European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1901

23.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1901

tat-22 ta’ Settembru 2025

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fil-25 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż konċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Injoni Ewropew (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment li ġie ppreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2024 minn WeylChem Lamotte SAS (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika t-tnedija tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Fl-24 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ” jew “iċ-Ċina”) soġġetti għal reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2715 (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (3).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fl-24 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol. F’dan il-perjodu, żewġ importaturi/utenti, Trade Corporation International SAU (“Trade Corporation”) u Laboratorios Jaer S.A. (“Jaer”) issottomettew kummenti relatati mal-interess tal-Unjoni. Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun, Xinjiang Guolin, sostna li l-Kummissjoni naqqset it-trasport tal-merkanzija ttrasportata bil-baħar darbtejn għal ċerti tranżazzjonijiet u li l-Kummissjoni skambjat il-marġni tal-profitt mal-marġni tal-SG&A fil-kalkolu.

(5)

Kif innotat fil-premessa (329) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/591 (4) (ir-“Regolament proviżorju”), il-Kummissjoni kkoreġiet it-tranżazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, li inizjalment ingħaddew darbtejn fil-kalkolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkoreġiet il-marġni ta’ profitt ta’ 10 % u l-marġni tal-SG&A ta’ 23 % fil-kalkoli. Barra minn hekk, fil-premessa (330) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni nnotat li ġiet applikata rata tal-kambju żbaljata għas-sors biex jiġi ddeterminat il-valur normali li jikkonċerna l-kost lavorattiv, l-elettriku u l-ilma. Il-Kummissjoni aġġornat il-valur tal-kost lavorattiv, tal-elettriku u tal-ilma fit-Tabella 1 tar-Regolament proviżorju, billi użat l-istess rata tal-kambju tal-munita kkomunikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-perjodu ta’ investigazzjoni għall-fatturi kollha tal-produzzjoni.

(6)

Il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament proviżorju.

1.4.   Proċedura sussegwenti

(7)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), il-produtturi esportaturi Guangdong Joy Chemical Co., Ltd., Hubei Hongyuan Pharmaceutical Technology Co., Ltd., Inner Mongolia Tianyuda Biological Technology Co., Ltd., Jinyimeng Group Co., Ltd u Xinjiang Guolin New Materials Co. Ltd u l-importaturi/utenti Trade Corporation, Deretil S.A. (“Deretil”), L. Brüggemann GmbH & Co KG (“Brüggeman”) u Jaer ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li fihom esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji fl-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju.

(8)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(9)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġina mir-RPĊ (id-“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(10)

L-ilmentatur, il-produtturi esportaturi Xinjiang Guolin u Hubei Hongyuan, u l-importaturi/utenti Brüggemann, Deretil, Jaer, Trade Corporation, Asociacion Espanola de Fabricantes de Agronutrientes, (l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Manifatturi Agronutrijenti “AEFA”) u Nouryon Functional Chemicals AB (“Nouryon”) issottomettew kummenti qabel l-iskadenza.

(11)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-produttur esportatur Xinjiang Guolin u l-importaturi/utenti Jaer, Brüggemann u Deretil. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u ttieħdu f’kunsiderazzjoni, fejn xieraq, f’dan ir-regolament. Dawn ġew indirizzati hawn taħt.

(12)

L-analiżi ta’ wħud mill-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali rriżultat f’bidliet fil-kalkoli tad-dumping u fl-eżenzjoni mill-użu aħħari. Fil-5 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-bidliet permezz ta’ divulgazzjoni addizzjonali finali limitata għall-modifiki li saru. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Weylchem, Jaer, Trade Corporation, Hubei Hongyuan, Jinyimeng Group Co., Ltd. u Inner Mongolia Tianyuda Biological Technology Co., Ltd. issottomettew kummenti. Dawn ġew indirizzati hawn taħt.

1.5.   Asserzjonijiet dwar il-bidu

(13)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-bidu, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (1) sa (2) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.6.   Kampjunar

(14)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-kampjunar, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (6) sa (11) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(15)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar it-tweġibiet tal-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (12) sa (15) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(16)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat, il-konklużjonijiet fil-premessa (16) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Asserzjonijiet dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(17)

Wara d-divulgazzjoni, l-utent Brüggemann irrepeta l-asserzjoni tiegħu li għamel fl-istadju proviżorju li l-grad tekniku speċifiku tal-aċidu gliossiliku li jimporta miċ-Ċina u li juża fil-produzzjoni ta’ aġenti riduċenti bbażati fuq il-kubrit mingħajr formaldeid (“FFSRAs, formaldehyde-free sulphur-based reducing agents”) bħalissa ma huwiex qed jiġi offrut mill-industrija tal-Unjoni. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ulterjuri biex issostni l-asserzjoni li l-prodott miksub miċ-Ċina ma jistax jinkiseb mill-industrija tal-Unjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

(18)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (22) sa (28) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(19)

Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali ġiet stabbilita fil-premessi minn (38) sa (86) tar-Regolament proviżorju.

3.2.   Valur normali

(20)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (87) sa (162) tar-Regolament proviżorju.

3.2.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(21)

Ma wasal l-ebda kumment dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ. Għalhekk, is-sejbiet fil-premessi minn (41) sa (86) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(22)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Trade Corporation International issottomettiet kummenti dwar l-għażla tal-Kolombja bħala l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq u l-aċidu aċetiku bħala prodott fl-istess settur bħall-aċidu gliossiliku. Trade Corporation International allegat li l-prodott manifatturat fil-Kolombja, l-aċidu aċetiku, ma kienx l-istess bħall-prodott taħt investigazzjoni, li kellu proprjetajiet u użi kimiċi speċifiċi. Trade Corporation International iddikjarat li l-aċidu gliossiliku kien madwar għaxar darbiet aktar b’saħħtu u aċiduż mill-aċidu aċetiku. Trade Corporation International allegat li l-aċidu aċetiku kien jintuża wkoll fl-agrikoltura, iżda prinċipalment għal finijiet differenti mill-aċidu gliossiliku, bħal erbiċida naturali, għall-kontroll tal-pesti biex jittejbu l-fertilità tal-ħamrija u l-bilanċ tal-pH, filwaqt li l-aċidu gliossiliku ntuża primarjament biex jirregola t-tinbit tal-pjanti u għall-kontroll tal-ħaxix ħażin.

(23)

Il-Kummissjoni infurmat fil-premessi (34) u (91) tar-Regolament proviżorju li peress li ma kien hemm l-ebda produzzjoni ta’ aċidu gliossiliku barra miċ-Ċina u l-Unjoni, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għall-identifikazzjoni ta’ prodott indikatur xieraq fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur bħall-aċidu gliossiliku bil-għan li jiġi identifikat valur mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ. Il-Kummissjoni spjegat fit-taqsima 3.2.2.1.2 tar-Regolament proviżorju, il-premessi minn (91) sa (93) li hemm erba’ prodotti tal-aċidi karbossiliċi C2 bi proċessi tal-produzzjoni simili u bl-użu ta’ materja prima simili, jiġifieri l-aċidu gliossiliku, l-aċidu ossiliku, l-aċidu glikoliku u l-aċidu aċetiku, iżda l-aċidu aċetiku biss huwa mmanifatturat fil-pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku. Il-Kummissjoni nnotat li l-proċess tal-produzzjoni għall-kisba tal-aċidu aċetiku, jekk mhux identiku, huwa komparabbli ħafna għal dak għall-manifattura tal-aċidu gliossiliku, peress li l-proċessi tal-produzzjoni rispettivi, il-materja prima ewlenija u l-oġġetti tal-konsum rilevanti huma simili ħafna. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-aċidu aċetiku kien bħala prodott indikatur xieraq fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur bħall-prodott taħt investigazzjoni u ċaħdet l-asserzjoni.

(24)

Trade Corporation International allegat li l-kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi u l-kapaċitajiet industrijali fil-Kolombja mhux neċessarjament jirriflettu b’mod akkurat dawk fiċ-Ċina, peress li l-proċessi tal-produzzjoni, l-istrutturi tal-kostijiet, u d-dinamika tas-suq fil-Kolombja jistgħu jkunu differenti b’mod sinifikanti minn dawk fiċ-Ċina, u dan iwassal għal rappreżentazzjoni mhux preċiża tal-valur normali tal-aċidu gliossiliku. Trade Corporation International sostniet ulterjorment li d-data finanzjarja disponibbli faċilment għal kumpanija waħda biss fil-Kolombja, Sucroal S.A., ma kinitx biżżejjed biex isir paragun raġonevoli, peress li l-kumpanija setgħet tistabbilixxi prezzijiet ferm ogħla mis-suq.

(25)

Fil-premessi minn (89) sa (90) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Kolombja taqa’ fl-istess kategorija ta’ ekonomiji b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina, ikklassifikata fl-istess klassifikazzjoni tal-grupp ta’ introjtu (pajjiżi b’introjtu medju superjuri) ippubblikata mill-Bank Dinji (5). Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment fil-premessi minn (107) sa (115) tar-Regolament proviżorju li, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku, li l-informazzjoni finanzjarja għall-kumpanija Kolombjana Sucroal S.A. kienet faċilment disponibbli u l-aktar xierqa biex tintuża. Il-Kummissjoni infurmat li ma kienx aktar minn produttur wieħed tal-aċidu aċetiku fil-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali. Il-Kummissjoni identifikat produttur wieħed tal-aċidu aċetiku fil-Kolombja, u wieħed fit-Turkija. Il-Kummissjoni infurmat ukoll li l-manifattur Tork tal-aċidu aċetiku, Akkim Kimya Sanayi ve Ticaret A.S., kien qed jiġi investigat mill-Uffiċċju Tork ta’ Kontra l-Monopolji għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-manipulazzjoni tal-prezzijiet. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni injorat lit-Turkija mill-għażla ta’ pajjiż rappreżentattiv. Barra minn hekk, Sucroal S.A. hija kumpanija stabbilita fil-Kolombja u l-fatt li ma kien hemm l-ebda produttur ieħor tal-aċidu aċetiku fil-Kolombja ma jurix li d-data finanzjarja biex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt ma hijiex affidabbli. L-asserzjoni ġiet miċħuda.

(26)

Wara d-divulgazzjoni finali, Trade Corporation International sostniet li l-Kummissjoni ma ssodisfatx id-dmir tagħha li tiddikjara r-raġunijiet biex tirrifjuta l-asserzjonijiet ta’ Trade Corporation International u rrepetiet l-argumenti li diġà kienu ddikjarati fir-Regolament proviżorju. Trade Corporation International tenniet li l-aċidu aċetiku u l-aċidu gliossiliku għandhom profil fiżikokimiku u spettru tal-użu finali differenti: l-aċidu gliossiliku huwa molekula b’saħħitha tal-aċidu aldeid (pKa ≈ 3,3), użat b’mod predominanti f’applikazzjonijiet speċjalizzati downstream ta’ valur għoli (intermedji farmaċewtiċi, attivitajiet kożmetiċi, fertilizzanti kelati), l-aċidu aċetiku huwa aċidu monokarboksiliku dgħajjef (pKa ≈ 4,8) mibjugħ bħala reaġent kimiku, u fil-manifattura ta’ diversi komposti kimiċi (eż. għall-industrija tat-tindif). Trade Corporation International oġġezzjonat li l-aċidu aċetiku u l-aċidu gliossiliku kienu prodotti simili peress li kienu jvarjaw fil-prezz, fir-rekwiżiti tal-purità, kienu jeħtieġu speċifikazzjonijiet ta’ traċċa-metall u standards ta’ sikurezza. Għalhekk, huma ma qablux li l-aċidu aċetiku jista’ jintuża bħala indikatur għall-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv.

(27)

Il-Kummissjoni nnotat li Trade Corporation International ma ressqet l-ebda evidenza ġdida biex tappoġġa l-asserzjoni. Il-Kummissjoni ċċarat li l-fatt li l-aċidu aċetiku huwa aċidu monokarbossiliku aktar dgħajjef kien magħruf mill-bidu tal-investigazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tidentifika alternattiva eżatta għall-aċidu gliossiliku, hija kienet marbuta tidentifika prodott simili fl-istess kategorija ta’ prodotti li għalihom jintużaw l-istess materjali ta’ input ewlenin jew materjali simili. Bħala tali, il-Kummissjoni sostniet li l-aċidu aċetiku kien l-aħjar prodott indikatur disponibbli fil-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali eżaminati. Il-Kummissjoni tenniet li l-aċidu gliossiliku u l-aċidu aċetiku huma t-tnejn fil-prodotti tal-aċidi karbossiliċi C2, jużaw materja prima simili, u jsiru bl-istess klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li Trade Corporation International ma pproponiet l-ebda prodott alternattiv fil-kategorija simili tal-aċidu gliossiliku biex turi li l-aċidu aċetiku ma kienx prodott indikatur xieraq. L-argument ġie miċħud.

(28)

Barra minn hekk, Trade Corporation International allegat li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex kumpanija waħda biss (Sucroal) hija biżżejjed għall-kostruzzjoni tal-SG&A u l-profitt, kif Sucroal kienet produttur effiċjenti u għaliex produtturi oħra ma kellhomx data affidabbli x’jużaw bħala paragun, li jimmina l-għażla tal-Kolombja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq.

