European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1930

25.9.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1930

tal-15 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-Dechlorane Plus

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3) (“il-Protokoll”).

(2)

L-Anness A tal-Konvenzjoni fih lista ta’ sustanzi kimiċi. Kull Parti għall-Konvenzjoni hija meħtieġa tipprojbixxi s-sustanzi kimiċi fil-lista jew tieħu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa biex telimina l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom.

(3)

Waqt il-ħdax-il laqgħa tagħha li saret bejn l-1 u t-12 ta’ Mejju 2023, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni, li temenda l-Anness A tal-Konvenzjoni biex tinkludi d-Dechlorane Plus f’dak l-Anness b’eżenzjonijiet speċifiċi. L-Unjoni appoġġjat l-inklużjoni tad-Dechlorane Plus fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1006 (4). Għalhekk jenħtieġ li anke l-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, li fiha lista tas-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll, kif ukoll is-sustanzi li hemm elenkati biss fil-Konvenzjoni, tiġi emendata biex tinkludi d-Dechlorane Plus.

(4)

Fl-2022, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji (RAC) u għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (il-“kumitati”) adottaw l-opinjonijiet tagħhom (5) dwar dossier ta’ restrizzjonijiet min-Norveġja għad-Dechlorane Plus skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-opinjonijiet jappoġġjaw restrizzjoni tal-manifattura u l-użu tad-Dechlorane Plus, b’ċerti derogi għal użi speċifiċi. Dawk id-derogi huma inklużi fil-lista ta’ eżenzjonijiet speċifiċi mogħtija skont il-Konvenzjoni bid-Deċiżjoni SC-11/10 tal-Konferenza tal-Partijiet u jenħtieġ li jingħataw bħala eżenzjonijiet ukoll skont ir-Regolament (UE) 2019/1021 peress li għadhom meħtieġa fl-Unjoni. Dan jikkonċerna, fost l-oħrajn, l-ispare parts għall-vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art, bħall-karozzi, il-muturi, il-vetturi motorizzati għall-agrikoltura u għall-kostruzzjoni u t-trakkijiet industrijali, inklużi l-vetturi motorizzati koperti mir-Regolamenti (UE) 2018/858 (7), (UE) Nru 167/2013 (8) u (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(5)

Il-Konvenzjoni tinkludi eżenzjonijiet għall-użu tad-Dechlorane Plus li mhumiex rakkomandati fl-opinjonijiet tal-kumitati. Dan jinkludi l-użu ta’ dik is-sustanza għall-fini ta’ spare parts għal tagħmir motorizzat għall-użu barra, apparati mediċi, apparati dijanjostiċi in vitro u strumenti għall-analiżi, għall-kejl, għall-kontroll, għall-monitoraġġ, għall-ittestjar, għall-produzzjoni u għall-ispezzjoni kif ukoll għat-tiswija ta’ ċerti oġġetti. Meta jitqies li l-volum tad-Dechlorane Plus li jintuża fl-ispare parts u għat-tiswija tal-oġġetti huwa żgħir u meta titqies l-importanza taż-żamma tal-oġġetti li diġà qed jintużaw, jenħtieġ li tali eżenzjonijiet jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1021.

(6)

Id-durata massima tal-eżenzjonijiet jenħtieġ li tkun ta’ ħames snin, bil-possibbiltà li tiġi estiża għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin, f’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet tal-imaging mediku u għal apparati u installazzjonijiet tar-radjoterapija, li għalihom l-opinjonijiet tal-kumitati appoġġjaw durata ta’ seba’ u għaxar snin, rispettivament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-ħtieġa ta’ estensjoni tal-eżenzjonijiet speċifiċi sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2028 sabiex tħejji għall-Konferenza tal-Partijiet li hija mistennija li ssir f’Mejju 2029, peress li skont il-Konvenzjoni, f’dik il-Konferenza tal-Partijiet se jkollha tiġi deċiża estensjoni potenzjali tal-eżenzjonijiet speċifiċi għal din is-sustanza.

(7)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1021 jipprojbixxi l-manifattura, l-introduzzjoni fis-suq, u l-użu ta’ sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, kemm jekk waħedhom, f’taħlitiet, jew f’oġġetti. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-oġġetti li fihom id-Dechlorane Plus u li huma prodotti jew introdotti fis-suq skont eżenzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li kienu diġà qed jintużaw fid-data ta’ skadenza tal-eżenzjoni rilevanti, jitħallew ikomplu jintużaw wara dik id-data.

