|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1988 |
3.10.2025 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1988
tat-2 ta’ Ottubru 2025
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sustanzi per- u polifluworoalkilati fil-fowms għat-tifi tan-nar
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-sustanzi per- u polifluworoalkilati (“PFAS”, per- and polyfluoroalkyl substances) huma familja ta’ eluf ta’ sustanzi kimiċi sintetiċi li jintużaw ħafna fl-Unjoni, inkluż fil-fowms għat-tifi tan-nar. Il-PFAS huma definiti mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”, Organisation for Economic Co-operation and Development) bħala kwalunkwe sustanza li fiha mill-inqas atomu tal-karbonju wieħed kompletament fluworurat tal-metil (CF3) jew tal-metilen (CF2) (mingħajr ebda atomu ta’ H/Cl/Br/I marbut miegħu) (2). |
|
(2) |
Il-kriterju “persistenti ħafna” huwa stabbilit fil-punt 1.2.1 tal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Il-PFAS jaqbżu bil-kbir il-kriterju li għandu jitqies bħala persistenti ħafna u juru varjetà ta’ proprjetajiet perikolużi addizzjonali. Il-biċċa l-kbira jimxu fl-ilma u għalhekk iwasslu għall-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, l-ilma tas-superfiċe u l-bijota. Dan huwa ta’ tħassib partikolari meta jiġu affettwati s-sorsi tal-ilma tax-xorb. Xi PFAS huma karċinoġeni suspettati, jikkawżaw ħsara lit-tfal li qed jiżviluppaw u jikkawżaw effetti f’konċentrazzjoni baxxa f’organi bħall-fwied jew is-sistemi immunitarji. Hemm xi indikazzjonijiet li l-PFAS huma interferenti endokrinali potenzjali. Madankollu, ma hemmx biżżejjed data biex jiġu vvalutati b’mod kwantitattiv adegwat l-effetti tal-biċċa l-kbira tal-PFAS fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. |
|
(3) |
Fl-2019, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex telimina l-użi mhux essenzjali kollha tal-PFAS (3). Fl-2020, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenzi sodi biex tiżgura l-eliminazzjoni gradwali rapida tal-użi mhux essenzjali kollha tal-PFAS (4). Fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà (5), il-Kummissjoni semmiet li l-PFAS jirrikjedu attenzjoni speċjali u għalhekk ipproponiet sett komprensiv ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-użu tal-PFAS u l-kontaminazzjoni bihom. |
|
(4) |
L-impatti potenzjali tat-tniġġis mill-PFAS fuq l-ambjent u possibbilment fuq is-saħħa tal-bniedem qajmu tħassib f’diversi partijiet tad-dinja. L-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti adottaw approċċi għat-tnaqqis tar-riskju rigward il-PFAS (6). Id-Danimarka diġà adottat miżuri ddedikati biex tipprojbixxi l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-konċentrat tal-fowm għat-tifi tan-nar li fih il-PFAS f’siti tat-tħaffir. Ir-restrizzjonijiet nazzjonali potenzjalment ifixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għalhekk l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ restrizzjoni fuq il-fowm għat-tifi tan-nar li fih il-PFAS hija meħtieġa fil-livell tal-Unjoni. |
|
(5) |
Meta jitqies it-tħassib imqajjem fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-fowms għat-tifi tan-nar li fihom l-aċidu perfluworoottanojku (“PFOA”, perfluorooctanoic acid) ma’ oħrajn ibbażati fuq il-fluworu, kif ukoll id-disponibbiltà dejjem akbar ta’ alternattivi, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fl-Unjoni, fis-17 ta’ Lulju 2020, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) tħejji dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV ta’ dak ir-Regolament, bil-ħsieb ta’ restrizzjoni possibbli tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar (7). |
|
(6) |
Fit-23 ta’ Marzu 2022, l-Aġenzija ppreżentat id-dossier tal-Anness XV, li ġie emendat u ffinalizzat fit-13 ta’ Jannar 2023 (“id-dossier”) (8). Id-dossier wera li madwar 30 000 tunnellata ta’ fowms għat-tifi tan-nar jiġu prodotti fl-Unjoni kull sena minn madwar 25 kumpanija. Minkejja r-restrizzjonijiet preċedenti fuq ċerti PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, 18 000 tunnellata (60 %) tat-tunnellaġġ ifformulat attwali ta’ fowms għat-tifi tan-nar fihom il-PFAS. Id-dossier stima emissjoni annwali totali ta’ madwar 470 tunnellata ta’ PFAS mill-formulazzjoni, mit-taħriġ u mill-użu f’inċidenti ta’ nirien. |
|
(7) |