(29)

Il-Kummissjoni ċċarat li fir-Regolament proviżorju (il-premessa (107)) kienet diġà rrapportat li kienet teżisti data finanzjarja faċilment disponibbli minn Orbis għas-sena 2023 għal manifattur wieħed biss tal-aċidu aċetiku fil-Kolombja (Sucroal S.A.) u manifattur wieħed tal-aċidu aċetiku fit-Turkija (Akkim Kimya Sanayi ve Ticaret A.S.). Il-Kummissjoni kienet infurmat ukoll lill-partijiet fil-premessa (112) tar-Regolament proviżorju li filwaqt li qieset l-investigazzjoni li għaddejja tal-uffiċċju Tork Kontra l-Monopolju rigward Akkim Kimya Sanayi ve Ticaret A.S., il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tibqax tqis lil Akkim Kimya Sanayi ve Ticaret A.S għall-kostruzzjoni tal-SG&A u l-profitt. Peress li l-ebda wieħed mis-seba’ pajjiżi rappreżentattivi potenzjali ma mmanifattura l-aċidu gliossiliku, l-aċidu glikoliku jew l-aċidu ossaliku, l-argument ta’ Trade Corporation International dwar l-inadegwatezza tal-prodotti ta’ Sucroal kien irrilevanti. Fl-aħħar nett, peress li mir-Regolament bażiku ma huwa meħtieġ l-ebda għadd minimu ta’ kumpaniji biex jibnu l-SG&A u l-profitt, il-Kummissjoni ma kisret l-ebda dispożizzjoni legali. L-argument ġie miċħud.

(30)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (87) sa (119) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.3.   Fatturi ta’ produzzjoni

(31)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, Xinjiang Guolin allegat li l-parametru referenzjarju tal-Kummissjoni għall-importazzjonijiet tal-anidride malejka lejn il-Kolombja f’livell ta’ 12,58 CNY/kg kien esaġerat. Xinjiang Guolin iddikjarat li l-prezz medju tal-importazzjoni tal-anidride malejka fl-Unjoni (mingħajr importazzjonijiet miċ-Ċina u minn pajjiżi oħrajn mhux tad-WTO) kien ta’ 8,09 CNY/kg, u l-prezz medju tal-importazzjoni tal-anidride malejka lejn pajjiżi ġirien kien ta’ 7,7 CNY/kg għall-Brażil, u ta’ 7,5 CNY/kg għall-Messiku. Xinjiang Guolin ikkummentat ukoll li fir-rieżami interim li għaddej bħalissa tal-Kummissjoni R825 dwar il-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ (“GFR, glass fibre products”) bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (6), il-Kummissjoni applikat parametru referenzjarju għall-importazzjonijiet tal-anidride malejka bejn 6,7 CNY/kg u 7,7 CNY/kg, li allegatament wera li l-valur referenzjarju għall-importazzjonijiet tal-anidride malejka fil-Kolombja kien wisq għoli. Bħala alternattiva, Xinjiang Guolin ipproponiet li jiġi applikat prezz tal-importazzjoni medju tal-anidride malejka fl-Unjoni, prezz tal-importazzjoni internazzjonali tal-anidride malejka fil-pajjiżi kollha, prezz medju tal-anidride malejka fl-Istati Uniti (“US”), fl-Ewropa u fix-Xlokk tal-Asja, prezz tal-esportazzjoni medju fil-livell tal-kost, assigurazzjoni u noll (CIF, cost, insurance and freight) tal-anidride malejka mill-pajjiżi kollha jew l-użu biss tal-prezz tal-importazzjoni tat-Tajwan u tal-Korea fil-Kolombja.

(32)

Il-Kummissjoni nnotat li r-rieżami interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw miċ-Ċina msemmija minn Xinjiang Guolin jikkonċerna prodott kompletament differenti u huwa investigazzjoni separata. Barra minn hekk, f’dik l-investigazzjoni s’issa ma kien hemm l-ebda deċiżjoni dwar liema pajjiż finalment se jintgħażel bħala pajjiż rappreżentattiv. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (107) u (114) tar-Regolament proviżorju li t-Turkija ma kinitx pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-kostruzzjoni tal-valur normali, u b’riżultat ta’ dan, l-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju għall-anidride malejka mit-Turkija ma tkunx xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (96), (100) u (106) tar-Regolament proviżorju, li l-Brażil u l-Messiku nstabu li ma kinux pajjiżi rappreżentattivi xierqa peress li xi ftit mill-materja prima ewlenija kienet fil-biċċa l-kbira importata miċ-Ċina u ma kien hemm l-ebda produttur tal-aċidu aċetiku b’informazzjoni finanzjarja disponibbli faċilment biex jinbnew l-SG&A u l-profitt. Għalhekk, il-parametri referenzjarji għall-anidride malejka fil-Messiku, fil-Brażil u fit-Turkija ġew miċħuda.

(33)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-volum tal-importazzjoni tal-anidride malejka fil-Kolombja kien limitat peress li kien jammonta għal mhux aktar minn 4 664 tunnellata. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat parametri referenzjarji potenzjali oħra, inklużi l-alternattivi proposti minn Xinjiang Guolin, u nnotat li l-akbar esportatur tal-anidride malejka huwa ċ-Ċina, segwita mill-Istati Uniti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat mill-Istati Uniti lejn il-pajjiżi kollha fid-dinja (l-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina u pajjiżi oħrajn mhux tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ġew esklużi) fil-livell tal-Kost, tal-Assigurazzjoni u tan-Nol (“CIF”) bħala l-aktar parametru referenzjarju xieraq għall-aċidu malejku. Il-prezz stabbilit b’dan il-mod kien ta’ 9,32 CNY/kg. . Wara kummenti addizzjonali ta’ Xinjiang Guolin għad-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni kkoreġiet żball fid-data tal-importazzjoni u żiedet id-dazji tal-importazzjoni medji ponderati imposti mill-akbar għaxar pajjiżi importaturi ta’ oġġetti li joriġinaw mill-Istati Uniti, li jkopru 98 % tal-importazzjonijiet madwar id-dinja li joriġinaw mill-Istati Uniti. Ir-rata medja ponderata tad-dazju li rriżultat kienet ta’ 3,15 %. Fuq din il-bażi, il-prezz ġie stabbilit għal 8,25 CNY/kg. Dan irriżulta f’reviżjoni tal-marġni tad-dumping għal Xinjiang Guolin u l-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux parti mill-kampjun. Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-bidla fil-parametru referenzjarju tal-anidride malejka permezz tad-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(34)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, Xinjiang Guolin allegat ulterjorment li l-parametru referenzjarju għall-aċidu nitriku kien baxx b’mod artifiċjali u kkontribwixxa għall-marġni tad-dumping baxx ta’ Hubei Hongyuan. Xinjiang Guolin iddikjarat li l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat biżżejjed il-kumment preċedenti tagħha li l-użu tal-prezz frank abbord (FOB, free on board) għall-fattur ta’ produzzjoni ta’ Hubei (prezz tal-esportazzjoni internazzjonali medju tal-aċidu nitriku), u l-prezz CIF li l-Kummissjoni użat għal dak ta’ Guolin (prezz tal-importazzjoni tal-anidride malejka fil-Kolombja), irriżultaw f’determinazzjoni diskriminatorja tal-valuri normali maħdumin għall-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun. Xinjiang Guolin talbet lill-Kummissjoni biex taġġorna l-prezz frank abbord ta’ Hubei għall-aċidu nitriku għall-prezz CIF billi żżid il-kost tal-merkanzija u tal-assigurazzjoni, jew biex tuża l-prezz tal-esportazzjoni tal-prezz frank abbord għall-fatturi kollha tal-produzzjoni kemm ta’ Hubei kif ukoll ta’ Xinjiang biex tiżgura li jiġu segwiti l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, tat-trattament ugwali, tal-amministrazzjoni tajba u l-konsistenza mal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ.

(35)

Il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (129), (130), (136) u (138) tar-Regolament proviżorju li osservat firxiet kbar ta’ prezzijiet u kejl differenti ta’ kwantitajiet kemm għall-importazzjonijiet tal-aċidu nitriku fil-Kolombja kif ukoll għall-prezz tal-importazzjoni medju internazzjonali tal-aċidu nitriku. Peress li l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-aċidu nitriku ma setgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi minħabba fluttwazzjoni sinifikanti fil-prezzijiet u unitajiet ta’ kejl differenti, il-Kummissjoni analizzat approċċi alternattivi biex tistabbilixxi prezz referenzjarju xieraq. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-prezz tal-esportazzjoni medju internazzjonali lejn il-pajjiżi kollha estratti mill-GTA kellu l-istess unità ta’ kejl u kien ħieles minn fluttwazzjonijiet estremi fil-prezzijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz tal-esportazzjoni medju internazzjonali lejn il-pajjiżi kollha (frank abbord) kien l-aktar parametru referenzjarju affidabbli u li dan l-approċċ kien f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, inċaħdet l-asserzjoni magħmula minn Xinjiang Guolin dwar il-valur referenzjarju tal-esportazzjoni tal-aċidu nitriku fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja.

(36)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xinjiang Guolin sostniet li kemm il-parametri referenzjarji tal-aċidu nitriku kif ukoll tal-anidride malejka kienu bbażati fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni tal-anidride malejka ġie stabbilit fil-livell CIF u l-parametru referenzjarju tal-aċidu nitriku fil-livell ta’ frank abbord. Xinjiang Guolin reġgħet iddikjarat mill-ġdid it-talba tagħha biex il-prezz frank abbord ta’ Hubei għall-aċidu nitriku jiġi aġġornat għall-prezz CIF billi jiżdied il-kost tal-merkanzija u tal-assigurazzjoni. Xinjiang Guolin sostniet ukoll li l-Kummissjoni missha żiedet ammont għad-dazji tal-importazzjoni mal-prezz tal-esportazzjoni CIF tal-aċidu nitriku biex tiżgura li l-parametru referenzjarju biex jinħadem il-valur normali kien jirrifletti l-prezz li produttur kien iħallas għall-materja prima kif ikkonsenjata fuq l-għatba tal-fabbrika. Xinjiang Guolin ikkalkulat id-dazju medju tal-importazzjoni għall-akbar għaxar pajjiżi importaturi tal-aċidu nitriku li jirrappreżentaw 75 % tal-importazzjonijiet kollha fil-livell ta’ 5,7 %.

(37)

Il-Kummissjoni aċċettat il-kumment ta’ Xinjiang Guolin, u sabiex tikkonverti l-prezz frank abbord għal-livell CIF, hija rrikorriet għad-data tal-OECD dwar ir-rata ta’ konverżjoni mill-prezzijiet frank abbord għall-prezzijiet CIF tal-aċidu nitriku (7). Il-Kummissjoni nnotat li l-marġni tal-OECD għal CIF imqabbel mal-prezz frank abbord għall-aċidu nitriku fl-aħħar sena osservata (2022) kien ta’ 10,51 %. Dan il-marġni għal CIF imqabbel mal-prezz frank abbord tqies bħala l-aktar xieraq u ġie miżjud mal-prezz medju tal-esportazzjoni internazzjonali, flimkien mad-dazji tal-importazzjoni medji ponderati imposti mill-akbar għaxar pajjiżi importaturi li jkopru 98 % tal-importazzjonijiet madwar id-dinja, stabbiliti għal 4,99 %. Il-parametru referenzjarju aġġornat għall-aċidu nitriku ġie stabbilit għal 4,86 CNY/kg, li rriżulta f’reviżjoni tal-marġni tad-dumping għal Hubei Hongyuan u għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw (il-premessa (61)). Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-bidla fil-parametru referenzjarju tal-aċidu nitriku permezz tad-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(38)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Hubei Hongyuan argumentat li l-prezz medju tal-esportazzjoni internazzjonali fil-livell frank abbord diġà jikkonforma mal-Artikolu 2.6a(a) tar-Regolament bażiku u mar-regoli tad-WTO, u li l-bidla għal parametru referenzjarju bbażat fuq is-CIF f’dan l-istadju finali tkun inġusta u diskriminatorja. Il-kumpanija enfasizzat li l-prezzijiet tax-xiri tal-aċidu nitriku tagħha ma jinkludux il-merkanzija internazzjonali, l-assigurazzjoni fuq il-baħar, jew id-dazji tal-importazzjoni. Hubei Hongyuan sostniet li kwalunkwe aġġustament jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tat-trattament ugwali, u argumentat li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tbiddilx il-metodu bbażat fuq talba ta’ produttur esportatur ieħor mingħajr raġunijiet ġustifikati. Barra minn hekk, Trade Corporation International argumentat fis-sottomissjoni tagħha li l-aġġustament fil-parametru referenzjarju tal-aċidu nitriku ma kienx iġġustifikat minħabba nuqqas ta’ evidenza jew ta’ raġunament biex jiġi appoġġat l-aġġustament. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet minħabba li l-parametru referenzjarju jenħtieġ li jirrifletti l-prezz tal-fatturi tal-produzzjoni fis-suq tal-pajjiż rappreżentattiv, li awtomatikament irid jinkludi l-kostijiet imġarrba biex dak il-prodott jitqiegħed fis-suq, inkluż il-kost sħiħ tal-prodott ikkonsenjat.

(39)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Xinjiang Guolin sostniet ulterjorment li l-parametru referenzjarju tal-Kummissjoni għall-aċidu ossiliku (prodott sekondarju manifatturat minn Hubei Hongyuan) kien ogħla b’mod sinifikanti mill-prezzijiet tal-importazzjoni medji internazzjonali ta’ 10,68 CNY/kg mill-bażi tad-data Comtrade tan-NU u ħaseb biex jitnaqqas ammont sinifikanti mill-valur normali maħdum ta’ Hubei. Xinjiang Guolin ħeġġet lill-Kummissjoni ssib prezz aktar affidabbli u rappreżentattiv għall-aċidu ossaliku u pproponiet li tapplika jew il-prezz tal-importazzjoni tal-aċidu ossaliku fil-pajjiżi kollha ta’ 10,69 CNY/kg mill-bażi tad-data Comtrade tan-NU, jew li tapplika l-medja tal-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni u tal-Istati Uniti għall-aċidu ossaliku ta’ 12,35 CNY/kg.

