European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2014

22.12.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2024/823 dwar miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi jew li huma marbutin mal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/823 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025, jistabbilixxi sistema ta’ miżuri kummerċjali awtonomi (“ATMs”) bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji tal-Balkani tal-Punent billi jeżenta mid-dazji doganali u mill-imposti b’effett ekwivalenti, ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw mill-Balkani tal-Punent u billi jipprovdi aċċess għall-kwota tariffarja globali lil ċerti prodotti tal-inbid li joriġinaw mill-Balkani tal-Punent.

(2)

L-ATMs attwali għall-Balkani tal-Punent ikopru żewġ benefiċċji li fadal: l-ewwel nett, is-sospensjoni tad-dazji speċifiċi għall-frott u l-ħxejjex kollha li huma soġġetti għas-sistema tal-prezz tad-dħul; u, t-tieni, aċċess għal kwota tariffarja globali għall-inbid li hija disponibbli fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel ladarba l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ikunu eżawrew il-kwota nazzjonali fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“FSA”) rispettiv tagħhom. Minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-ATMs attwali, dawk l-ATMs jibqgħu importanti.

(3)

Is-sistema tal-ATMs tikkostitwixxi appoġġ siewi għall-ekonomiji tas-sħab tal-Balkani tal-Punent filwaqt li ma toħloqx effetti negattivi għall-Unjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tappoġġa l-ekonomiji vulnerabbli tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/823 għal ħames snin addizzjonali. Dik l-estensjoni turi l-impenn qawwi tal-Unjoni għall-integrazzjoni kummerċjali tal-Balkani tal-Punent.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/823 sal-31 ta’ Diċembru 2030.

(6)

L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-ATMs hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent.

(7)

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo (*1) (4), l-aħħar wieħed mill-FSA li daħal fis-seħħ, ir-referenzi għall-konċessjonijiet kummerċjali tas-sajd fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2024/823 jenħtieġ li jitħassru peress li dawk il-kwoti ġew trasferiti għall-partijiet benefiċjarji kollha għall-FSA bilaterali rispettivi.

(8)

L-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/823 jipprevedu mekkaniżmi konfliġġenti għas-sospensjoni tal-benefiċċji u li għalhekk għandhom jiġu emendati, sabiex tinħoloq ċertezza legali,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2024/823 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kondizzjonijiet għad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali, u għas-sospensjoni relatata”

;

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-involviment tal-partijiet benefiċjarji f’kooperazzjoni amministrattiva effettiva mal-Unjoni, inkluż kif meħtieġ għall-verifika tal-evidenza tal-oriġini, sabiex jipprevenu kwalunkwe riskju ta’ frodi; u”

;

(c)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Fil-każ ta’ non-konformità minn parti benefiċjarja mal-paragrafu 1, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tissospendi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ parti benefiċjarja kkonċernata għall-benefiċċji skont dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 6.”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 10, fid-dawl tas-sensittività partikolari tas-swieq agrikoli, meta l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli jikkawżaw tfixkil serju lis-swieq tal-Unjoni u lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri xierqa permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8(3).”

;

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Miżuri oħra ta’ sospensjoni temporanja”

;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta’ frodi jew li hemm żieda enormi fl-importazzjoni ġewwa l-Unjoni li taqbeż il-livell tal-kapaċità normali ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni, hija tista’ tieħu miżuri biex tissospendi totalment jew parzjalment l-arranġamenti previsti f’dan ir-Regolament għal perjodu ta’ tliet xhur, dment li l-ewwel tkun:”

;

(4)

fl-Artikolu 12, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2030.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Novembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2025.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/823 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 dwar ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew li huma marbutin miegħu (ĠU L, 2024/823, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/823/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (ĠU L, 2024/1449, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1449/oj).

(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(4)  Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda u l-Kosovo *, min-naħa l-oħra (ĠU L 71, 16.3.2016, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/342/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2014/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)