Il-fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS jintużaw għat-tifi tan-nirien li jinvolvu likwidi fjammabbli (“nirien tal-klassi B”) f’varjetà ta’ setturi (eż., is-settur taż-żejt/(petro)kimiku, is-servizzi muniċipali tat-tifi tan-nar, l-applikazzjonijiet tal-baħar, l-ajruporti, id-difiża u l-apparat tat-tifi tan-nar portabbli). Bil-bosta, l-akbar settur tal-użu huwa l-industrija taż-żejt/(petro)kimika li tikkonsma 59 % tat-tunnellaġġ annwali ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS fl-Unjoni. Il-fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS jintużaw kemm għat-taħriġ kif ukoll f’varjetà ta’ inċidenti ta’ nirien “reali”, li jvarjaw minn nirien żgħar għal nirien kbar fit-tankijiet. Jekk ma jkunx regolat, l-użu kontinwu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar se jwassal għal żieda fil-kontaminazzjoni ambjentali, għal emissjonijiet ambjentali kontinwi u għal aktar esponiment tal-bniedem. |
|
(8) |
L-Aġenzija kkonkludiet li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar fl-Unjoni mhumiex ikkontrollati b’mod adegwat u li restrizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 hija l-aktar mezz xieraq biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Hija meħtieġa azzjoni fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji assoċjati mal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar biex jiġi żgurat livell għoli armonizzat ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fl-Unjoni kollha u biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti fl-Unjoni. |
|
(9) |
Id-dossier ikkonkluda wkoll li l-identitajiet preċiżi tal-PFAS speċifiċi li bħalissa jintużaw fil-fowms għat-tifi tan-nar fil-biċċa l-kbira mhumiex magħrufa minħabba l-kunfidenzjalità tal-manifattur. Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija jirrapportaw li l-PFAS fil-biċċa l-kbira jappartjenu għall-kategorija tat-tul tal-katina C6 li huma sustanzi relatati mal-aċidu undekafluworoeżanojku. Madankollu, intużaw ukoll sustanzi bi strutturi ta’ tul tal-katina iqsar fil-fowms għat-tifi tan-nar u PFAS ġodda u mhux regolati jistgħu teoretikament jiġu żviluppati għall-użu fil-fowms għat-tifi tan-nar fil-futur. Konsegwentement, id-dossier ikkonkluda li restrizzjoni li tkopri l-klassi sħiħa tal-PFAS, irrispettivament mill-istatus tas-suq ta’ PFAS speċifiċi, aktar milli PFAS jew sottogruppi speċifiċi tal-PFAS hija xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji mill-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, inklużi dawk li jirriżultaw mill-hekk imsejħa “sostituzzjoni mhux mixtieqa” fil-futur. |
|
(10) |
Fid-dossier, l-Aġenzija qieset ħames għażliet differenti ta’ restrizzjoni u kkonkludiet billi pproponiet projbizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu, inkluża l-formulazzjoni, tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, filwaqt li pprovdiet perjodi tranżitorji speċifiċi għas-settur. Skont l-Aġenzija, l-introduzzjoni fis-suq ta’ apparati tat-tifi tan-nar portabbli li fihom il-PFAS jenħtieġ li tiġi ristretta wara perjodu tranżitorju ta’ 6 xhur, filwaqt li l-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS għat-taħriġ u l-ittestjar u għall-użu mis-servizzi muniċipali tat-tifi tan-nar jenħtieġ li jiġi ristrett wara perjodu tranżitorju ta’ 18-il xahar. Perjodu tranżitorju itwal ta’ 3 snin tqies meħtieġ għall-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS fuq bastimenti ċivili u ta’ 5 snin għall-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS fl-avjazzjoni ċivili, fid-difiża, u fl-apparati tat-tifi tan-nar portabbli. L-Aġenzija qieset perjodu tranżitorju sa 10 snin bħala ġġustifikat għall-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS fi stabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), inklużi b’mod partikolari nirien kbar fit-tankijiet tal-ħażna atmosferiċi u f’industriji li jittrattaw bosta likwidi fjammabbli differenti fl-istess sit. |
|
(11) |
Fid-dossier, l-Aġenzija pproponiet ukoll li tistabbilixxi l-limitu ta’ konċentrazzjoni għall-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar għal 1 mg/L (10). Skont l-Aġenzija, dan il-limitu jipprevjeni kwalunkwe użu intenzjonat tal-PFAS fil-konċentrati tal-fowms għat-tifi tan-nar u jevita l-maġġoranza tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-Aġenzija qieset li dan il-limitu ta’ konċentrazzjoni jenħtieġ li japplika wkoll għal tagħmir li ntuża b’fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS, peress li tali limitu jista’ jinkiseb permezz ta’ proċess relattivament sempliċi ta’ tindif. |
|
(12) |
