European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1923

22.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1923

tad-19 ta’ Settembru 2025

li jemenda l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Brażil fil-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(1) u (3) tiegħu.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew minn territorju, jew minn żona jew minn kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom biex jidħlu fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi jew tat-territorji, jew taż-żoni tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(4)

B’mod iktar partikolari, l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji, jew taż-żoni tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni, rispettivament, ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa.

(5)

Fis-16 ta’ Mejju 2025, il-Brażil innotifika lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fi stabbiliment tal-pollam fl-istat ta’ Rio Grande do Sul, li kienet ġiet ikkonfermata fil-15 ta’ Mejju 2025 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR).

(6)

L-istat ta’ Rio Grande do Sul huwa inkluż f’kull waħda miż-żoni li bħalissa huma elenkati fl-entrati għall-Brażil fl-Anness V, il-Parti 1, it-Taqsima B u fl-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, kif awtorizzat għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa.

(7)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Brażil wara dik it-tifqigħa tal-HPAI, jeħtieġ li jiġi sospiż, għal ċertu perjodu ta’ żmien, id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, miż-żoni fil-Brażil li bħalissa huma elenkati fit-tabelli stabbiliti fl-Anness V, il-Parti 1, it-Taqsima B u fl-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, sabiex jiġi protett l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-entrati għall-Brażil fil-listi f’dawk it-tabelli jiġu emendati fid-dawl ta’ dik it-tifqigħa, filwaqt li titqies id-data li fiha ġiet ikkonfermata t-tifqigħa tal-HPAI.

(8)

Fl-10 ta’ Ġunju 2025 u fit-28 ta’ Lulju 2025, il-Brażil ippreżenta aktar informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji tiegħu, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda biex jevita aktar tixrid tal-HPAI wara dik it-tifqigħa riċenti fl-istat ta’ Rio Grande do Sul. L-informazzjoni aġġornata kienet tinkludi data fir-rigward tas-sorveljanza mwettqa biex jintwera n-nuqqas ta’ tifqigħat ulterjuri, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi epidemjoloġiċi speċifiċi b’rabta mat-tifqigħa li seħħet fl-istat ta’ Rio Grande do Sul.

(9)

Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni ppreżentata mill-Brażil u tqis li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali hija tali, li awtorizzazzjoni mill-ġdid gradwali tad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa fl-Unjoni hija ġġustifikata, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi fil-Brażil, il-perjodu ta’ inkubazzjoni tal-virus tal-HPAI u r-riskji possibbli tat-trażmissjoni tal-HPAI. Din l-analiżi wasslet għall-konklużjoni li, l-ewwel nett, id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-komoditajiet miż-żoni fil-Brażil li bħalissa huma elenkati fit-tabelli fl-Anness V, il-Parti 1, it-Taqsima B u fl-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, eskluż l-istat ta’ Rio Grande do Sul, jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid mit-18 ta’ Settembru 2025. It-tieni, filwaqt li jitqies il-perjodu ta’ inkubazzjoni tal-virus tal-HPAI, id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-komoditajiet mill-istat ta’ Rio Grande do Sul, minbarra ż-żona f’raġġ ta’ 10 km madwar l-istabbiliment tat-tifqigħa, jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid ukoll mit-2 ta’ Ottubru 2025. Fl-aħħar nett, id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-komoditajiet miż-żona f’raġġ ta’ 10 km madwar l-istabbiliment tat-tifqigħa jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid mis-16 ta’ Ottubru 2025.

(10)

Għalhekk, l-entrati għall-Brażil fil-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom stabbiliti fit-tabelli stabbiliti fl-Anness V, il-Parti 1, it-Taqsima B u fl-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq biex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika f’dak il-pajjiż terz.

(11)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fil-Brażil fir-rigward tal-HPAI, l-emendi li jridu jsiru fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).


ANNESS

L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness V, fil-Parti 1, fit-Taqsima B, fit-tabella, fl-entrata għall-Brażil, ir-ringieli għaż-żoni BR-1 u BR-2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

BR

Il-Brażil

BR-1

BPR, DOR, SR, HER

N, P1

 

15.5.2025

18.9.2025 (*1)

BR-2

BPP, SP, DOC, POU-LT20, HEP, HE-LT20

N, P1

 

15.5.2025

18.9.2025 (*1)

(2)

fl-Anness XIV, fil-Parti 1, fit-Taqsima B, fit-tabella, fl-entrata għall-Brażil, ir-ringieli għaż-żoni BR-1 u BR-2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

BR

Il-Brażil

BR-1

POU

N, P1

 

15.5.2025

18.9.2025 (*2)

GBM

P1

 

15.5.2025

18.9.2025 (*2)

BR-2

RAT

N, P1

 

15.5.2025

18.9.2025 (*2)


(*1)  ħlief għall-istat ta’ Rio Grande do Sul (data tal-ftuħ: 2.10.2025), u ż-żona f’raġġ ta’ 10 km madwar il-koordinati tal-GPS Lat -29,8315/Long -51,43725 (data tal-ftuħ: 16.10.2025)”;

(*2)  ħlief għall-istat ta’ Rio Grande do Sul (data tal-ftuħ: 2.10.2025), u ż-żona f’raġġ ta’ 10 km madwar il-koordinati tal-GPS Lat -29,8315/Long -51,43725 (data tal-ftuħ: 16.10.2025)”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1923/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)