u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Settembru 2025.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2531/oj.
(2) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2532/oj.
(3) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2533/oj.
(4) ĠU L 73, 3.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/378/oj.
(5) ĠU L 73, 3.3.2021, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/379/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2015/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)