Fl-aħħar nett, l-Aġenzija pproponiet obbligu għall-utenti tal-fowm għat-tifi tan-nar (ħlief f’apparati tat-tifi tan-nar portabbli) biex iħejju “pjanijiet ta’ ġestjoni tal-fowm għat-tifi tan-nar li fih il-PFAS” u japplikaw miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju tal-aħjar prattika biex ikunu jistgħu jkomplu jużaw fowms li fihom il-PFAS matul kwalunkwe perjodu tranżitorju applikabbli. |
|
(13) |
Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (“RAC”, Committee for Risk Assessment) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu (11) li tikkonkludi li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija fuq il-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, kif modifikata mill-RAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat f’termini tal-effettività fit-tnaqqis tar-riskju, tal-prattiċità u tal-monitorabbiltà. |
|
(14) |
L-RAC appoġġa l-użu tad-definizzjoni tal-OECD għall-PFAS għall-fini ta’ raggruppament tas-sustanzi. L-RAC irrikonoxxa li jista’ jkun possibbli li jiġu identifikati PFAS jew sottogruppi li mhumiex adattati għall-użu f’fowms għat-tifi tan-nar minħabba l-proprjetajiet inerenti tagħhom iżda qies li l-esklużjoni tal-PFAS jew tas-sottogruppi identifikati li x’aktarx ma jintużawx mhijiex ġustifikata. Jekk ċerti PFAS ma jkunux xierqa, dawn ma jiġux affettwati minn din ir-restrizzjoni u l-isforz meħtieġ biex jiġu identifikati tali gruppi u sustanzi ma jkunx iġġustifikat. Barra minn hekk, l-esklużjoni tas-sottogruppi tagħti lok għall-possibbiltà ta’ esklużjoni involontarja tal-PFAS li fil-futur jistgħu jinstabu li jkunu xierqa iżda bi proprjetajiet perikolużi simili. L-RAC ikkunsidra li l-persistenza għolja tal-PFAS flimkien ma’ perikli oħra tippreżenta raġunijiet għal tħassib sinifikanti. L-RAC ikkunsidra l-emissjonijiet tal-PFAS fl-ambjent mill-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS kif stmat mill-Aġenzija bħala stimi affidabbli u qabel li r-rilaxxi jenħtieġ li jintużaw bħala indikatur għar-riskju u jenħtieġ li jiġu minimizzati. |
|
(15) |
L-RAC qabel li restrizzjoni fl-Unjoni kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fuq il-PFAS bħala grupp hija l-aktar miżura xierqa biex jitnaqqsu r-riskji tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar. L-RAC qabel ukoll li jenħtieġ li r-restrizzjoni tindirizza r-riskji mill-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-PFAS, inkluża l-formulazzjoni, fl-applikazzjonijiet kollha tal-fowms għat-tifi tan-nar peress li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet ambjentali. Dawk ir-rilaxxi jippreżentaw riskju għall-bnedmin u għall-ambjent, u r-riskju jiżdied b’użu kontinwu minħabba l-persistenza tal-PFAS u ż-żieda konsegwenti fl-istokkijiet ambjentali tagħhom maż-żmien. Minkejja l-isforzi regolatorji fuq aktar minn 10 snin, l-RAC huwa tal-opinjoni li l-miżuri attwali ta’ ġestjoni tar-riskju u l-kundizzjonijiet operazzjonali ma jindirizzawx biżżejjed ir-riskju. |
|
(16) |
L-RAC appoġġa l-proposta li l-operaturi jintalbu jistabbilixxu pjanijiet ta’ ġestjoni speċifiċi għas-sit. L-RAC qabel ukoll mal-kundizzjonijiet dwar ir-rimi, it-trattament u t-tikkettar adegwati tal-iskart miġbur li fih il-PFAS. Barra minn hekk, l-RAC indika l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iskart mit-tindif tat-tagħmir għat-tifi tan-nar jiġi mmaniġġat għal trattament adegwat, u li t-trattament bijoloġiku tal-ilma mormi ma jitqiesx bħala trattament adegwat. L-RAC innota li t-trattament bijoloġiku tal-ilma mormi huwa l-aktar metodu komuni ta’ rimi għall-ilma tax-xeba’ miġbur li fih fowms għat-tifi tan-nar, iżda li t-trattament għandu effiċjenza limitata fit-tneħħija tal-PFAS u, barra minn hekk, ir-rimi tal-ħama tal-iskart jista’ jkun ukoll sors sinifikanti ta’ PFAS. Fil-każ li l-iskart li fih il-PFAS jiġi inċinerat jew koinċinerat, l-RAC indika li t-temperatura jenħtieġ li tkun ogħla minn 1 100 grad Celsius. Madankollu, l-RAC innota wkoll li tekniki ta’ rimi addizzjonali jistgħu jiġu żviluppati fil-futur u għalhekk ma pproponiex li jiġi definit aktar it-trattament adegwat lil hinn mill-kundizzjonijiet proposti fid-dossier. |
|
(17) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”, Committee for Socio-Economic Analysis) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu (12). L-SEAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija fuq il-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji u l-kostijiet soċjoekonomiċi tal-PFAS, dment li jitwettaq rieżami dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE qabel tmiem il-perjodu tranżitorju propost għall-introduzzjoni fis-suq u l-użu f’tali stabbilimenti. Barra minn hekk, l-SEAC irrakkomanda l-inklużjoni ta’ obbligu li jiġi rieżaminat il-progress tas-sostituzzjoni għall-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS f’installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qabel tmiem il-perjodu tranżitorju għal dak l-użu. |
