European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1957

24.9.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1957

tat-18 ta’ Settembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, rigward it-tnaqqis u t-tneħħija tad-dazji doganali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2014/492 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

Skont l-Artikolu 147(4) u l-Artikolu 438(3) u (4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjoni dwar it-tnaqqis u t-tneħħija ta’ dazju doganali fuq prodott li tħassar kwalunkwe rata ta’ dazju jew kategorija tal-fażi determinata skont l-Iskedi tal-Unjoni jew tal-Moldova inklużi fl-Anness XV tal-Ftehim għal dak il-prodott.

(3)

B’segwitu għall-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni adottat miżuri unilaterali ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-Moldova permezz tal-miżuri kummerċjali awtonomi (ATMs, Autonomous Trade Measures) tagħha fit-18 ta’ Lulju 2022 (3), li ġew imġedda fl-2023 (4) u fl-2024 (5). B’segwitu għall-iskadenza tal-ATMs fl-24 ta’ Lulju 2025, id-diskussjonijiet bejn il-partijiet wasslu għal ftehim biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji doganali u jiġi appoġġat l-allinjament tal-Moldova mal-acquis tal-Unjoni li hija parti importanti min-negozjati tal-adeżjoni tal-Moldova mal-Unjoni.

(4)

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jadotta deċiżjoni dwar it-tnaqqis u t-tneħħija tad-dazji doganali skont l-Artikolu 147(4) tal-Ftehim matul l-2025.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ, peress li d-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, għandha tissejjes fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AAGAARD


(1)   ĠU L 260 30.8.2014, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/492/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/492/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/1279 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 195, 22.7.2022, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1279/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/1524 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1524/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1501 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L, 2024/1501, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1501/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1957/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)