(40)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-valur normali għal Hubei Hongyuan inħadem fuq il-bażi tar-rekords kontabilistiċi attribwiti esklużivament għall-proċess tal-manifattura tal-aċidu gliossiliku. Peress li l-kost tal-manifattura tal-aċidu ossaliku ġie rreġistrat separatament fil-kontabilità, il-Kummissjoni ma kellhiex tnaqqas il-kost tal-manifattura tagħha fil-kostruzzjoni tal-valur normali tal-aċidu gliossiliku. Għalhekk, il-parametru referenzjarju għall-aċidu ossaliku, ippubblikat fir-Regolament proviżorju fit-Tabella 1-Fatturi ta’ produzzjoni tal-aċidu gliossiliku, fl-aħħar mill-aħħar ma ntużax mill-Kummissjoni u ma kellux impatt fuq il-kalkolu tal-valur normali ta’ Hubei Hongyuan. L-asserzjoni għalhekk ġiet ikkunsidrata bħala irrilevanti.

(41)

Barra minn hekk, Xinjiang Guolin spjegat li l-kumpanija kellha żewġ fabbriki, waħda f’Xinjiang u oħra f’Shandong. Xinjiang Guolin allegat li l-Kummissjoni żiedet il-kost tal-manifattura tal-anidride malejka billi żiedet l-ispejjeż tat-trasport lejn il-fabbrika ta’ Xinjiang Guolin f’Xinjiang tal-anidride malejka mixtrija mal-kost ikkalkulat mill-ġdid tal-anidride malejka, kif ukoll il-kostijiet tat-trasport bejn iż-żewġ fabbriki ta’ Xinjiang Guolin. Xinjiang Guolin iddikjarat li l-Kummissjoni kienet diġà kkunsidrat il-kostijiet tat-trasport tal-anidride malejka meta użat il-prezz tal-importazzjoni CIF Kolombjan tal-anidride malejka, peress li l-prezz CIF diġà kien fih il-merkanzija domestika fil-pajjiżi esportaturi u l-merkanzija ttrasportata bil-baħar u l-assigurazzjoni. Xinjiang Guolin affermat li jidher li l-Kummissjoni għoddiet il-kostijiet tat-trasport darbtejn fil-kost ikkalkolat mill-ġdid tal-manifattura tal-anidride malejka meta ssostitwiet il-valur tal-anidride malejka bil-prezz tal-importazzjoni CIF Kolombjan u talbet li jitneħħa l-kost tat-trasport.

(42)

Il-Kummissjoni qablet li l-parametru referenzjarju Kolombjan għall-anidride malejka kien fil-livell tal-prezz CIF u kien jinkludi l-kostijiet tat-trasport lejn il-fruntiera. Madankollu, hija l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tinkludi l-kostijiet tat-trasport mill-fruntiera sal-bieb tal-fabbrika meta tikkalkula l-valur normali. Il-kalkolu tal-valur normali jinkludi żieda fil-valur tal-parametru referenzjarju internazzjonali bil-proporzjon tal-kostijiet tat-trasport għall-kostijiet materjali, kif irrappurtat mill-produtturi esportaturi. Huwa biss billi jiżdiedu dawn il-kostijiet li l-valur tal-materjali ta’ input, kif imwasslin sal-bieb tal-fabbrika ta’ produttur fil-pajjiż rappreżentattiv, jiġi rifless kif xieraq. Għalhekk, fil-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet tat-trasport internazzjonali u domestiku, id-dazji applikabbli, u t-taxxi applikabbli mġarrba għax-xiri ta’ materjali fil-munita kontabilistika. Abbażi tal-kwestjonarju vverifikat ta’ Xinjiang Guolin, il-Kummissjoni nnotat li l-kost tat-trasport reali relatat max-xiri tal-anidride malejka ġie speċifikat fuq il-fattura. Dan il-kost tat-trasport żdied fil-kalkolu tal-valur normali.

(43)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li ma tħallas l-ebda kost tat-trasport għall-vjeġġ tal-kristalli tal-aċidu gliossiliku mill-fabbrika f’Xinjiang għall-fabbrika f’Shandong. Fin-nuqqas ta’ kost reali tat-trasport imħallas, il-kost tat-trasport tal-kristalli tal-aċidu gliossiliku mill-fabbrika f’Xinjiang għall-fabbrika f’Shandong ġie stmat minn Xinjiang Guolin, f’dokument sotomess wara ż-żjara ta’ verifika. Wara l-kummenti sottomessi minn Xinjiang Guolin, il-Kummissjoni allokat mill-ġdid din l-istima tal-kost tat-trasport tal-prodott nofsu lest għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, peress li l-kost tat-trasport bejn iż-żewġ fabbriki tal-istess entità legali kien dovut għall-manifattura tal-kristalli tal-aċidu gliossiliku (il-kost tal-manifattura kien jikkonsisti fl-anidride malejka, ix-xogħol, l-elettriku, l-ilma, eċċ.), u l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura tqiesu bħala l-kategorija x-xierqa fil-ħdim tal-valur normali. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet aċċettata parzjalment u l-marġni tad-dumping għal Xinjiang Guolin ġie kkalkulat mill-ġdid. Il-marġni tad-dumping definittiv għal Xinjiang Guolin ġie stabbilit fil-premessa (61).

(44)

Wara d-divulgazzjoni finali, Hubei Hongyuan affermat li l-volum tal-importazzjoni tal-MEG fil-Kolombja kien limitat peress li ammonta għal 4 961 tunnellata biss. Hubei Hongyuan talbet lill-Kummissjoni tanalizza parametri referenzjarji potenzjali oħra, billi ssegwi l-eżempju tal-anidride malejka. Hubei Hongyuan affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat mill-Istati Uniti lejn il-pajjiżi kollha fid-dinja (l-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina u pajjiżi oħrajn mhux tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ġew esklużi) fil-livell tal-Kost, tal-Assigurazzjoni u tan-Nol (“CIF”) bħala l-aktar parametru referenzjarju xieraq għall-MEG.

(45)

Il-Kummissjoni qieset li Hubei Hongyuan ma ssostanzjatx l-affermazzjoni li l-prezz medju tal-importazzjoni tal-MEG lejn il-Kolombja kien esaġerat. Hubei Hongyuan irrimarkat sempliċiment li l-volumi tal-importazzjoni tal-MEG lejn il-Kolombja kienu limitati iżda ma ppreżentat l-ebda evidenza li l-valur referenzjarju ma kienx raġonevoli, ma kienx xieraq jew ma kienx affidabbli. L-asserzjoni inċaħdet.

(46)

Wara d-divulgazzjoni finali, Hubei Hongyuan affermat li l-parametru referenzjarju għall-gliossal kien esaġerat. Hija affermat li l-prezz unitarju tal-gliossal użat mill-Kummissjoni varja minn CNY 3,15/kg għal 2 269,5 CNY/kg, u l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet kellhom impatt u żiedu l-kalkolu tal-parametru referenzjarju. Hubei Hongyuan talbet lill-Kummissjoni biex tuża l-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat mill-Istati Uniti lejn il-pajjiżi kollha fid-dinja (l-esportazzjonijiet lejn iċ-Ċina u pajjiżi oħrajn mhux tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ġew esklużi) fil-livell tal-Kost, tal-Assigurazzjoni u tan-Nol (“CIF”) bħala l-aktar parametru referenzjarju xieraq għall-gliossal.

(47)

Il-Kummissjoni nnotat li l-valuri estremi kkwotati minn Hubei Hongyuan kienu jikkonċernaw biss kwantità limitata ħafna ta’ importazzjonijiet ta’ gliossal (żewġ każijiet ta’ importazzjonijiet ta’ 0,1 kg ta’ gliossal). Bħala tali, din l-estremità kienet negliġibbli fil-volum globali tal-importazzjonijiet u kellha impatt negliġibbli fuq il-kalkolu tal-valur tal-parametru referenzjarju tal-gliossal. Il-bqija tad-data dwar l-importazzjoni hija konsistenti u ma ġietx ikkontestata minn Hubei Hongyuan. L-asserzjoni inċaħdet.

(48)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (120) sa (162) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(49)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (163) sa (164) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.4.   Tqabbil

(50)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Hubei Hongyuan u Xinjiang Guolin innotaw li l-kostijiet SG&A tal-kumpanija Kolombjana Sucroal S.A. użati mill-Kummissjoni biex jinħadem il-valur normali jinkludu “l-kost ta’ distribuzzjoni”, li kien jikkorrispondi għal elementi tal-kost li kienu spejjeż diretti mġarrba lil hinn mil-livell ex-works. Tabilħaqq, dawn ma kellhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-valur normali maħdum tal-kumpanija taħt investigazzjoni.

(51)

Il-Kummissjoni nnotat li l-“kostijiet tad-distribuzzjoni” rrapportati minn Sucroal S.A. kienu parti mill-kostijiet SG&A. Dan intwera mill-fatt li “kostijiet oħrajn” irrappurtati fil-bażi tad-data Orbis, huma diżaggregati f’“kostijiet tad-distribuzzjoni”, f’“kostijiet amministrattivi” u f’“kostijiet oħrajn” fid-data pprovduta mill-awtoritajiet Kolombjani. Id-data disponibbli ma għamlitx distinzjoni ulterjuri fil-kostijiet tad-distribuzzjoni li tkun tippermetti l-identifikazzjoni u l-esklużjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ kostijiet. Bħala tali, il-kostijiet tad-distribuzzjoni huma kostijiet tal-bejgħ, li jistgħu jinkludu kostijiet tat-trasport, iżda wkoll kategoriji oħrajn ta’ kostijiet, bħal-lokazzjoni ta’ faċilitajiet tal-ħżin u tad-distribuzzjoni, inkluż il-makkinarju u l-vetturi meħtieġa, jew ir-reklamar u r-riċerka dwar is-suq, li ma tnaqqsux mill-prezz tal-esportazzjoni. Fil-fatt, tali kostijiet jappartjenu għal-livell ta’ kummerċ ex-works u ma jitneħħewx fin-netting lura għal dak il-livell ta’ kummerċ. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li Hubei Hongyuan, jew Xinjiang Guolin ma pprovdewx evidenza dwar id-diżaggregazzjoni ta’ dawn il-kostijiet tad-distribuzzjoni biex jappoġġaw l-asserzjoni li ma jiġux inklużi fil-valur normali. Għaldaqstant, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(52)

Wara d-divulgazzjoni finali, Hubei Hongyuan talbet lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-“kostijiet tad-distribuzzjoni” mill-kostruzzjoni ta’ Sucroal tal-SG&A filwaqt li speċifikat li l-livell “ex works” ifisser li l-bejjiegħ jikkonsenja meta jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tax-xerrej fil-bini tal-bejjiegħ jew f’post imsemmi ieħor (jiġifieri post tax-xogħol, fabbrika, maħżen, eċċ.), filwaqt li ċċarat b’mod ulterjuri li l-bejjiegħ ma għandux bżonn jgħabbi l-merkanzija fuq xi vettura tal-ġbir, u lanqas ma għandu bżonn jiżdogana l-merkanzija għall-esportazzjoni, meta tali żdoganar huwa applikabbli. Hubei Hongyuan talbet lill-Kummissjoni biex tnaqqas kwalunkwe spiża tat-trasport inkluża fl-SG&A. Hubei Hongyuan affermat ukoll li l-Kummissjoni ma għandhiex telimina b’mod inġust l-ispejjeż tal-bejgħ dirett inklużi fil-“kostijiet tad-distribuzzjoni” u tagħmel dannu lill-interessi tal-esportaturi inklużi fil-kampjun minħabba li l-Kummissjoni ma setgħatx tikseb l-informazzjoni tad-diżaggregazzjoni dettaljata biex tagħmel distinzjoni ulterjuri tal-kostijiet tad-distribuzzjoni li għandhom jippermettu l-identifikar u l-esklużjoni ta’ kategoriji speċifiċi tal-kostijiet. Hubei Hongyuan argumentat li jekk il-Kummissjoni finalment ma setgħetx tikseb id-data rilevanti biex tagħmel distinzjoni ulterjuri fi ħdan il-kostijiet tad-distribuzzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni jew tnaqqas il-“kostijiet tad-distribuzzjoni” kollha mingħajr ma tagħmel aktar distinzjoni jew tagħmel aġġustament fil-prezz tal-esportazzjoni billi tinkludi l-ispejjeż tat-trasport.

(53)

Il-Kummissjoni osservat li l-IFRS (l-istandards IAS 1) jiddefinixxi il-kost tad-distribuzzjoni bħala wieħed mill-elementi fil-kost tal-bejgħ u jaċċetta l-kategorija fil-kostruzzjoni tal-SG&A. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li ma kienet faċilment disponibbli l-ebda informazzjoni dettaljata li tikkonċerna d-diżaggregazzjoni tal-SG&A ta’ Sucroal relatata mal- “kostijiet tad-distribuzzjoni”, u lanqas ma għamluha disponibbli l-produtturi esportaturi (Hubei Hongyuan jew Xinjiang Guolin) biex jippermettu lill-Kummissjoni tnaqqas kwalunkwe kost tat-trasport possibbli lil hinn mil-livell ta’ ‘‘kif joħroġ mill-fabbrika’’. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni peress li Hubei Hongyuan naqas milli juri li l-kostijiet SG&A użati mill-Kummissjoni ma kinux diġà rrapportati fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, jew li kienu se jwasslu għal ammont għall-kostijiet SG&A li ma jkunux “raġonevoli” f’dak il-livell ta’ kummerċ, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(54)

Barra minn hekk, Xinjiang Guolin talbet lill-Kummissjoni biex teskludi l-kontribuzzjoni SG&A u tal-profitt ta’ Qingdao Guolin (il-kumpanija omm responsabbli mill-bejgħ internazzjonali) mill-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni billi saħqet li Qingdao Guolin ma twettaqx il-funzjoni ta’ aġent. Xinjiang Guolin saħqet li Xinjiang Guolin u Qingdao Guolin kienu soġġetti għal kontroll ekonomiku uniku, joperaw flimkien bħala impriża waħda b’diviżjoni tal-funzjonijiet għall-finijiet tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodott taħt investigazzjoni, u r-relazzjonijiet tagħhom ma humiex ibbażati fuq kummissjoni mħallsa simili għal dawk ta’ aġenzija. Xinjiang Guolin sostniet li Qingdao Guolin (il-kumpanija omm) kienet 100 % proprjetà ta’ Xinjiang Guolin u li Qingdao Guolin kienet responsabbli mill-bejgħ kollu tal-esportazzjoni tal-aċidu gliossiliku, filwaqt li Xinjiang Guolin operat bħala fabbrika għal Qingdao Guolin u rregolat esklużivament il-bejgħ domestiku.