|
(18) |
L-SEAC ikkonkluda li, minkejja xi inċertezzi, il-kostijiet soċjoekonomiċi tar-restrizzjoni proposta, stmati għal madwar EUR 7 biljun fuq perjodu ta’ 30 sena, jirriflettu l-ordni korretta tal-kobor. L-SEAC qabel mal-Aġenzija li l-benefiċċji tar-restrizzjoni proposta huma l-emissjonijiet ambjentali evitati, li ġew stmati mill-Aġenzija għal madwar 13 200 tunnellata fuq perjodu ta’ 30 sena jekk jiġu implimentati l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju proposti mill-Aġenzija. L-SEAC innota li l-valur ċentrali tal-proporzjon tal-kosteffettività ta’ madwar EUR 500 għal kull kilo ta’ emissjonijiet evitati huwa fl-ordni tal-kobor tar-restrizzjonijiet reċenti għal sustanzi kimiċi persistenti. L-SEAC innota wkoll li l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju għat-taħriġ u l-inċidenti ta’ nirien kellhom impatt limitat fuq il-proporzjon tal-kosteffettività tar-restrizzjoni proposta u għalhekk, qies li dawk il-miżuri huma ġġustifikati. L-SEAC qies ukoll li r-restrizzjoni tista’ tirriżulta f’impatti pożittivi oħra, bħall-kostijiet evitati tar-rimedjazzjoni ambjentali u l-inċentivar ta’ innovazzjoni aktar bikrija fl-alternattivi tal-PFAS li jwasslu għal kompetittività akbar tal-industrija tal-kimika fl-Ewropea, kif ukoll xi impatti inċerti jew possibbilment negattivi, bħal fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u avvenimenti ta’ nar mhux estinti b’mod adegwat jekk l-alternattivi ma jaħdmux kif ukoll fowms li fihom il-PFAS. |
|
(19) |
L-SEAC ikkonkluda li fowms alternattivi għat-tifi tan-nar teknikament u ekonomikament fattibbli, li mhumiex ibbażati fuq il-fluworu, huma disponibbli u jistgħu jiġu implimentati fil-biċċa l-kbira tas-setturi jew tal-użi sa tmiem il-perjodi tranżitorji proposti mill-Aġenzija iżda mhux kollha. B’mod partikolari, l-SEAC kien tal-fehma li d-disponibbiltà ta’ alternattivi xierqa għadha ma ntwerietx bis-sħiħ għall-użu fl-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE u għall-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore. Sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp, l-ittestjar u l-adozzjoni sħaħ ta’ alternattivi xierqa, l-SEAC irrakkomanda perjodi tranżizzjonali itwal minn dawk proposti mill-Aġenzija għall-introduzzjoni fis-suq ta’ apparati tat-tifi tan-nar portabbli li jitfgħu fowm reżistenti għall-alkoħol, għall-użu fis-settur tal-baħar u għall-użu f’installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore. Għall-użu ta’ apparat tat-tifi tan-nar portabbli, l-SEAC irrakkomanda perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2030 minflok perjodu tranżitorju ta’ 5 snin kif propost mill-Aġenzija. |
|
(20) |
L-SEAC innota l-kundizzjoni addizzjonali rakkomandata mill-RAC li tirrikjedi temperatura minima tal-inċinerazzjoni ta’ 1 100 grad Celsius. Madankollu, l-SEAC ma setax jikkonkludi dwar il-kostijiet assoċjati ma’ din ir-rakkomandazzjoni, u jintroduċi element addizzjonali ta’ inċertezza fil-valutazzjoni. |
|
(21) |
Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija, imsemmi fl-Artikolu 76(1), il-punt (f), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“il-Forum”), ġie kkonsultat matul il-proċess ta’ restrizzjoni u tqieset l-opinjoni tiegħu. |
|
(22) |
Fil-31 ta’ Awwissu 2023, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni. |
|
(23) |
Filwaqt li tqis id-dossier u l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jirriżulta riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-introduzzjoni fis-suq u mill-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, li jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-Unjoni kollha. |
|
(24) |
Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li restrizzjoni għall-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, kif stabbilit minn dan ir-Regolament, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat, filwaqt li jitqiesu l-impatt soċjoekonomiku tiegħu u d-disponibbiltà ta’ alternattivi. |
|
