|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1908 |
25.9.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1908
tal-24 ta’ Settembru 2025
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanza fluralaner fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 470/2009, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ Regolament, il-limiti massimi ta’ residwi (“MRLs”, maximum residue limits) għas-sustanzi farmakoloġikament attivi maħsuba għall-użu fl-Unjoni fi prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew fi prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) jistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali. |
|
(3) |
Is-sustanza fluralaner hija inkluża f’dak ir-Regolament bħala sustanza approvata għall-pollam. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ April 2024, Farmacologia En Aquacultura Veterinaria FAV S.A. ressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”) f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 għall-istabbiliment tal-limiti massimi ta’ residwi tas-sustanza fluralaner fis-Salmonidae u ħut ieħor bil-pinen. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, l-Aġenzija għandha tqis l-użu ta’ MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva li tinsab f’oġġett tal-ikel partikolari għal oġġett tal-ikel ieħor li ġej mill-istess speċi, jew l-MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva fi speċi waħda jew aktar għal speċijiet oħra. |
|
(6) |
Fit-12 ta’ Frar 2025 (3), l-Aġenzija, abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji, irrakkomandat l-istabbiliment ta’ MRLs għall-użu tal-fluralaner fis-Salmonidae, applikabbli għall-muskolu u l-ġilda fi proporzjonijiet naturali. L-Aġenzija kkonkludiet li l-estensjoni permezz tal-estrapolazzjoni tal-MRLs għall-fluralaner għall-ħut kollu bil-pinen hija xierqa. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni tqis li jixraq jiġu stabbiliti l-MRLs irrakkomandati għall-fluralaner fil-ħut kollu bil-pinen. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 37/2010 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/470/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/37(1)/oj).
(3) L-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji tat-12 ta’ Frar 2025 dwar l-istabbiliment tal-limiti massimi ta’ residwi (EMA/CVMP/27344/2025).
ANNESS
Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, l-entrata għas-sustanza “fluralaner” hija sostitwita b’dan li ġej:
|
Sustanza farmakoloġikament attiva |
Residwu markatur |
Speċi tal-annimali |
MRL |
Tessuti kkonċernati |
Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009) |
Klassifikazzjoni terapewtika |
|
“Fluralaner |
Fluralaner |
Pollam |
65 μg/kg 650 μg/kg 650 μg/kg 420 μg/kg 1 300 μg/kg |
Muskolu Ġilda u xaħam fi proporzjonijiet naturali Fwied Kliewi Bajd |
L-EBDA ENTRATA |
Aġenti li jaġixxu kontra l-parassiti/Aġenti li jaġixxu kontra l-ektoparassiti” |
|
Fluralaner |
Ħut bil-pinen |
65 μg/kg |
Muskolu u ġilda fi proporzjonijiet naturali |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1908/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)