(55)

Kif spjegat fil-premessa (174) tar-Regolament proviżorju, saru aġġustamenti fil-prezz tal-esportazzjoni fejn il-prodotti nbiegħu mill-kumpanija produttur lil kumpaniji oħrajn fl-istess grupp u mbagħad ġew esportati lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għaż-żieda riċevuta mill-kummerċjant relatat, kull meta n-negozjanti kienu kkunsidrati li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Il-Kummissjoni nnotat li t-tweġibiet għall-kwestjonarju sottomessi minn Xinjiang Guolin, u b’mod partikolari l-preżentazzjoni tal-kumpanija ta’ Qingdao Guolin u d-dijagramma sekwenzjali tal-bejgħ għall-esportazzjoni, jikkaratterizzaw il-kumpanija omm bħala “kummerċjant” u juru l-eżistenza ta’ negozjati dwar termini kummerċjali bejn il-kumpanija li tipproduċi (Xinjiang Guolin) u l-kummerċjant (Qingdao Guolin).

(56)

Il-Kummissjoni nnotat ulterjorment l-eżistenza ta’ memorandum bejn Xinjiang Guolin u Qingdao Guolin li jirregola esklużivament il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Il-memorandum kien fih klawżoli li jistipulaw perċentwal tal-prezz, skont it-tip ta’ aċidu gliossiliku, li kien impost għall-benefiċċju tal-kumpanija maniġerjali. Aktar importanti minn hekk, il-kuntratt ta’ xiri domestiku bejn Xinjiang Guolin u Qingdao Guolin kien fih klawżoli dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim quddiem qorti. L-eżistenza ta’ din l-evidenza tipprekludi l-karatterizzazzjoni tal-kumpaniji ta’ Guolin ibbażati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bħala entità ekonomika waħda, li fiha Qingdao Guolin hija dipartiment tal-bejgħ intern ta’ Xinjiang Guolin. Skont il-każistika (8), il-preżenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ intiża sabiex issolvi tilwim kuntrattwali li jista’ jinqala’ bejn iż-żewġ kumpaniji kontraenti u n-nuqqas ta’ solidarjetà bejn dawn il-kumpaniji tippresupponi mhux biss l-eżistenza ta’ żewġ persuni ġuridiċi distinti, iżda wkoll żewġ entitajiet ekonomiċi li għandhom interessi diverġenti, u ma tidhirx li tista’ tiġi rrikonċiljata mal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda u mal-klassifikazzjoni ta’ waħda minn dawn il-kumpaniji bħala dipartiment tal-bejgħ intern (9). Ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni simili għall-bejgħ domestiku tal-kumpanija maniġerjali. Għalhekk, l-asserzjoni li Xinjiang Guolin u Qingdao Guolin jikkostitwixxu entità ekonomika waħda ġiet miċħuda.

(57)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (165) sa (174) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.5.   Marġni tad-dumping

(58)

Kif deskritt fil-premessa (33) hawn fuq, wara talbiet minn Xinjiang Guolin rigward il-valur referenzjarju għall-anidride malejka, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(59)

Wara l-iżvelar minn qabel, Guangdong Joy Chemical Co., Ltd, Inner Mongolia Tianyuda Biological Technology Co., Ltd. u Jinyimeng Group Co., Ltd. issottomettew kummenti dwar il-metodoloġija tal-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping. It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kollha allegaw li l-proċess tal-manifattura tagħhom kien identiku għal dak ta’ Hubei Hongyuan u l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom kienu simili dawk ta’ Hubei Hongyuan. It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun saħqu li ma kienx xieraq u ma kienx sew li tiġi applikata medja tal-marġnijiet tad-dumping ikkalkolati għal Hubei Hongyuan u Xinjiang Guolin, peress li l-ebda wieħed mill-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ma uża l-proċess tal-manifattura ta’ Xinjiang Guolin jew l-istess materja prima. It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun talbu lill-Kummissjoni tapplika l-istess dazju anti-dumping bħal dak ta’ Hubei Hongyuan.

(60)

Il-Kummissjoni fakkret li l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 25 %-35 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni tal-aċidu gliossiliku u 40 %-50 % tal-kwantitajiet irrapportati mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Għalhekk, il-kampjun kien rappreżentattiv għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li ma wasal l-ebda kumment dwar il-kampjun magħżul. Il-Kummissjoni kienet applikat il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri kienet attribwiet lil dawk il-partijiet id-dazju medju ponderat ta’ żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. L-asserzjoni ġiet miċħuda.

(61)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, tal-assigurazzjoni u tan-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Hubei Hongyuan

29,2  %

Xinjiang Guolin

130,0  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

64,0  %

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

210,5  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(62)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Trade Corporation argumentat li s-sejbiet tal-investigazzjoni rigward id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni huma żbaljati minħabba li l-Kummissjoni bbażathom fuq il-“prestazzjoni u ċ-ċirkostanzi ta’ kumpanija waħda, li jistgħu ma jkunux rappreżentattivi ta’ kuntest usa’ tal-industrija”. Kif spjegat fin-Notifika tal-bidu, l-ilmentatur jirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, u għalhekk il-kummenti ta’ Trade Corporation huma miċħuda.

(63)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, is-sejbiet fil-premessi minn (184) sa (186) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

4.2.   Id-determinazzjoni tas-suq tal-Unjoni rilevanti

(64)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar is-suq tal-Unjoni rilevanti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (187) sa (191) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(65)

Fil-premessa (194) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni spjegat li l-aċidu gliossiliku jinbiegħ bħala żewġ preparazzjonijiet, jew soluzzjoni ta’ 50 % ta’ aċidu gliossiliku jew kristalli ta’ monoidrat ta’ aċidu gliossiliku. Biex tqabbel it-tipi differenti ta’ aċidu gliossiliku, il-Kummissjoni nnotat li tunnellata ta’ kristalli tal-aċidu gliossiliku tipikament fiha 78,8 % ta’ aċidu gliossiliku, filwaqt li tunnellata ta’ soluzzjoni ta’ aċidu gliossiliku tipikament fiha 50 % ta’ aċidu gliossiliku. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li tunnellata ta’ kristalli tal-aċidu gliossiliku hija ekwivalenti għal 1 576 tunnellata ta’ soluzzjoni ta’ aċidu gliossiliku. Peress li l-uniku produttur magħruf tal-kristalli tal-aċidu gliossiliku huwa Xinjiang Guolin, il-konverżjoni ġiet applikata biss għall-kwantità tagħha ta’ kristalli esportati lejn l-UE.

(66)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-produttur esportatur Xinjiang Guolin oppona l-użu tal-fattur ta’ konverżjoni ta’ 1 576 tunnellata biex l-aċidu gliossiliku tal-kristall jiġi kkonvertit għal 50 % aċidu gliossiliku likwidu. Il-kumpanija tenniet dan il-kumment wara d-divulgazzjoni finali, iżda ma pprovdiet l-ebda element addizzjonali f’dan ir-rigward.

(67)

Il-Kummissjoni osservat li l-kalkolu tal-fattur ta’ konverżjoni kien ibbażat fuq it-tqabbil tal-kontenut reali ta’ PUI tal-aċidu gliossiliku solidu u s-soluzzjoni ta’ 50 %. Biex tikkalkula l-kontenut tal-aċidu gliossiliku, il-Kummissjoni qieset il-purità ta’ 98 % għall-aċidu gliossiliku monoidrat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-kristalli, u mhux fuq il-fattur ta’ konverżjoni bejn iż-żewġ forom kif irrapportati għall-fabbrika ta’ Guolin, peress li dan huwa irrilevanti għall-kontenut attwali tal-aċidu gliossiliku. Fuq dik il-bażi u meta jitqies il-piż molekulari tal-monoidrat ta’ aċidu gliossiliku u tal-aċidu gliossiliku, il-Kummissjoni kkalkolat li 1 576 kg ta’ soluzzjoni ta’ 50 % fihom l-istess ammont ta’ aċidu gliossiliku bħal kilogramma waħda ta’ kristalli. Għalhekk, l-asserzjoni nċaħdet.

(68)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar il-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (192) sa (196) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

(69)

Jaer, utent, ikkummenta li l-Kummissjoni kellha tibbaża l-analiżi tad-dannu tagħha fuq il-volum assolut tal-importazzjonijiet u mhux fuq is-sehem tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni. Huwa asserixxa li t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat ma huwiex relatat mal-importazzjonijiet Ċiniżi peress li l-volum tal-importazzjonijiet naqas bi 13 % matul l-istess perjodu. Il-Kummissjoni nnotat li, kif spjegat fil-premessa (201) tar-Regolament proviżorju, kien hemm tnaqqis fl-importazzjonijiet, marbut mat-tnaqqis fid-domanda. Minkejja t-tnaqqis fil-volumi, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied bi 18 % (11-il punt perċentwali). L-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq esprimiet kif xieraq is-sostituzzjoni tal-prodott tal-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi, li min-naħa tagħhom ikkawżaw it-telf fil-profittabbiltà; Għalhekk, l-asserzjoni miċħuda.

(70)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-premessi minn (197) sa (201) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(71)

Jaer asserixxiet li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fil-prezzijiet fil-perjodu kkunsidrat peress li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-industrija tal-Unjoni kien ogħla mill-prezzijiet fl-2021 u wera biss tnaqqis moderat rilevanti għall-2023, li Jaer asserixxiet li kien f’konformità mal-kostijiet tal-enerġija mnaqqsa. Il-Kummissjoni nnotat li l-bidla fl-indiċi tal-prezzijiet għall-perjodu kkunsidrat fi Franza, il-pajjiż fejn hija bbażata l-industrija tal-Unjoni, kienet ta’ 13,6 % (10). Kif stabbilit fil-premessa (225) tar-Regolament proviżorju, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu żdiedu bi 12 % matul dak il-perjodu. Għalhekk, filwaqt li titqies l-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni huma aktar baxxi milli fl-2021.

(72)

Jaer asserixxiet ukoll li ma kien hemm l-ebda soppressjoni tal-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet Ċiniżi peress li dawn tal-aħħar naqsu biss b’10 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni fakkret li, kif iddikjarat fil-premessa (205) tar-Regolament proviżorju, l-industrija tal-Unjoni, iffaċċjata b’telf tas-sehem mis-suq minħabba kompetizzjoni ma’ importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping orħos, naqqset il-prezz tagħha għal livelli ferm aktar baxxi mill-kost tal-manifattura, biex iżżomm volum ta’ bejgħ li jippermettilhom jipproduċu. Ir-riżultat tal-inabbiltà tagħhom li jgħollu l-prezzijiet irriżulta f’telf sinifikanti, u dan ikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni. L-asserzjonijiet ta’ Jaer inċaħdet.

(73)

Fil-premessi minn (206) sa (207) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni infurmat dwar kif ġie ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz. B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat li l-prezzijiet medji ponderati għal kull tip ta’ prodott ġew ikkalkolati abbażi tal-Kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF), filwaqt li tqiesu d-dazji doganali u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni. Bħala l-ewwel pass f’dawn il-kalkoli, it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ġew ikkategorizzati skont in-Numru ta’ Kontroll tal-Prodott (PCN, Product Control Number). Fir-rigward tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, Xinjiang Guolin oġġezzjonat għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ xi tranżazzjonijiet mill-kwalità standard PCN “S” għall-kwalità għolja PCN “H”. Il-kumpanija pprovdiet ċertifikati ta’ analiżi li juru li l-impuritajiet kienu tali li kkwalifikaw il-prodott taħt il-PCN “S”. Għalhekk, it-talba ntlaqgħet, u t-tranżazzjonijiet kollha ġew ikklassifikati taħt il-PCN “S”.

(74)

Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni finali, Xinjiang Guolin ikkontestat ukoll dikjarazzjoni fil-paragrafu (59) fid-dokument ta’ informazzjoni finali li qalet li Guolin kienet oġġezzjonat għall-kalkolu tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni għall-aċidu gliossiliku tal-kristall. Guolin issottomettiet li qatt ma kienet għamlet asserzjoni bħal din. Tabilħaqq, il-korrezzjoni ta’ dan l-iżball fil-kalkoli provviżorji ma ġietx iddikjarata minn Guolin, iżda ġiet identifikata u kkoreġuta mill-Kummissjoni. Il-korrezzjoni ġiet divulgata lill-partijiet fid-dokument ta’ divulgazzjoni finali.

(75)

Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet osservat li l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni kienu ġew ikkalkolati fuq il-kwantitajiet wara l-konverżjoni tal-kristalli għal soluzzjoni ta’ 50 %, filwaqt li dawn kellhom jiġu kkalkolati abbażi tal-kwantità attwali ta’ kristalli tal-aċidu gliossiliku. Għalhekk, dan ġie kkoreġut mill-Kummissjoni mad-divulgazzjoni finali.

(76)

Wara d-divulgazzjoni finali, Xinjiang Guolin affermat ukoll li jekk il-Kummissjoni tikkonverti l-esportazzjonijiet tal-kristall għall-volum tas-soluzzjoni, jenħtieġ li taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni biex jirrifletti din il-konverżjoni billi żżid EUR 0,06 għal kull Kg li huwa ddikjarat li huwa l-kost għall-konverżjoni tal-kristalli lura f’likwidi. Madankollu, dan il-kost addizzjonali tal-konverżjoni huwa parti mill-istruttura tal-kostijiet tax-xerrejja tal-kristalli u mhux parti mill-prezz tal-esportazzjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni nċaħdet.