(25) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ambitu wiesa’ tar-restrizzjoni li jkopri l-PFAS kollha kif definit mill-OECD huwa xieraq, fid-dawl tat-tħassib stabbilit fid-dossier u kkonfermat mill-RAC u mill-SEAC. Il-persistenza tal-PFAS kollha, inklużi l-prodotti ta’ degradazzjoni tagħhom, hija t-tħassib ewlieni li jwassal għal konċentrazzjonijiet ambjentali dejjem akbar. Ħafna PFAS huma mobbli ħafna fl-ambjent u l-istudji stabbilew firxa ta’ perikli oħra għall-PFAS, spiss skont l-istruttura speċifika tagħhom. Il-Kummissjoni tinnota li l-identitajiet preċiżi ta’ dawk il-PFAS li bħalissa jintużaw fil-fowms għat-tifi tan-nar fil-biċċa l-kbira mhumiex magħrufa minħabba l-kunfidenzjalità kummerċjali tal-manifatturi u li huwa meħtieġ ambitu ta’ restrizzjoni wiesa’ biex tiġi evitata sostituzzjoni mhux mixtieqa bejn PFAS individwali differenti, li kollha jissodisfaw il-kriterju “persistenti ħafna” stabbilit fil-punt 1.2.1 tal-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u għalhekk iwasslu għall-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-ilma tas-superfiċe u tal-bijota. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex ċert jekk xi sottogruppi tal-PFAS jistgħux jintużaw f’fowms għat-tifi tan-nar u, għalhekk, joħolqux riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Madankollu, filwaqt li jitqies l-impenn tal-Unjoni li telimina gradwalment il-PFAS fejn possibbli, kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ambitu kimiku wiesa’ tar-restrizzjoni huwa ġġustifikat biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tas-sustanzi li jaqgħu fl-ambitu ta’ din ir-restrizzjoni, filwaqt li tiġi evitata l-esklużjoni involontarja tal-PFAS li jistgħu jinstabu li huma xierqa għall-użu fil-fowms għat-tifi tan-nar fil-futur u tiġi żgurata l-prattiċità tar-restrizzjoni. |
|
(27) |
Il-Kummissjoni taqbel mal-limitu ta’ konċentrazzjoni kif propost mill-RAC u l-SEAC, li huwa konċentrazzjoni ta’ 1 mg/L għas-somma tal-PFAS kollha. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li għaċ-ċertezza legali u biex jiġu ffaċilitati l-konformità u l-infurzar ta’ din ir-restrizzjoni, jenħtieġ li l-fowm għat-tifi tan-nar jiġi definit f’dan ir-Regolament bħala kwalunkwe taħlita għall-ġlieda kontra n-nirien bil-fowm, kif ukoll it-tipi differenti ta’ taħlitiet ta’ fowm għat-tifi tan-nar fid-diversi stadji tal-katina tal-valur u l-użu, inkluż il-konċentrat tal-fowm għat-tifi tan-nar li jirrikjedi dilwizzjoni bl-ilma biex tiġi ffurmata s-soluzzjoni tal-fowm għat-tifi tan-nar, is-soluzzjoni tal-fowm għat-tifi tan-nar u l-fowm għat-tifi tan-nar li hija s-soluzzjoni tal-fowm għat-tifi tan-nar imħallta bl-arja matul l-użu. Għalkemm hemm disponibbiltà limitata ta’ metodi analitiċi għal kull PFAS individwali, il-metodi tal-fluworu totali jistgħu jintużaw għall-fini li tintwera l-konformità mar-restrizzjoni f’konformità mal-parir tal-Forum. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-restrizzjoni hija infurzabbli u dan jissaħħaħ, b’mod partikolari, permezz tal-kombinazzjoni tad-disponibbiltà tal-metodi totali tal-fluworu u r-rekwiżit tat-tikkettar. |
|
(28) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni fuq gruppi speċifiċi tal-PFAS f’fowms għat-tifi tan-nar skont ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) uriet li anki wara t-tindif f’konformità mal-aħjar tekniki disponibbli, ir-residwi tal-PFAS jistgħu jibqgħu fit-tagħmir u jistgħu jkunu preżenti fil-fowms għat-tifi tan-nar installati ġodda mingħajr fluworu. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ konċentrazzjoni tal-PFAS ta’ 1 mg/L kif irrakkomandat mill-Aġenzija jista’ jwassal għas-sostituzzjoni ta’ kwalunkwe tagħmir tal-fowm għat-tifi tan-nar li qabel kien intuża b’fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu ta’ 50 mg/L għat-total tal-PFAS kollha fil-fowms għat-tifi tan-nar li joriġinaw minn tali tagħmir. Jenħtieġ li dan il-limitu ta’ konċentrazzjoni japplika biss għal fowms għat-tifi tan-nar mingħajr fluworu li għadhom kif ġew installati fit-tagħmir wara t-tindif tiegħu. Fid-dawl tal-iżviluppi dwar il-kejl tal-effett rebound u l-metodi ta’ tindif li qed jevolvu għat-tagħmir, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina din id-deroga fi żmien 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li d-deroga ma tapplikax għall-apparati tat-tifi tan-nar portabbli peress li huma mistennija li jiġu sostitwiti progressivament fl-intier tagħhom. Fil-każ li l-apparat tat-tifi tan-nar jerġa’ jintuża, il-limitu ġenerali ta’ konċentrazzjoni ta’ 1 mg/L jenħtieġ li japplika għal kwalunkwe fowm għat-tifi tan-nar rilaxxat mill-apparat tat-tifi tan-nar. |
