European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2007

2.10.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2007

tad-29 ta’ Settembru 2025

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ethical selection of European representatives” (Selezzjoni etika ta’ rappreżentanti Ewropej), skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2025) 6500)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2025, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ethical selection of European representatives” (Selezzjoni etika ta’ rappreżentanti Ewropej). L-għan tal-inizjattiva, kif espress mill-organizzaturi, kien li titlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni “li tintroduċi kriterji komuni għall-għażla etika, trasparenti u verifikabbli ta’ kandidati għall-kariga pubblika Ewropea”.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2025 (C(2025) 5234 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa fit-30 ta’ Ġunju 2025, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788 għax il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tipproponi leġiżlazzjoni li tintroduċi kriterji komuni għall-għażla ta’ kandidati għal kariga pubblika Ewropea, peress li l-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinħatru wara proċeduri stabbiliti fid-dritt primarju.

(3)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788.

(4)

Fid-29 ta’ Awwissu 2025, il-grupp ta’ organizzaturi ressaq inizjattiva emendata.

(5)

L-għanijiet tal-inizjattiva emendata, kif espressi mill-organizzaturi, huwa li jistiednu lill-Kummissjoni: (i) “toħroġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 292 tat-TFUE li tistieden lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi jintroduċu standards minimi dwar l-etika, l-idoneità psikoloġika u l-kompetenza għall-għażla interna tal-kandidati biex joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali”; (ii) tadotta “Kodiċi ta’ Etika Ewropew volontarju” għall-kandidati; u (iii) tniedi “kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika u edukazzjoni”. L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha. L-organizzaturi ppreżentaw ukoll abbozz ta’ att legali bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom.

(6)

Rigward l-ewwel miżura, jiġifieri li l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni “li tappella lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi jintroduċu standards minimi dwar l-etika, l-idoneità psikoloġika u l-kompetenza għall-għażla interna ta’ kandidati biex joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali”, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-inizjattiva ma tistedinx lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Għalhekk, din il-miżura ma tissodisfax ir-rekwiżit legali fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. Barra minn hekk, anki jekk it-talba għar-reġistrazzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tkopri l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jiġu introdotti tali standards minimi, id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-organizzaturi ma jagħtux lill-Unjoni l-kompetenza li tadotta tali rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 223 tat-TFUE, li jagħti lill-Kunsill, wara proposta mill-Parlament Ewropew, il-kompetenza li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, ma jagħti l-ebda rwol lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa li tippreżenta proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jiġu introdotti standards minimi għas-selezzjoni tal-kandidati għall-elezzjonijiet.

(7)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tieni u t-tielet miżuri, li permezz tagħhom l-organizzaturi jistiednu lill-Kummissjoni tadotta “Kodiċi ta’ Etika Ewropew volontarju” għall-kandidati u tniedi “kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni pubblika”, ma jitolbux lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Għalhekk, dawn il-miżuri ma jissodisfawx ir-rekwiżit legali fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788.

(8)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva bl-isem “Ethical selection of European representatives” (Selezzjoni etika ta’ rappreżentanti Ewropej) taqa’ biċ-ċar barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati fit-tifsira tal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788.

(9)

Għaldaqstant it-talba għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi rrifjutata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “Ethical selection of European representatives” (Selezzjoni etika ta’ rappreżentanti Ewropej) ma għandhiex tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Ethical selection of European representatives” (Selezzjoni etika ta’ rappreżentanti Ewropej), irrappreżentata minn Gian Elio DE MARCO u Jean-Pierre SAULNIER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2007/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)