(77)

Minħabba l-asserzjonijiet stabbiliti hawn fuq, il-marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz għall-importazzjonijiet miċ-Ċina fis-suq tal-Unjoni ġie rivedut u huwa bejn 12 % u 30 %.

(78)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (202) sa (207) tar-Regolament proviżorju.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(79)

Fin-nuqqas ta’ kummenti minbarra dawk indirizzati fil-premessa (62) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (208) sa (211) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(80)

Jaer asserixxiet li l-Kummissjoni ma wrietx dannu fl-analiżi tagħha tal-volumi tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-kumpanija osservat li kien hemm żieda fil-produzzjoni ta’ 38 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2023 sa Ġunju 2024) rilevanti għall-2023. Il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi tad-dannu tqis ix-xejriet matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-kwantità tal-produzzjoni kienet f’livell ta’ 47 % tal-livelli fl-202l. Kif spjegat fil-premessa (213) tar-Regolament proviżorju, iż-żieda marġinali fil-volum tal-produzzjoni minn 41 % imqabbel mal-2021 fl-2023 għal 47 % meta mqabbel mal-2021 fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li fiha nnifisha hija fi kwalunkwe każ żieda ta’ ordni limitat, kienet biss possibbli billi jitnaqqsu l-prezzijiet taħt il-kostijiet tal-produzzjoni, minħabba kompetizzjoni ma’ importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, u għalhekk wasslet għal telf saħansitra akbar kif muri fil-premessa (232) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, l-asserzjoni nċaħdet.

(81)

Fin-nuqqas ta’ kummenti għajr dawk indirizzati fil-premessa (80), il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (212) sa (214) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.2.   Kwantità ta’ bejgħ u sehem mis-suq

(82)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (215) sa (217) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.3.   Tkabbir

(83)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessa (218) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(84)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (219) sa (221) tar-Regolament proviżorju.

4.5.2.5.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat

(85)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (222) u (223) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(86)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (224) sa (227) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(87)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (228) u (229) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.3.   Inventarji

(88)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (228) u (229) tar-Regolament proviżorju.

4.5.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(89)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (232) u (237) tar-Regolament proviżorju.

4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(90)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet iddivulgati fir-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(91)

Jaer asserixxiet li t-tnaqqis fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kif muri fit-tnaqqis tal-produzzjoni u tal-profittabbiltà ma huwiex relatat mal-importazzjonijiet Ċiniżi peress li l-volum tagħhom naqas mill-2021.

(92)

Kif diskuss fit-taqsima 4.5 tar-Regolament proviżorju, id-data fil-perjodu kkunsidrat uriet b’mod ċar l-ispostament tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx fis-suq ħieles, li wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-Unjoni. L-aktar effett evidenti huwa fuq l-użu tal-kapaċità li naqas taħt il-50 %, rata mhux sostenibbli għall-industrija kimika, kif muri mit-telf tal-profittabbiltà. Ir-rabta bejn it-telf mis-sehem tas-suq u t-tnaqqis fil-produzzjoni fuq naħa waħda u l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx fuq l-oħra, tidher b’mod ċar fil-perjodu tal-investigazzjoni, fejn l-industrija tal-Unjoni setgħet terġa’ tikseb xi sehem mis-suq u żżid il-produzzjoni billi tnaqqas il-prezzijiet, għalkemm ġarrbet telf sinifikanti. Għalhekk, l-asserzjoni nċaħdet.

(93)

Trade Corporation asseriet li l-Kummissjoni ma stabbilitx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu, minħabba li ma kinitx stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni hija produttur effiċjenti u li t-telf allegat tagħha ma huwiex dovut għall-imġiba tagħha stess. Madankollu, l-utent ma pprovda l-ebda evidenza biex jappoġġa l-asserzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni nnotat fil-premessi minn (238) sa (244) tar-Regolament proviżorju li l-industrija tal-Unjoni marret tajjeb fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat u l-indikaturi tad-dannu ġeneralment kienu f’livelli b’saħħithom fl-2021. Sal-2022, din użat il-kapaċità tal-produzzjoni u gawdiet minn livell b’saħħtu ta’ profittabbiltà. Madankollu, mill-2022, biż-żieda tal-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi, l-industrija tal-Unjoni rat tnaqqis fil-bejgħ, fis-sehem mis-suq u fil-profittabbiltà kif ukoll tnaqqis korrispondenti fil-produttività. Barra minn hekk, fil-premessa (246) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ta’ aċidu gliossiliku żdied bi 18 % fil-perjodu kkunsidrat. Matul l-istess perjodu, kif stabbilit fil-premessi minn (215) sa (217) tar-Regolament proviżorju, l-industrija tal-Unjoni rat il-volum tal-bejgħ tagħha jonqos bi 48 % u s-sehem mis-suq tagħha bi 30 %. Għalhekk, fil-premessa (248) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li żieda sinifikanti fis-sehem mis-suq għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ bi prezzijiet li kienu qed iwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni, ikkawżat dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(94)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jaer iddikjarat li l-analiżi ġenerali tad-dannu u tar-rabta kawżali ma pprovdietx spjegazzjoni raġonevoli u ġġustifikata li kien hemm dannu lill-industrija tal-Unjoni kkawżat mill-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat u li l-analiżi kienet preġudikata mill-għażla tal-2021 bħala s-sena tal-bidu tal-perjodu kkunsidrat.

(95)

Il-Kummissjoni osservat li l-indikaturi tad-dannu wrew dannu dejjem akbar għall-industrija tal-Unjoni anke wara l-2022: l-impjiegi naqsu b’mod kostanti, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset b’mod lineari kull sena. Il-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu wkoll matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni huwa viżibbli wkoll meta l-perjodu ta’ investigazzjoni jitqabbel mal-2022 u l-2023. Barra minn hekk, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni naqas, l-importazzjonijiet Ċiniżi tejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-Unjoni, riflessa fiż-żieda tas-sehem mis-suq Ċiniż. Minbarra l-Unjoni, iċ-Ċina hija l-uniku produttur ieħor tal-aċidu gliossiliku fid-dinja, għalhekk, l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping tal-aċidu gliossiliku għandhom impatt dirett fuq il-produttur tal-Unjoni. Il-prezzijiet Ċiniżi naqsu b’mod sinifikanti fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u kkawżaw tnaqqis fil-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni nċaħdet.

(96)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri dwar l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (246) sa (248) tar-Regolament proviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(97)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(98)

Jaer ikkummentat li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu aktar baxxi minn dawk tas-suq tal-Unjoni, bl-implikazzjoni li l-prezzijiet tal-UE kienu esaġerati. Matul iż-żjara ta’ verifika fil-bini tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisbet informazzjoni li dan kien dovut għall-modalità tat-trasport u għall-kwantitajiet tal-kunsinni tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(99)

Trade Corporation ikkummentat li t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet ma setax jiġi attribwit għall-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping. Fil-premessa (252) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kienet analizzat it-tnaqqis fl-esportazzjoni bħala fattur fit-tnaqqis tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni iżda ma kinitx attribwiet it-tnaqqis għall-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni. Il-kumment għalhekk ma ntlaqax.

(100)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ulterjuri, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (250) sa (254) tar-Regolament proviżorju.

5.2.3.   Żidiet fil-kostijiet tal-materja prima u tal-prezzijiet tal-enerġija

(101)

Jaer, Trade Corporation u Hubei Hongyuan sostnew li t-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat minn żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(102)

Kif imsemmi fil-premessi (226) u (255) tar-Regolament proviżorju, l-industrija tal-Unjoni ffaċċjat kostijiet ogħla tal-produzzjoni matul l-2022, minħabba żidiet fil-prezzijiet fl-enerġija. Madankollu, anke mill-2023 meta l-prezzijiet tal-enerġija bdew jonqsu (11), kien impossibbli għall-industrija tal-Unjoni li tistabbilixxi prezz tal-bejgħ profittabbli, minħabba l-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet oġġett ta’ dumping. Għalhekk, l-asserzjoni nċaħdet.

5.2.4.   Konsum

5.2.4.1.   Tnaqqis fid-domanda

(103)

Jaer, Trade Corporation u Hubei Hongyuan saħqu li d-dannu kien ukoll dovut għat-tnaqqis fis-suq tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku. L-istess partijiet saħqu li t-tnaqqis fid-domanda huwa fenomenu ġenerali kkawżat minn tnaqqis fis-settur kimiku fl-Unjoni, u għalhekk ma huwiex attribwibbli għall-importazzjonijiet ta’ aċidu gliossiliku oġġett ta’ dumping.

(104)

Fir-Regolament proviżorju, fil-premessa (256), il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li s-suq tal-UE varja fil-perjodu kkunsidrat bi tnaqqis ta’ 28 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-2021. Kif spjegat fl-istess premessa, irrispettivament mill-fluttwazzjonijiet fis-suq, is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi kompla jiżdied anke f’perjodi ta’ reċessjoni u, barra minn hekk, l-industrija tal-UE ma setgħetx iżżomm is-sehem mis-suq. Għalhekk, ir-reċessjoni fid-domanda ma naqqsitx ir-rabta każwali.

(105)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri dwar l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (256) tar-Regolament proviżorju.

5.2.4.2.   Użu kaptiv

(106)

Jaer, Trade Corporation u Hubei Hongyuan saħqu li d-dannu kien ukoll dovut għat-tnaqqis fis-suq tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku fis-suq ristrett. Jaer innotat ukoll li t-tnaqqis fis-suq ristrett ikisser ir-rabta kawżali peress li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma setgħux jikkawżaw it-tnaqqis fis-suq kaptiv.

(107)

Fil-premessa (258) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kienet stabbiliet li l-impatt tar-reċessjoni fis-suq kaptiv - irrispettivament mill-kawża tagħha - kien inqas sever, kemm fil-volumi kif ukoll fit-tnaqqis fil-prezz, mit-telf tal-bejgħ fis-suq ħieles minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping. Għalhekk, ir-reċessjoni fl-użu kaptiv ma naqqsitx ir-rabta każwali.

(108)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi minn (257) sa (259) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(109)

L-asserzjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament proviżorju ġew miċħuda. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet iddivulgati fir-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, meqjusin b’mod individwali jew b’mod kollettiv, la naqqsu u lanqas kisru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali. Is-sejbiet fil-premessi minn (260) sa (263) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

(110)

Xinjiang Guolin oġġezzjonat għall-fatt li l-Kummissjoni użat il-profitt medju tal-2021 u tal-2022, l-aħħar sentejn ta’ profitt għall-ilmentatur, biex tikkalkula l-prezz fil-mira għall-aċidu gliossiliku. Xinjiang Guolin talbet li teskludi s-sena 2021, u saħqet li dik is-sena kienet eċċezzjonalment profittabbli minħabba tfixkil fil-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni nnotat li l-2022 tista’ titqies ukoll bħala sena eċċezzjonali minħabba l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Bl-inklużjoni tas-sentejn, il-Kummissjoni żgurat valutazzjoni aktar ġusta. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(111)

L-effett kumulattiv tal-kategorizzazzjoni mill-ġdid tat-tranżazzjonijiet u tal-kalkolu mill-ġdid tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni deskritti fil-premessi (73) u (76) kien li l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għal Xinjiang Guolin tnaqqas għal 57,3 %. Konsegwentement, il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għall-esportaturi l-oħrajn li kkooperaw, li huwa l-medja ponderata tal-esportaturi inklużi fil-kampjun ġie rivedut għal 93,6 %.

(112)

Minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni (ara l-premessi minn (179) sa (181) tar-Regolament proviżorju) u f’konformità mal-approċċ deskritt fih għall-istabbiliment tal-marġni tad-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jkun ibbażat fuq volum rappreżentattiv ta’ bejgħ minn Hubei Hongyuan lejn l-Unjoni. Dan il-bejgħ tqies bħala indikatur xieraq biex jirrifletti l-imġiba dannuża fl-ipprezzar tal-kumpaniji li għażlu li ma jikkooperawx. Għalhekk, il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz residwu kien stabbilit għal 124,9 %.

(113)

Kif deskritt fit-Taqsima 3.5 hawn fuq, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji.

(114)

Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet fil-marġnijiet tad-dumping u tal-bejgħ taħt il-prezz, it-tabella fil-premessa (272) tar-Regolament proviżorju hija riveduta kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz (%)

Hubei Hongyuan

29,2

112,9

Xinjiang Guolin

130,0

57,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

64,0

93,6

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

210,5

124,9

(115)

Minbarra l-bidliet ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti, is-sejbiet fil-premessi minn (267) sa (272) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

(116)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (273) sa (281) tar-Regolament proviżorju.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(117)

Wara li kkonkludiet li hemm distorsjoni fil-materja prima fiċ-Ċina, kif definita fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li kien fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont tad-dazji definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.

(118)

Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-informazzjoni pertinenti kollha għal din l-investigazzjoni, inklużi l-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-kompetizzjoni taċ-Ċina għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni qieset ukoll l-informazzjoni addizzjonali sottomessa dwar l-impatt fuq il-ktajjen tal-provvista wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji mill-produttur esportatur Hubei, l-utenti Nurion, Jaer, Trade Corporation, Brüggemann u Deretil, kif ukoll ir-rispons tal-industrija tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

7.1.1.   Kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur

(119)

Deretil ma qablitx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li Hubei Hongyuan, il-produttur li kkoopera bl-inqas dazju anti-dumping, kellu kapaċità ta’ riżerva, u semmiet is-sottomissjoni tal-kumpanija. L-utent ma pprovda l-ebda evidenza ulterjuri biex jappoġġa l-asserzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni rilevanti dwar il-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur fil-premessa (284) tar-Regolament proviżorju.

(120)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (284) sa (286) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

7.1.2.   Kompetizzjoni għall-materja prima

(121)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (287) sa (290) tar-Regolament proviżorju.

