European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1984

6.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1984

tat-3 ta’ Ottubru 2025

li jagħmel l-importazzjonijiet tar-raden tal-poliammid li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tar-raden tar-poliammid li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

Dan il-bidu segwa lment imressaq fis-16 ta’ Ġunju 2025 mill-Koalizzjoni Ad Hoc tal-Produtturi Ewropej tar-Raden tal-Poliammid f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal- produzzjoni totali tal-Unjoni tar-raden tal-poliammid.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa raden tal-filament kontinwu sintetiku tal-poliammidi alifatiċi, mhux ippreżentati għal bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament sintetiku ta’ inqas minn 67 deċiteks. Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni jinkludi l-varjanti kollha tar-raden tan-najlon jew poliamidi alifatiċi oħra, kemm jekk minsuġa b’kejl ta’ mhux aktar minn 50 tex għal kull raden singolu jew mhux minsuġ, singolu, doppju, multiplu (mitni) jew immaljat, (jew varjanti tagħhom), mibrum jew mhux mibrum, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 5402 31 00 , 5402 45 00 , 5402 51 00 u 5402 61 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(4)

Ir-raden ta’ tenaċità għolja tal-poliammid li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5402 19 00 huwa eskluż.

2.   REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(6)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li, fuq inizjattiva tagħha stess, tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(7)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(8)

Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 49 % u 131 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 92 % u 98 % għall-prodott ikkonċernat għas-sena 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(9)

Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex titneħħa l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(10)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(11)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’raden tal-filament kontinwu sintetiku ta’ poliamidi alifatiċi, mhux ippreżentati għall-bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament sintetiku ta’ inqas minn 67 deċiteks, inklużi l-varjanti kollha ta’ raden tan-najlon jew poliamidi alifatiċi oħrajn, kemm jekk minsuġa li ma jkejlux aktar minn 50 tex għal kull raden singolu jew mhux minsuġa, singoli, doppji, multipli (mitnija) jew immaljati, (jew varjanti tagħhom), mibruma jew mhux mibruma, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 5402 31 00 , 5402 45 00 , 5402 51 00 u 5402 61 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Ir-raden ta’ tenaċità għolja tal-poliammid li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 19 00 huma esklużi minn din l-investigazzjoni.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/4120, 29.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4120/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1984/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)