|
(29) |
Ċerti sottogruppi tal-PFAS jew uħud mill-użi tagħhom jenħtieġ li jiġu esklużi mill-projbizzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u l-użu ta’ din ir-restrizzjoni peress li diġà huma soġġetti għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fl-Unjoni. L-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS, perfluorooctane sulfonic acid), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOS, l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA, perfluorooctanoic acid), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA, u l-aċidu perfluworoeżansulfoniku (PFHxS, perfluorohexane sulfonic acid), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS li huma soġġetti għal projbizzjonijiet fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġu esklużi mill-projbizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu. L-aċidi perfluworokarbossiliċi b’tul tal-katina ta’ 9 sa 14-il atomu ta’ karbonju (C9-C14 PFCAs) huma koperti mir-restrizzjoni eżistenti skont l-entrata 68 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u jenħtieġ li jiġu esklużi mir-restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu. L-użi tal-aċidu undekafluworoeżanojku (PFHxA), tal-imlieħ tiegħu u tas-sustanzi relatati mal-PFHxA ristretti mill-paragrafi 4 u 5 tar-restrizzjoni eżistenti skont l-entrata 79 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jenħtieġ li jiġu esklużi wkoll mir-restrizzjoni fuq l-introduzzjoni fis-suq u l-użu. L-ammont ta’ PFAS minn dawk is-sottogruppi tal-PFAS derogati jenħtieġ li jiġi inkluż fid-determinazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-somma tal-PFAS kollha għall-fini ta’ din ir-restrizzjoni. Il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju tal-paragrafi 7 sa 10 imposti bħala kundizzjoni tal-użu ta’ din ir-restrizzjoni jenħtieġ li japplikaw għall-PFAS minn dawk is-sottogruppi fejn l-użu tagħhom fil-fowms għat-tifi tan-nar għadu permess. |
|
(30) |
Il-formulazzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS, inkluż kwalunkwe wieħed minn dawk l-użi għall-produzzjoni ta’ fowms għat-tifi tan-nar fl-Unjoni irrispettivament mid-destinazzjoni tal-fowms għat-tifi tan-nar, kemm jekk għall-Unjoni kif ukoll għal pajjiżi terzi, huma koperti mid-definizzjoni ta’ “użu” kif stabbilit fl-Artikolu 3(24) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex meħtieġ li tiġi speċifikata restrizzjoni fuq il-formulazzjoni tal-fowms għat-tifi tan-nar tal-PFAS minbarra r-restrizzjoni għall-użu tal-PFAS f’tali fowms għat-tifi tan-nar, kif ġie propost mill-RAC u mill-SEAC. |
|
(31) |
Fir-rigward kemm tal-introduzzjoni fis-suq kif ukoll tal-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li perjodu tranżitorju ġenerali ta’ 5 snin huwa xieraq. Dan huwa l-perjodu ta’ differiment appoġġat mill-RAC u l-SEAC għall-użu tal-PFAS f’fowms għat-tifi tan-nar fil-grupp ġenerali tal-applikazzjonijiet u s-setturi kollha li mhumiex koperti minn deroga aktar speċifika limitata fiż-żmien li tkopri għadd ta’ siti eteroġeni u proċessi ta’ sostituzzjoni differenti. Tali perjodu ta’ differiment huwa appoġġat ukoll mill-SEAC għall-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar użati għall-avjazzjoni ċivili (inklużi l-ajruporti ċivili), u rrakkomandat ukoll għall-bastimenti, inklużi tankers, mezzi ta’ trasport tul korp tal-ilma, laneċ tal-irmonk u bastimenti kummerċjali oħra, kif ukoll dawk għad-difiża. Għalhekk, peress li l-introduzzjoni fis-suq għall-provvista għal dawk l-użi jeħtieġ li tkun permessa wkoll, huwa xieraq li jiġi applikat l-istess perjodu tranżitorju kemm għall-introduzzjoni fis-suq kif ukoll għall-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar. |
|
(32) |
Fir-rigward tal-introduzzjoni fis-suq ta’ fowms għat-tifi tan-nar reżistenti għall-alkoħol li fihom il-PFAS f’apparat tat-tifi tan-nar portabbli, il-Kummissjoni taqbel mal-perjodu tranżitorju ta’ 18-il xahar irrakkomandat mill-SEAC. Għall-introduzzjoni fis-suq ta’ apparati tat-tifi tan-nar portabbli oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li perjodu tranżitorju ta’ 12-il xahar, minflok 6 xhur kif irrakkomandat mill-RAC u l-SEAC, huwa xieraq biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien u kapaċità għall-partijiet ikkonċernati biex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni meħtieġa fl-Istati Membri kollha. |
|