7.1.3.   Effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

(122)

Trade Corporation, Jaer u Hubei Hongyouan saħqu li l-impożizzjoni tal-miżuri tagħti lill-industrija tal-Unjoni pożizzjoni monopolistika. L-asserzjoni ġiet miċħuda fil-premessa (308) tar-Regolament proviżorju. Billi ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni addizzjonali, l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(123)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Deretil, Jaer u Trade Corporation ikkummentaw dwar il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipprovdi biżżejjed kwantitajiet ta’ aċidu gliossiliku lill-utenti, peress li l-uniċi sorsi ta’ provvista jinsabu fl-Unjoni u fiċ-Ċina. Barra minn hekk, Jaer spjegat li hija importat mingħand esportaturi Ċiniżi minħabba l-karatteristiċi tal-kwalità u l-profili ta’ impurità tal-prodotti tagħhom li huma diffiċli li jinkisbu fil-prodotti offruti mill-industrija tal-Unjoni. Brüggemann irrepetiet ukoll il-kummenti tagħha li għamlet fl-istadju proviżorju li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tipprovdilhom grad speċifiku li hija teħtieġ għall-proċess tal-produzzjoni tagħha.

(124)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, Jaer u Deretil ipprovdew evidenza li se jkun hemm żieda fil-konsum tas-swieq downstream tagħhom u għalhekk id-domanda għall-aċidu gliossiliku se tiżdied fis-snin ta’ wara. Jaer ikkwotat l-informazzjoni dwar is-suq li tindika żieda fis-suq tal-kelat, u Deretil ipprovdiet informazzjoni dwar domanda dejjem akbar fis-swieq downstream tagħha. It-tnejn li huma nnutaw li f’tali sitwazzjoni, hemm possibbiltà li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ tforni lill-utenti kollha.

(125)

Trade Corporation, Jaer u Deretil ikkummentaw ukoll dwar l-importanza tal-affidabbiltà u tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista filwaqt li nnotat il-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil tal-iskedi tal-produzzjoni fl-industrija kimika. Barra minn hekk, Deretil, Jaer u Brüggemann innutaw li l-bidla tal-fornitur hija diffiċli fil-każ tal-industrija kimika, peress li din tirrikjedi l-ittestjar u l-akkreditazzjoni tal-proċeduri. F’dan ir-rigward, Deretil innotat li huwa fl-interess tal-utenti li jwarrbu s-sorsi ta’ provvista tagħhom biex jiggarantixxu l-kontinwazzjoni tal-proċessi tal-manifattura tagħhom. Deretil qajmet ukoll tħassib dwar id-disponibbiltà tal-aċidu gliossiliku għall-produzzjoni tal-amoksiċillina li hija antibijotiku inkluż fil-lista ta’ mediċini kritiċi (12) li għaliha l-Kummissjoni ddikjarat fil-proposta għal Att dwar il-Mediċini kritiċi li “is-sigurtà tal-provvista fl-UE trid tiġi żgurata f’kull ħin (13)”.

(126)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Weylchem Lamotte wieġbet għall-kummenti tal-utent dwar il-kapaċità. L-ilmentatur ipprovda informazzjoni addizzjonali li turi li bħalissa hemm biżżejjed kapaċità mhux utilizzata u li x’aktarx li din tiżdied minħabba tnaqqis ulterjuri fl-użu għal użu kaptiv.

(127)

Fil-premessa (293) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kienet analizzat is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kapaċità u kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni tista’ tissostitwixxi l-parti l-kbira (90 %-95 %) tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Il-Kummissjoni analizzat ulterjorment l-informazzjoni kollha li rċeviet wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, dwar il-kapaċità u l-effetti fuq il-ktajjen tal-provvista. L-informazzjoni pprovduta mill-utenti u mill-ilmentatur uriet li l-industrija tal-Unjoni flimkien ma’ Hubei Hongyouan, l-esportatur bl-inqas marġni tad-dumping, għandha kapaċità ta’ riżerva suffiċjenti biex tissodisfa d-domanda. Din il-konklużjoni hija saħansitra aktar valida jekk jitqiesu l-kapaċitajiet ta’ riżerva tal-kumpaniji soġġetti għall-marġni tad-dumping applikabbli għal “kumpaniji oħrajn li kkooperaw”. Għalhekk l-asserzjonijiet ġew miċħuda.

(128)

Fir-rigward tal-asserzjonijiet ta’ Jaer u ta’ Brűggemann dwar gradi speċifiċi għall-proċessi tal-produzzjoni rispettivi tagħhom, inizjalment la Jaer u lanqas Brűggemann ma ddivulgaw informazzjoni dwar dawk il-gradi speċifiċi meħtieġa, u għalhekk l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f’pożizzjoni li twieġeb dwar jekk setgħetx tipprovdi tali gradi jew le. Il-Kummissjoni kkonkludiet li tabilħaqq kemm Jaer kif ukoll Brűggemann jiksbu gradi speċifiċi ta’ aċidu gliossiliku miċ-Ċina, madankollu l-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika jekk l-istess gradi setgħux jiġu pprovduti mill-industrija tal-Unjoni peress li ma ġietx divulgata informazzjoni dwar il-gradi speċifiċi. Għalhekk l-asserzjonijiet ġew miċħuda. Wara d-divulgazzjoni definittiva, Brűggemann iddivulgat informazzjoni addizzjonali. Din l-asserzjoni hija indirizzata fil-premessi (158) sa (163).

7.1.4.   Sitwazzjoni finanzjarja tal-utenti

(129)

Kif spjegat fil-premessa (18) tar-Regolament proviżorju, l-aċidu gliossiliku huwa prodott intermedju għall-produzzjoni tal-antibijotiċi, il-vanillina, il-fertilizzanti tal-kelat u l-allantoina. Tliet produtturi tal-fertilizzanti, Trade Corporation, Nouryon, u Jaer, produttur wieħed tal-antibijotiċi, Deretil, u produttur wieħed tas-sustanzi kimiċi speċjalizzati, Brüggemann, li jirrappreżentaw 75 % tal-importazzjonijiet u 72 % tal-konsum tal-UE tal-aċidu gliossiliku, għamlu sottomissjonijiet wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji.

(130)

L-utenti saħqu li l-impożizzjoni tal-miżuri żżid b’mod sinifikanti l-kostijiet tagħhom, tnaqqas il-profitti tagħhom filwaqt li Deretil u Brüggemann saħqu li se jġarrbu telf u dan ikollu impatt fuq il-kompetittività tagħhom fi żmien meta qed jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar fis-swieq rispettivi tagħhom mill-esportaturi Ċiniżi u Indjani li ma jiġux affettwati mill-miżuri. L-utenti saħqu ulterjorment li minħabba l-kompetizzjoni mill-produtturi esportaturi fis-swieq rispettivi tagħhom, dawn ma jkunux jistgħu jgħaddu ż-żieda fil-kostijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, Jaer u Nouryon talbu lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-livell ta’ miżuri. B’mod partikolari, Jaer talbet l-applikazzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(131)

Il-Kummissjoni kienet stabbiliet l-eżistenza ta’ tfixkil fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku (il-premessa (281) tar-Regolament proviżorju. Sabiex tivvaluta jekk kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2) jew 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel għamlet simulazzjonijiet dwar il-profittabbiltà tal-utenti abbażi tal-marġnijiet definittivi tad-dumping u tad-dannu, filwaqt li assumiet li l-volumi tal-aċidu gliossiliku, kif ukoll il-fatturat miksub fuq prodotti downstream baqgħu ugwali għal dawk fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(132)

It-tieni, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tad-dazji fuq il-profittabbiltà billi naqqset il-profitt fi proporzjon mal-kontribuzzjoni tal-aċidu gliossiliku għall-fatturat, immultiplikata biż-żieda effettiva fil-prezz li tirriżulta mill-impożizzjoni tad-dazji. Iż-żieda effettiva fil-prezz qieset il-provenjenza tal-importazzjonijiet, id-dazji imposti fuq il-produtturi esportaturi, kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet irrapportati għall-industrija tal-Unjoni.

(133)

L-impatt tal-miżuri varja f’konformità mad-differenzi fir-rigward tal-profittabbiltà inizjali tal-utenti, il-kontribuzzjoni tal-aċidu gliossiliku għall-fatturat tal-prodotti downstream u s-sors tal-provvista tal-aċidu gliossiliku. B’mod speċifiku, il-kontribuzzjoni tal-aċidu gliossiliku għall-fatturat tal-prodotti downstream tvarja bejn 5 % u 18 %. Il-marġnijiet ta’ profitt għall-produtturi tal-kelat u tas-sustanzi kimiċi dedikati kienu ferm ogħla minn 10 %, filwaqt li l-produttur tal-antibijotiċi rrapporta profitti fil-medda ta’ 5 % sa 7 %. Fl-aħħar nett, kien hemm żidiet effettivi ogħla fil-prezzijiet meta l-kumpaniji kienu qed jakkwistaw minn produtturi li ma kkooperawx.

(134)

Ir-riżultati tas-simulazzjonijiet urew li jekk jiġu imposti dazji fuq l-esportazzjonijiet miċ-Ċina skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, ħlief għal Deretil, l-utenti jibqgħu profittabbli, anke jekk ma jżidux il-prezzijiet, minħabba l-marġnijiet ta’ profitt għoljin tagħhom. Is-simulazzjonijiet urew l-istess riżultat għall-utenti li jakkwistaw mingħand produtturi li ma kkooperawx. Id-dazji ċertament ikollhom impatt fuq il-profittabbiltà tal-utenti, iżda d-direzzjoni mill-ġdid tal-akkwisti biex jiżdied is-sehem tal-industrija tal-Unjoni jew tal-esportaturi b’dazji aktar baxxi bħal Hubei, ittaffi ulterjorment l-impatt.

(135)

Fil-każ ta’ Deretil, minħabba l-marġni ta’ profitt moderat tagħha, jekk jiġu imposti dazji f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jaffettwaw serjament il-profittabbiltà tagħha, u l-kumpanija tibda tagħmel it-telf. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, kif ġie indikat minn Deretil, li l-amoksiċillina hija inkluża fil-lista ta’ mediċini kritiċi li għalihom il-kontinwità tal-provvista hija prijorità (14). Għalhekk, peress li Deretil hija l-uniku produttur tal-prekursur tal-amoksiċillina u wieħed miż-żewġ produtturi tal-amoksiċillina fl-Unjoni, huwa importanti li l-profittabbiltà tajba tagħha u s-sigurtà tal-provvista ma jiġux ipperikolati.

(136)

Il-Kummissjoni mbagħad għamlet simulazzjoni dwar il-profittabbiltà ta’ Deretil li kieku kellhom jiġu imposti dazji fuq l-esportazzjonijiet miċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-profittabbiltà ta’ Deretil tiġi affettwata wkoll skont il-miżuri tal-Artikolu 7(2), madankollu f’dak ix-xenarju, Deretil tibqa’ profittabbli anke fil-każ li jkollha takkwista mingħand esportaturi li ma kkooperawx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat is-sors tal-provvista u l-gradi ta’ kwalità tal-użi tal-aċidu gliossiliku minn Deretil u kkonkludiet li l-kumpanija tista’ tikseb sehem akbar tal-aċidu gliossiliku mill-industrija tal-Unjoni u mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, u b’hekk ittaffi b’mod sinifikanti l-impatt tal-miżuri fuq il-profittabbiltà tagħha.

7.1.5.   Konklużjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(137)

Fil-premessi (296) u (297) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien fl-interess tal-Unjoni li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dazji f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, u li jiġi stabbilit il-livell ta’ dazji proviżorji abbażi tal-livell ta’ dumping.

(138)

L-analiżi tas-sottomissjonijiet tal-utenti wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji wriet li, filwaqt li għall-utenti l-oħrajn kollha, l-impożizzjoni tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku x’aktarx li ma twassalx għal konsegwenzi negattivi sinifikanti, tali livell ta’ dazji jkollu impatt serju speċifikament fuq il-profittabbiltà ta’ Deretil, li jwassal għal telf. L-analiżi wriet ukoll li meta jiġu applikati d-dazji f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, Deretil tibqa’ profittabbli.

(139)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni evalwat bir-reqqa l-elementi kollha u ma setgħetx tikkonkludi li huwa fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont ta’ dazji f’konformità mal-Artikolu 7(2a), jiġifieri ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tistabbilixxi l-livell tal-miżuri fil-livell tad-dumping fid-dawl tal-effett negattiv sproporzjonat li dan x’aktarx ikollu fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni.

(140)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li jenħtieġ li l-miżuri jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

7.2.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku

(141)

Wara li vvalutat l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.2.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(142)

Kif spjegat fil-premessa (299) tar-Regolament proviżorju, l-uniku produttur tal-aċidu gliossiliku fl-Unjoni ppreżenta l-ilment, ikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni u esprima l-interess tiegħu għall-impożizzjoni ta’ miżuri.

(143)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi minn (299) sa (302) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

7.2.2.   Interess ta’ importaturi u ta’ kummerċjanti mhux relatati

(144)

Fin-nuqqas ta’ kummenti mill-importaturi u mill-kummerċjanti tal-Unjoni, il-premessi (303) u (304) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

7.2.3.   Interess tal-utenti

(145)

Kif stabbilit fit-taqsima 7.1.3 ta’ dan ir-Regolament, l-utenti Trade Corporation, Deretil u Jaer tennew it-tħassib tagħhom dwar il-kapaċità limitata tal-produzzjoni tal-ilmentatur u d-disponibbiltà ta’ kwantitajiet suffiċjenti ta’ aċidu gliossiliku fl-Unjoni.

(146)

Trade Corporation u Deretil oġġezzjonaw għall-adozzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, Nouryon, Trade Corporation, Deretil, Jaer u Brüggemann għamlu wkoll kummenti dwar l-effett fuq il-profittabbiltà u l-kompetittività tagħhom (ara wkoll it-taqsima 7.1.4).