(8)

Barra minn hekk, f’konformità mad-Deċiżjoni SC-11/10, l-eżenzjoni li tkopri l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tad-Dechlorane Plus għall-finijiet ta’ spare parts għal ċerti vetturi, ċerti magni, għall-finijiet ta’ tagħmir motorizzat tal-baħar, tal-ġonna, tal-forestrija u għall-użu barra, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ajruspazjali, spazjali u tad-difiża u għall-finijiet ta’ ċerti strumenti tingħata sa tmiem il-ħajja operattiva tal-prodott rilevanti jew sal-31 ta’ Diċembru 2043, skont liema tiġi l-ewwel, jew, fir-rigward ta’ spare parts għall-finijiet ta’ apparati mediċi u apparati dijanjostiċi in vitro, sa tmiem il-ħajja operattiva tal-prodott rilevanti. Il-ħajja operattiva tal-prodotti fl-applikazzjonijiet tad-difiża, ajruspazjali u spazjali tista’ tmur lil hinn mill-2043. Għalhekk, jenħtieġ li l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-ispare parts għal applikazzjonijiet bħal dawn, preżenti fit-territorju tal-Unjoni qabel jew fid-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti, ikunu permessi anke wara dik id-data.

(9)

Biex jissaħħu l-applikazzjoni u l-infurzar tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit valur limitu għad-Dechlorane Plus li jfeġġ bħala kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat fis-sustanzi, fit-taħlitiet u fl-oġġetti.

(10)

Meta jitqies li l-laboratorji jeħtieġ li jtejbu l-akkuratezza tal-analiżi u jiżguraw applikazzjoni uniformi u adegwata tal-metodi analitiċi, il-limitu tal-kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat jenħtieġ li jiġi stabbilit għal 1 000 mg/kg. Jenħtieġ li 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dak il-limitu jkun ta’ 1 mg/kg.

(11)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/507/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li għandha x’taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 81, 19.3.2004, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/259/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1006 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1006/oj).

(5)   https://echa.europa.eu/documents/10162/d4e88790-cfe2-c934-7ea4-489e1602d6c2.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/167/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/oj).


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, tiżdied l-entrata li ġejja:

Sustanza

Nru CAS

Nru KE

Eżenzjoni speċifika fuq l-użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“Dechlorane Plus

‘Dechlorane Plus’ jinkludi s-sinisomeru u l-antiisomeru tiegħu

13560-89-9

135821-03-3

135821-74-8

236-948-9

1.

Għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tad-Dechlorane Plus:

(a)

ekwivalenti għal 1 000  mg/kg (0,1 % skont il-piż) jew inqas, meta jkunu preżenti fis-sustanzi, fit-taħlitiet jew fl-oġġetti sal-15 ta’ April 2028.

(b)

ekwivalenti għal 1 mg/kg (0,0001 % skont il-piż) jew inqas, meta jkunu preżenti fis-sustanzi, fit-taħlitiet jew fl-oġġetti wara l-15 ta’ April 2028.

2.

L-introduzzjoni fis-suq u l-użu tad-Dechlorane Plus għandhom ikunu permessi b’deroga għall-finijiet li ġejjin:

(a)

l-applikazzjonijiet ajruspazjali, spazjali u tad-difiża, sas-26 ta’ Frar 2030;

(b)

l-applikazzjonijiet tal-imaging mediku, sas-26 ta’ Frar 2030;

(c)

l-apparati u l-installazzjonijiet tar-radjoterapija, sas-26 ta’ Frar 2030;

(d)

l-ispare parts għal xi wieħed minn dawn li ġejjin u t-tiswija tagħhom:

(i)

il-vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art;

(ii)

il-magni industrijali stazzjonarji għall-użu fl-agrikoltura, fil-forestrija, u fil-kostruzzjoni;

(iii)

it-tagħmir motorizzat tal-baħar, tal-ġonna, tal-forestrija u għall-użu barra għajr dak kopert taħt (ii);

(iv)

l-applikazzjonijiet ajruspazjali, spazjali u tad-difiża;

(v)

l-istrumenti għall-analiżi, għall-kejl, għall-kontroll, għall-monitoraġġ, għall-ittestjar, għall-produzzjoni u għall-ispezzjoni;

fejn id-Dechlorane Plus kien inizjalment użat fil-produzzjoni tagħhom, sa tmiem il-ħajja operattiva tagħhom jew sal-31 ta’ Diċembru 2043, skont liema jiġi l-ewwel;

(e)

l-ispare parts għal xi wieħed minn dawn li ġejjin u t-tiswija tagħhom:

(i)

l-apparati mediċi u l-aċċessorji għal apparati mediċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745;

(ii)

l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u l-aċċessorji għal apparati mediċi dijanjostiċi in vitro fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746;

fejn id-Dechlorane Plus kien inizjalment użat fil-produzzjoni tagħhom, sa tmiem il-ħajja operattiva tagħhom.

3.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa ta’ estensjoni tal-eżenzjonijiet speċifiċi fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2028.

4.

L-oġġetti li jkun fihom id-Dechlorane Plus li diġà jkunu qed jintużaw fl-Unjoni qabel jew fid-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti stabbilita fil-paragrafu 2(a) sa (d) jistgħu jibqgħu jintużaw.

5.

L-introduzzjoni fis-suq u l-użu ta’ spare parts li jkun fihom id-Dechlorane Plus imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d)(iv), li jkunu preżenti fit-territorju tal-Unjoni qabel jew fil-31 ta’ Diċembru 2043 għandhom ikunu permessi.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1930/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)