(33) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar lil hinn mill-perjodu tranżitorju ta’ 5 snin għall-iskop uniku li jiġu fornuti l-użi li jkunu għadhom qed jibbenefikaw minn deroga ladarba dak iż-żmien ikun għadda. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni taqbel mal-perjodu tranżitorju ta’ 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ għall-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar użati għat-taħriġ u l-ittestjar u mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar jew mis-servizzi privati tat-tifi tan-nar li jeżerċitaw il-funzjoni tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar. Il-Kummissjoni taqbel ukoll li s-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar xorta jenħtieġ li jitħallew jużaw fowms li fihom il-PFAS għal perjodu ta’ 10 snin f’każ li jkollhom bżonn jintervjenu u jitfu nirien industrijali fi stabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE. Madankollu, dawn il-fowms u t-tagħmir jenħtieġ li jintużaw għal dak l-għan biss. |
|
(35) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2030 għall-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar għall-apparati tat-tifi tan-nar portabbli, kif propost mill-SEAC, peress li dan jippermetti biżżejjed żmien biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-manifattura għall-apparati tat-tifi tan-nar portabbli mingħajr PFAS tkun tista’ tissodisfa d-domanda dejjem akbar biex jiġu sostitwiti dawk eżistenti li fihom il-PFAS. |
|
(36) |
Il-Kummissjoni taqbel mal-perjodu tranżitorju ta’ 10 snin għall-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, kif propost mill-SEAC, għall-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE u għall-installazzjonijiet li jappartjenu għall-industrija taż-żejt u tal-gass offshore, li jippermetti biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ alternattivi li jissodisfaw l-istandards meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza kontra n-nirien f’dawk is-siti. Il-faċilitajiet tal-illanċjar għall-industrija spazjali li jaqgħu taħt l-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE konsegwentement se jkollhom perjodu tranżitorju ta’ 10 snin. |
|
(37) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-użu tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar, l-SEAC appoġġa perjodu tranżitorju ta’ 5 snin għall-bastimenti, inklużi l-bastimenti militari. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm bżonn li jitqiesu r-rekwiżiti speċifiċi tad-difiża tal-bastimenti militari kollha tas-superfiċe u ta’ taħt l-ilma, irrispettivament mit-tul u mit-tunnellaġġ gross tagħhom, meta mqabbla mal-bastimenti ċivili, li jaffettwaw il-fattibbiltà teknika tal-implimentazzjoni ta’ alternattivi, l-ispeċifiċitajiet tal-prinċipju tat-tifi tan-nar navali, u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ma’ pajjiżi terzi f’eżerċizzji militari konġunti, u għalhekk jeħtieġu aktar żmien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għal vapuri ċivili b’fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS li diġà tqiegħdu abbord, perjodu tranżitorju ta’ 5 snin huwa qasir wisq minħabba l-modifiki meħtieġa għas-sistema tal-fowm li jistgħu jitwettqu biss matul il-baċir imbattal mill-ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għall-użu tal-PFAS f’fowms għat-tifi tan-nar użati għal bastimenti militari u bastimenti ċivili b’fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS diġà mqiegħda abbord. |
|
(38) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina d-deroga għall-użi tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar għall-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 2012/18/UE, għall-installazzjonijiet li jappartjenu għall-industrija taż-żejt u tal-gass offshore, għall-bastimenti militari u għall-bastimenti ċivili b’fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS diġà abbord, qabel tmiem il-perjodu tranżitorju ta’ 10 snin għal dawk l-użi, biex timmonitorja l-progress tas-sostituzzjoni għal dawk l-użi. |
|
(39) |