(147)

Fir-rigward tal-asserzjonijiet dwar il-kapaċità u l-profittabbiltà, il-Kummissjoni indirizzat dawk l-asserzjonijiet fil-premessa (80) ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, kif stabbilit fit-taqsima 7.1.4 ta’ dan ir-Regolament, bl-applikazzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-utenti kollha jibqgħu profittabbli, anke jekk ikollhom bżonn jakkwistaw mingħand produtturi li ma kkooperawx. Konsegwentement, f’każijiet meta l-produzzjoni tiġi interrotta jew fl-industrija tal-Unjoni jew inkella f’Hubei — il-produttur esportatur b’dazji aktar baxxi — l-utenti xorta jkollhom aċċess għal sorsi oħrajn ta’ provvista, filwaqt li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, asserzjonijiet dwar il-profittabbiltà, il-kompetittività, il-kapaċità u d-disponibbiltà huma miċħuda.

(148)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Jaer talbet l-esklużjoni tal-ambitu tal-prodott tat-tip ta’ grad ta’ aċidu gliossiliku li jużaw biex jipproduċu l-fertilizzanti. Din asserixxiet li ma tistax tikseb biżżejjed kwantitajiet ta’ dan il-grad mill-industrija tal-Unjoni.

(149)

Biex tivvaluta kwalunkwe talba għall-esklużjoni tal-prodott, il-Kummissjoni għandha teżamina (i) il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti, (ii) l-użu aħħari u l-interkambjabbiltà tagħhom, (iii) il-perċezzjoni tal-konsumatur aħħari, (iv) l-impatt tad-dazji fuq l-utent, (v) sorsi alternattivi ta’ provvista, u (vi) l-impatt tal-eżenzjoni fuq id-dazji. Peress li Jaer għamlet it-talba tagħha wara l-iskadenza biex tissottometti dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis it-talba peress li ma setgħetx twettaq l-analiżi biex tagħti jew tirrifjuta l-esklużjoni ta’ dan l-ambitu tal-prodott.

(150)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Deretil talbet eżenzjoni tal-użu aħħari skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (15) għall-użu tal-aċidu gliossiliku għall-produzzjoni ta’ prekursur antibijotiku D(-) Alfa Paraidrossi FenilGliċina Metil Ester “Metil Ester” u tal-antibijotiku amoksiċillina.

(151)

Wara li analizzat l-evidenza u l-kummenti ppreżentati minn Deretil, il-Kummissjoni ddeterminat li ma hemm l-ebda raġuni biex tingħata l-eżenzjoni tal-użu aħħari, peress li Deretil ma tirrikjedix grad speċjali ta’ aċidu gliossiliku u tista’ tagħmel akkwisti mingħand l-industrija tal-Unjoni u mingħand il-produtturi esportaturi kollha fiċ-Ċina. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi (136) u (147), l-impożizzjoni tal-miżuri hija f’konformità mal-Artikolu 7(2), għalhekk Deretil tibqa’ profittabbli anke jekk tuża bħala sors il-produtturi li ma kkooperawx fiċ-Ċina.

(152)

Brüggemann tenniet l-asserzjoni tagħha għal eżenzjoni tal-użu aħħari skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li diġà saret fl-istadju proviżorju kif imsemmi fil-premessa (24) tar-Regolament proviżorju. Brüggemann ipprovdiet aktar informazzjoni dwar it-tip ta’ aċidu gliossiliku li tikseb miċ-Ċina u saħqet li għall-kuntrarju tas-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju, l-aċidu gliossiliku li nkiseb miċ-Ċina u l-aċidu gliossiliku li nkiseb mill-Unjoni ma kinux interskambjabbli.

(153)

Fil-premessi minn (25) sa (28) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex ma setgħetx tagħti eżenzjoni tal-użu aħħari lil Brüggemann. Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni l-ġdida pprovduta mill-kumpanija wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Kif spjegat fil-premessa (128), Brüggemann ma ddivulgatx informazzjoni speċifika dwar it-tip ta’ grad ta’ aċidu gliossiliku li tikseb miċ-Ċina u għalhekk l-industrija tal-Unjoni inizjalment ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta dwar jekk setgħetx tikseb dak il-grad jew le. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari.

(154)

Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talbiet li saru minn Deretil u minn Brüggemann, jekk jingħataw, jammontaw għal ammont sinifikanti tal-konsum totali tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku (minn 13 % sa 18 %) fil-każ ta’ Deretil u minn 3 % sa 5 % fil-każ ta’ Brüggemann. Għalhekk, jekk jingħataw jitfgħu dubju fuq l-effettività tal-miżuri fil-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(155)

Madankollu, kif spjegat fil-premessi (158) sa (163), it-talba ta’ Brüggeman issa tista’ tintlaqa’.

7.2.4.   Interess tal-konsumaturi

(156)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, Trade Corporation allegat li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-aċidu gliossiliku jkollha impatt fuq il-prezz tal-fertilizzanti u tista’ twassal għal kostijiet miżjuda fil-produzzjoni agrikola, u b’hekk għal prezzijiet ogħla tal-ikel għall-konsumaturi. Deretil argumentat bl-istess mod li ż-żieda fil-prezz tal-aċidu gliossiliku, iżżid b’mod sinifikanti l-prezz tal-prekursuri antibijotiċi prodotti fl-Unjoni u, għalhekk, iżżid il-prezz tal-antibijotiċi u tħalli impatt fuq il-konsumaturi tal-UE, speċjalment dawk b’introjtu aktar baxx. Fin-nuqqas ta’ evidenza korroborattiva, l-asserzjonijiet huma miċħuda.

7.2.5.   Interess strateġiku tal-industrija tal-Unjoni

(157)

Kif muri mis-sottomissjonijiet tal-utenti, l-aċidu gliossiliku huwa prodott intermedju kruċjali għall-industriji tal-Unjoni b’mod ġenerali u għall-produzzjoni tal-antibijotiċi b’mod partikolari. Fi proposti leġiżlattivi reċenti, (16) , (17) il-Kummissjoni nnotat li n-nuqqas ta’ prodotti mediċinali jista’ jirriżulta minn interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista u vulnerabbiltajiet li jaffettwaw il-provvista ta’ ingredjenti u komponenti ewlenin u fittxet li tindirizzahom u żżid ir-reżiljenza tas-settur farmaċewtiku. It-telf tal-uniku produttur tal-aċidu gliossiliku fl-Unjoni b’riżultat tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping iżid il-vulnerabbiltà tas-settur farmaċewtiku peress li dawn se jsiru dipendenti biss fuq ktajjen twal tal-provvista li ġew imfixkla f’diversi okkażjonijiet f’dawn l-aħħar ftit snin, eż. minħabba aċċidenti fil-Kanal ta’ Suez jew kunflitt fil-Baħar l-Aħmar. Barra minn hekk, l-għajbien tal-produzzjoni tal-gliossiliku fl-Unjoni jwassal għad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, peress li ma hemm l-ebda sors alternattiv, u jikkomprometti l-awtonomija strateġika tal-Unjoni f’settur kruċjali (18). Min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta’ miżuri fil-livelli proposti se tipproteġi l-produzzjoni tal-aċidu gliossiliku u tevita ħsara estensiva lill-industrija downstream u b’hekk ittaffi d-dipendenza fuq il-ktajjen tal-provvista barranin.

(158)

Wara d-divulgazzjoni finali, Brüggemann tenniet li ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal eżenzjoni tal-użu aħħari mill-Kummissjoni ma kinitx ġustifikata. Hija sostniet li tali eżenzjoni kienet sanzjonata u ġġustifikata f’dan il-każ peress li l-eżenzjoni tal-użu aħħari għall-produzzjoni tal-FFSRAs ma tnaqqasx l-effettività tad-dazji. Brüggeman sostniet li l-importazzjonijiet tagħha miċ-Ċina u d-domanda totali tagħha għall-aċidu gliossiliku huma perċentwal negliġibbli tal-konsum tal-UE. Barra minn hekk, Brüggeman wriet li l-aċidu gliossiliku jammonta għal sehem sinifikanti tal-kost tal-produzzjoni tal-FFSRAs u li ma jistax jibdel il-fornituri.

(159)

Fl-istadju proviżorju, Brüggemann ma kinitx iddivulgat informazzjoni speċifika dwar it-tip ta’ grad ta’ aċidu gliossiliku li tikseb miċ-Ċina u għalhekk l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta dwar jekk setgħetx tipprovdi dak il-grad jew le. Madankollu, wara d-divulgazzjoni finali, Brüggemann għamlet il-firxa pubblika (kontenut ta’ ħadid (Fe) ta’ ≥ 10 u ≤ 20 PPM) li fiha jaqa’ l-kontenut speċifiku tal-ħadid tat-tip ta’ aċidu gliossiliku li huwa jforni miċ-Ċina u tenniet l-asserzjoni li għall-kuntrarju tas-sejbiet tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju, l-ewwel nett, l-aċidu gliossiliku miksub miċ-Ċina u l-aċidu gliossiliku miksub mill-Unjoni ma kienx interkambjabbli u, it-tieni, setgħet tikseb dan il-prodott biss minn fornitur Ċiniż speċifiku.

(160)

Wara din is-sottomissjoni minn Brüggemann, Weylchem sostniet li setgħet tipproduċi t-tip ta’ aċidu gliossiliku li għalih intalbet l-eżenzjoni tal-użu aħħari. Madankollu, il-Kummissjoni osservat li l-evidenza ta’ sostenn ma kkonfermatx li dan kien tabilħaqq il-każ. Fi kwalunkwe każ, hija fakkret li anki jekk fornituri oħra setgħu jipproduċu dak it-tip ta’ aċidu gliossiliku speċifiku ħafna, il-Kummissjoni xorta tkun fid-diskrezzjoni tagħha li tikkonkludi li eżenzjoni tal-użu aħħari kienet xorta waħda xierqa jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jappoġġaw l-għoti ta’ eżenzjoni tal-użu aħħari.

(161)

Weylchem sostniet ukoll li t-talba ta’ Brüggemann jenħtieġ li tinċaħad peress li kienet saret barra mill-iskadenza stabbilita fin-notifika ta’ bidu għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar l-ambitu tal-prodott. Il-Kummissjoni ċċarat li tali skadenza tapplika għal kummenti dwar l-ambitu attwali tal-prodott (inkluż il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili), li jeħtieġ li jiġu indirizzati fi stadju bikri tal-proċedura minħabba implikazzjonijiet potenzjali għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni nnifisha. Min-naħa l-oħra, it-talba ta’ Brüggemann kienet tikkonċerna eżenzjoni tal-użu aħħari magħmula fid-dawl tal-applikazzjoni potenzjali tal-miżuri. Talba bħal din saret fi żmien debitu fil-proċediment qabel l-istadju proviżorju. Wara ċ-ċaħda proviżorja tat-talba tagħha, Brüggemann issottomettiet kummenti u evidenza addizzjonali f’dan l-istadju aktar tard tal-proċedura biex tappoġġa t-talba oriġinali tagħha li saret fi żmien debitu. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.

(162)

Fl-aħħar nett, Weylchem indikat li tibża’ li utenti u importaturi oħra tal-Unjoni jistgħu jesploraw ir-riskji li jimportaw taħt l-istess reġim, u b’hekk jevitaw il-miżuri permezz ta’ dikjarazzjoni ħażina. Il-Kummissjoni tinnota li eżenzjoni tal-użu aħħari mhijiex speċifika għall-kumpanija iżda pprovduta għal użu finali speċifiku. Għalhekk, l-eżenzjoni tista’ tintuża minn kwalunkwe kumpanija sakemm il-prodott importat jintuża għall-produzzjoni tal-FFSRA u jkollu kontenut ta’ ħadid (Fe) ta’ ≥ 10 u ≤ 20 PPM. L-eżenzjoni tal-użu aħħari hija implimentata u ssorveljata mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li jiżguraw strettament li l-importazzjonijiet għal użi oħra ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni u jħallsu d-dazji anti-dumping kif xieraq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

(163)

Fuq dik il-bażi, u fid-dawl tal-kummenti li saru minn Brüggemann wara d-divulgazzjoni kif spjegat fil-premessa (159), il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba ta’ Brüggemann għal eżenzjoni tal-użu aħħari tal-aċidu gliossiliku użat fil-produzzjoni tal-FFSRAs u b’kontenut ta’ ħadid (Fe) ta’ ≥ 10 u ≤ 20 PPM jenħtieġ li tiġi aċċettata. Peress li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għoti tal-eżenzjoni tal-użu aħħari kienu diġà prevalenti ferm qabel l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping provviżorji, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li jenħtieġ li din tiġi applikata b’mod retroattiv sal-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping proviżorji.

(164)

Deretil ma qablitx mas-sejba tal-Kummissjoni li Deretil kienet se tibqa’ profittabbli wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Deretil ma qablitx ukoll mas-sejba tal-Kummissjoni li “ma hemm l-ebda raġuni biex tingħata l-eżenzjoni tal-użu aħħari”. Hija sostniet li r-raġunijiet għal dan ir-rifjut, (i) Deretil ma teħtieġx grad speċjali ta’ aċidu gliossiliku, (ii) hija tista’ tuża bħala sors l-industrija tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi kollha fiċ-Ċina u (iii) minħabba li Deretil tibqa’ profittabbli “anki jekk dawn jużaw bħala sors il-produtturi li ma kkooperawx fiċ-Ċina” kienu bla bażi u insuffiċjenti. Dwar l-ewwel raġuni, Deretil sostniet li kienet ibbażat l-asserzjoni tagħha fuq argumenti ekonomiċi u ta’ użu finali motivati u li għalhekk, ir-referenza tal-Kummissjoni għal “grad speċjali” ma kienet tal-ebda użu. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet raġunijiet, hija semmiet li Deretil titħalla f’sitwazzjoni estremament vulnerabbli jekk ma tingħata l-ebda eżenzjoni tal-użu aħħari għall-produzzjoni tal-methyl ester.