Għall-fini tal-minimizzazzjoni tal-impatt tal-emissjonijiet fl-ambjent li joriġinaw mill-użi tal-PFAS permessi skont ir-restrizzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li l-użi tal-PFAS fil-fowms għat-tifi tan-nar matul il-perjodi tranżitorji ta’ 5 snin u ta’ 10 snin jiġu soġġetti għal miżuri adegwati biex jitnaqqas kwalunkwe rilaxx ta’ PFAS fl-ambjent għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament u prattikament possibbli. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li 12-il xahar hija skeda ta’ żmien xierqa għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri mill-utenti. Il-Kummissjoni taqbel li dawk il-miżuri jenħtieġ li jinkludu wkoll il-ġbir għal trattament adegwat tal-istokk ta’ fowms għat-tifi tan-nar mhux utilizzati u skart li fih il-PFAS, inkluż l-ilma mormi, li joriġina mill-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar u mit-tindif tat-tagħmir, fejn ikun teknikament u prattikament possibbli. Skont l-RAC, għall-fini li jinkiseb trattament adegwat, it-trattament bijoloġiku tal-ilma mormi jenħtieġ li jiġi eskluż u, fil-każ ta’ inċinerazzjoni, l-iskart li fih il-PFAS jenħtieġ li jiġi inċinerat f’temperatura ta’ mill-inqas 1 100 °C. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li trattament adegwat jiżgura li l-kontenut tal-PFAS jinqered jew jiġi trasformat b’mod irreversibbli. Il-Kummissjoni taqbel mal-RAC li kwalunkwe forma inadegwata ta’ trattament, bħat-trattament bijoloġiku tal-ilma mormi jew l-inċinerazzjoni ta’ skart li fih il-PFAS taħt temperatura ta’ 1 100 °C jenħtieġ li tiġi eskluża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-RAC li l-fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS jenħtieġ li jintużaw biss kontra n-nirien li jinvolvu likwidi fjammabbli (nirien tal-klassi B). |
|
(40) |
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li jiġu adottati u dokumentati miżuri xierqa, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat l-infurzar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li bħala kundizzjoni tal-użu skont din ir-restrizzjoni l-utenti tal-fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS iħejju pjan ta’ ġestjoni, speċifiku għall-post tal-użu tal-fowm. Jenħtieġ li l-pjan ta’ ġestjoni jinkludi informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-volumi tal-użu, il-ġbir u t-trattament adegwat, it-tindif, il-pjanijiet f’każ ta’ tnixxija/tixrid aċċidentali u strateġija għas-sostituzzjoni ta’ fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS b’fowms għat-tifi tan-nar mingħajr fluworu. L-utenti jenħtieġ li jżommu tali pjan ta’ ġestjoni disponibbli għal mill-inqas 15-il sena għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
(41) |
Għall-fini li jiġi żgurat li l-fowms għat-tifi tan-nar li fihom il-PFAS jiġu ttrattati b’mod xieraq u biex jiġi ffaċilitat l-infurzar, il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, mill-RAC u mill-SEAC li jittikkettaw fowms għat-tifi tan-nar imqiegħda fis-suq li fihom il-PFAS f’konċentrazzjonijiet ta’ 1 mg/L jew aktar. Jenħtieġ li tali rekwiżit tat-tikkettar japplika wkoll għall-istokk ta’ fowms għat-tifi tan-nar mhux utilizzati u skart li fih il-PFAS, inkluż l-ilma mormi, li joriġina mill-użu ta’ fowms għat-tifi tan-nar. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li skadenza ta’ 12-il xahar hija xierqa biex tippermetti biżżejjed żmien għall-utenti biex jikkonformaw ma’ tali obbligu ta’ tikkettar. |
|
(42) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(43) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj.
(2) Ir-Rapport tal-OECD tad-9 ta’ Lulju 2021, Reconciling Terminology of the Universe of Per- and Polyfluoroalkyl Substances: Recommendations and Practical Guidance (ENV/CBC/MONO(2021)25).
(3) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill – Lejn Strateġija tal-Unjoni rigward il-Politika dwar is-Sustanzi Kimiċi, is-26 ta’ Ġunju 2019 10713/19.
(4) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (2020/2531 (RSP)).
(5) L-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (COM(2020)667 final).
(6) https://www.oecd.org/chemicalsafety/portal-perfluorinated-chemicals/riskreduction/.
(7) https://echa.europa.eu/documents/10162/17233/request_echa_pfas_fff_en.pdf/aa089887-bc27-e642-747e-b935809075cc?t=1601895611682.
(8) https://echa.europa.eu/documents/10162/4524f49c-ae14-b01b-71d2-ac3fa916c4e9 u https://echa.europa.eu/documents/10162/8011247f-14bb-c77e-189e-4df733dd16b2.
(9) Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/18/oj).
(10) Jikkorrispondi għal 1 ppm, 1 000 ppb jew 0,0001 % (w/v).
(11) https://echa.europa.eu/documents/10162/897b2ca5-e15b-e6c5-a2ef-c7af4f1110a1.
(12) https://echa.europa.eu/documents/10162/897b2ca5-e15b-e6c5-a2ef-c7af4f1110a1.
(13) Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj).
ANNESS
Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:
|
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1988/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)