(165)

Madankollu, dawk l-argumenti ma setgħux ibiddlu s-sejbiet tal-Kummissjoni għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, it-talba ta’ Deretil tirreferi għall-eżenzjoni tal-użu aħħari għal grad standard ta’ aċidu gliossiliku li huwa prodott mill-industrija tal-Unjoni fi kwantitajiet suffiċjenti. It-tieni, il-Kummissjoni ssimulat l-impatt tal-miżuri fuq Deretil u din tibqa’ profittabbli anki jekk tuża bħala sorsi l-produtturi li ma kkooperawx fiċ-Ċina. Meta simulat l-impatt tal-miżuri, il-Kummissjoni qieset iż-żieda fil-prezzijiet mill-industrija tal-Unjoni, għall-kuntrarju tal-asserzjoni ta’ Deretil li dan il-parametru ma kienx ġie inkluż. It-tielet, Deretil hija utent kbir u l-akbar importatur tal-aċidu gliossiliku fl-Unjoni, u l-produzzjoni tal-antibijotiċi hija waħda mill-użi ewlenin tal-aċidu gliossiliku. Għalhekk, l-għoti tal-eżenzjoni tal-użu aħħari għall-produzzjoni tal-antibijotiċi jkollu impatt fuq mill-inqas [13 sa 18 %] tas-suq u jimmina b’mod sinifikanti l-effikaċja tal-miżura.

(166)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jaer sostniet li la t-talba tagħhom għall-esklużjoni tal-ambitu tal-prodott u lanqas it-talba tagħhom għal eżenzjoni tal-użu aħħari ma ġew ivvalutati mill-Kummissjoni b’mod adegwat.

(167)

Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-esklużjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ntalbet wara l-iskadenza. Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba ppreżentata minn Jaer biex tingħata eżenzjoni tal-użu aħħari għal grad ta’ kwalità għolja ta’ aċidu gliossiliku li jintuża għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti kelati, il-Kummissjoni osservat dan li ġej. L-ewwel nett, l-aċidu gliossiliku ta’ kwalità għolja huwa disponibbli mill-industrija tal-Unjoni u Jaer kienet qed tixtri mingħandha. Jaer ma kenitx wieġbet għall-kwestjonarju tal-utenti u ma kenitx żvelat il-grad eżatt tal-aċidu gliossiliku li teħtieġ. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx twieġeb, u l-Kummissjoni ma setgħetx tikkorrobora s-sejba li Jaer kienet se tiffaċċja problemi biex takkwista kwantitajiet suffiċjenti mill-industrija tal-Unjoni. It-tieni, il-Kummissjoni eżaminat il-profittabbiltà tal-kumpanija wara l-impożizzjoni tal-miżuri u kkonkludiet li din se tibqa’ profittabbli. It-tielet, il-produzzjoni ta’ fertilizzanti kelati tammonta għal madwar 30 % tal-importazzjonijiet u għal terz tal-konsum tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku, bil-konsum ta’ Jaer jammonta għall-akbar parti ta’ dan. Għalhekk, anki jekk tintuża biss għall-fertilizzanti minn Jaer, din l-eżenzjoni jkollha impatt fuq [20 sa 25 %] tas-suq u timmina b’mod sinifikanti l-effikaċja tal-miżuri. Għalhekk, it-talba ta’ Jaer inċaħdet.

(168)

Wara d-divulgazzjoni finali, AEFA affermat li l-livelli ta’ dazju anti-dumping proposti jkunu jinvolvu żieda sinifikanti fil-kost tal-produzzjoni tal-kelati tal-ħadid, li jkollha tiġi mgħoddija mill-katina tal-bdiewa bejn l-industrija tal-manifattura u d-distribuzzjoni. Dan imbagħad jirriżulta fi prezzijiet tal-kelati li jilħqu livell mhux affordabbli għad-diversi aġenti kummerċjali u telf ta’ kompetittività, mhux biss għall-manifatturi tal-kelati, iżda wkoll għal bosta utenti Spanjoli u Ewropej. Dan tal-aħħar imbagħad jippermetti u jiffaċilita d-dħul ta’ kompetizzjoni mhux Ewropea f’suq fejn it-tikketta “Spanja u l-Ewropa” hija rikonoxxuta u apprezzata b’mod wiesa’ għat-teknoloġija tagħha. L-AEFA ddikjarat ukoll li diġà kien hemm limitazzjonijiet fil-provvista għal materja prima għal prekursur għal diversi prodotti, bħal amoksiċillina jew vanillina, li bħalissa mhumiex disponibbli f’volumi suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-AEFA talbet eżenzjonijiet tal-użu aħħari għall-użu agrikolu u restrizzjonijiet fuq kelati tal-ħadid lesti miċ-Ċina, biex jittaffa l-iżvantaġġ kompetittiv iffaċċjat.

(169)

It-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari għall-użu agrikolu ma kinitx issostanzjata minn fatti verifikabbli li jappoġġaw tali eżenzjoni. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kelati tal-ħadid lesti miċ-Ċina hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-proċediment. Għalhekk dawn l-asserzjonijiet inċaħdu.

(170)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, minbarra l-kummenti tagħha dwar it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari ta’ Brüggemann, Weylchem sostniet li mill-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, l-aċidu gliossiliku Ċiniż kien qed jimlew is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li komplew iwaqqgħu l-livelli stabbiliti fil-perjodu ta’ investigazzjoni għall-industrija tal-Unjoni. Hija sostniet li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma timponix dazji retroattivi fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi għal raġunijiet ta’ politika aktar milli għal dawk ekonomiċi, peress li ma kien hemm l-ebda dubju li l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu wara r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, speċjalment meta mqabbla mal-konsum tal-Unjoni.

(171)

Il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi pprovduta fil-premessi (191) sa (195), li ġiet żvelata lil Weylchem fid-divulgazzjoni finali, kienet ibbażata fuq ir-rekwiżiti legali tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-ġbir retroattiv tad-dazji, li f’dan il-proċediment partikolari ma ġewx issodisfati. Għalhekk, din l-asserzjoni nċaħdet.

(172)

Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, Jaer asserixxiet li t-talbiet tagħha għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti u l-eżenzjoni tal-użu aħħari ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq u rrepetiet iż-żewġ asserzjonijiet.

(173)

Il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (166) u (167) hawn fuq li t-talba għall-esklużjoni tal-prodott saret tard ħafna fil-proċedura u wkoll għaliex it-talba għal eżenzjoni tal-użu aħħari ta’ Jaer inċaħdet.

(174)

Trade Corporation tenniet l-asserzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx uriet rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi allegatament oġġett ta’ dumping u t-telf tal-produttur tal-Unjoni filwaqt li enfasizzat li l-konċentrazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fi produttur wieħed tista’ ma tkunx rappreżentattiva ta’ kuntest usa’ tal-industrija u li fatturi esterni bħall-kriżi tal-enerġija ma kinux ikkunsidrati b’mod adegwat. Trade Corporation argumentat ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi toħloq monopolju de-facto għall-uniku produttur tal-Unjoni, li jipperikola s-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista.

(175)

Il-Kummissjoni ma qablitx, kif spjegat fil-premessa (93). Fin-nuqqas ta’ argumenti jew evidenza addizzjonali, din l-asserzjoni nċaħdet.

(176)

Hubei sostniet li setgħet tipproduċi t-tip ta’ aċidu gliossiliku li għalih intalbet l-eżenzjoni tal-użu aħħari u qieset li produtturi oħra tal-aċidu gliossiliku, inkluż l-ilmentatur, setgħu jipproduċuh ukoll. Għalhekk huma oġġezzjonaw għall-għoti tal-eżenzjoni tal-użu aħħari.

(177)

Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (162), eżenzjoni tal-użu aħħari mhijiex speċifika għall-kumpanija u tapplika meta l-prodotti jiġu importati biex jintużaw fil-produzzjoni ta’ prodott downstream partikolari. Il-fatt li diversi produtturi esportaturi jistgħu jipproduċu ċertu tip ta’ prodott huwa irrilevanti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, din l-asserzjoni nċaħdet.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(178)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonferma il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessa (314) tar-Regolament proviżorju li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġinaw mir-RPĊ.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(179)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(180)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Hubei Hongyuan Pharmaceutical Technology Co., Lt

29,2

112,9

29,2

Xinjiang Guolin New Materials Co., Ltd

130,0

57,3

57,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

64,0

93,6

64,0

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

210,5

124,9

124,9

(181)

Wara d-divulgazzjoni finali, Guangdong Joy Chemical, Inner Mongolia Tianyuda Biological Technology, Jinyimeng Group, Deretil u Jaer sostnew li l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kienu kkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni matul din l-investigazzjoni u li n-nuqqas ta’ għażla għall-kampjunar mill-Kummissjoni ma kellux jirriżulta fl-impożizzjoni ta’ dazju li qabeż ir-rata applikata għall-produttur/esportatur inkluż fil-kampjun bl-ogħla dazju anti-dumping fost il-kumpaniji li kkooperaw. Il-partijiet interessati sostnew li l-Kummissjoni applikat b’mod inkonsistenti l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku.

(182)

Il-Kummissjoni ċċarat li segwiet id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, li jistipula li d-dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi mhux inklużi fl-investigazzjoni jenħtieġ li ma jaqbiżx il-marġni medju ponderat ta’ dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun. Id-dazju anti-dumping definittiv ma ġiex ikkalkulat bħala medja ponderata tar-rati individwali tad-dazju anti-dumping, iżda l-marġnijiet medji tad-dumping u tad-dannu ġew ikkalkulati, segwiti mill-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri. F’dan il-każ, id-dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kien ibbażat fuq il-marġni tad-dumping medju ponderat tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u kien konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. L-asserzjoni nċaħdet.

(183)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż konċernat u prodott mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operazzjonali ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ”.

(184)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (19). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(185)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(186)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) bl-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(187)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(188)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(189)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(190)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

8.3.   Ġbir retroattiv

(191)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni.

(192)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(193)

L-analiżi tal-Kummissjoni ma wriet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet apparti l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet il-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li kien ta’ 1 309 tunnellati, mal-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji (Awwissu 2024 – Frar 2025) li kien ta’ 1 306 tunnellati.

(194)

Barra minn hekk, meta l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jitqabblu mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sa u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri proviżorji (Awwissu 2024 – Marzu 2025), ma setgħet tiġi osservata l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri.

(195)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju anti-dumping definittiv ma ġewx issodisfati.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(196)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(197)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku [li normalment jaqgħu taħt CAS (Chemical Abstracts Service) Numru 298-12-4 jew 6000-59-5], ta’ purità ta’ mill-inqas 95 % skont il-piż xott, kemm jekk f’forma solida kif ukoll bħala soluzzjoni milwiema b’konċentrazzjoni skont il-piż ogħla minn 40 % tiegħu, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2918 30 00 (il-kodiċi TARIC 2918 30 00 13) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Hubei Hongyuan Pharmaceutical Technology Co., Ltd

29,2

89 M2

Xinjiang Guolin New Materials Co., Ltd

57,3

89 M3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

64,0

Ara l-Anness

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

124,9

8 999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li fuqha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum f’tunnellati) ta’ aċidu gliossiliku mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Il-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) għandu jiġi eżentat mid-dazju anti-dumping definittiv jekk jiġi importat għall-użu fil-produzzjoni ta’ aġenti riduċenti bbażati fuq il-kubrit mingħajr formaldeid (“FFSRAs”) u b’kontenut ta’ ħadid (Fe) ta’ ≥ 10 u ≤ 20 PPM (partijiet għal kull miljun).

Din l-eżenzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-użu aħħari, b’mod partikolari l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 3

1.   L-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/591 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu gliossiliku għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

2.   L-eżenzjoni skont l-Artikolu 2 għandha tapplika wkoll għad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/591.

Artikolu 4

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex jiżdiedu produtturi esportaturi ġodda mir-RPĊ u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (01/07 2023 sa 30/06/2024);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  In-Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU C, C/2024/4751, 25.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4751/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2715 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jagħmel importazzjonijiet ta’ aċidu gliossiliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2715, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2715/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/591 tal-21 ta’ Marzu 2025 li jimponi dazju proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu gliossiliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/591, 24.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/591/oj).

(5)  Il-Bank Dinji: How does the World Bank classify countries? – World Bank Data Help Desk.

(6)   Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (“GFR”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/5344, 30.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5344/oj).

(7)   OECD Data Explorer • International transport and insurance costs of merchandise trade (ITIC).

(8)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-26/12 PT Musim Mas (p. 56-58); Is-Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2022 fil-Kawża T-865/19 AO Nevinnomysskiy Azot and NAK Azot vs Il-Kummissjoni (p. 93-95).

(9)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2024, Sveza Verkhnyaya Sinyachikha NAO et vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-2/22, ECLI:EU:T:2024:615, para. 57.

(10)   Consumer prices - inflation - Statistics Explained - Eurostat.

(11)   Eurostat: Electricity_price_statistics#Electricity_prices_for_non-household_consumers.

(12)   Lista tal-Unjoni ta’ mediċini kritiċi.

(13)   Proposta għal Att dwar il-Mediċini Kritiċi - Il-Kummissjoni Ewropea.

(14)   EMA/438798/2023w.

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(16)   EUR-Lex - 52023PC0192 - EN - EUR-Lex.

(17)   EUR-Lex - 52023PC0193 - EN - EUR-Lex.

(18)   Monitor tal-Awtonomija Strateġika tal-UE.

(19)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.euTRADE -TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.eu; Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(20)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkoperaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mhux fil-kampjun

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Cangzhou Goldlion Chemicals Co., Ltd

89M4

Guangdong Joy Chemical Co., Ltd

89M5

Inner Mongolia Tianyuda Biological Technology Co., Ltd.

89M6

Jinyimeng Group Co., Ltd

89M7


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1901/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)