|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1893 |
19.9.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1893
tas-17 ta’ Settembru 2025
li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali attestazzjonijiet ta’ taħriġ fir-rigward ta’ ċertu tagħmir mobbli li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi tagħhom u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/573 jinkludi obbligi rigward l-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi biex iwettqu ċerti attivitajiet li jikkonċernaw tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u barra minnu, u tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet, kif ukoll unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ vetturi ħfief refriġerati, kontejners intermodali u vaguni tal-ferrovija li jinvolvu gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi rilevanti għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, inklużi refriġeranti naturali. |
|
(2) |
Ir-regoli dwar l-attestazzjoni ta’ taħriġ skont ir-Regolament (UE) 2024/573 ikopru lista estiża ta’ tagħmir mobbli kif ukoll sustanzi li jinsabu f’dak it-tagħmir, inklużi alternattivi għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. |
|
(3) |
Ir-rekwiżiti għall-kontenut tal-programmi ta’ taħriġ u attestazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-immaniġġar sikur tat-tagħmir rilevanti li fih gassijiet fjammabbli jew tossiċi jew li jopera taħt pressjonijiet ogħla. |
|
(4) |
It-titjib tal-kwalità tal-manutenzjoni jew tas-servizzjar tat-tagħmir huwa essenzjali għall-ottimizzazzjoni u ż-żamma tal-effiċjenza enerġetika tiegħu, li huwa objettiv ieħor tal-obbligi ta’ taħriġ u ta’ attestazzjoni. |
|
(5) |
Għalhekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/573, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti fir-rigward tat-tagħmir rilevanti u li jiġu speċifikati r-regoli għall-attestazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjonijiet. |
|
(6) |
Ir-Regolament (UE) 2024/573 issostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u introduċa regoli ġodda dwar l-obbligi ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008 (4) jitħassar. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
il-manutenzjoni jew is-servizzjar, jew it-tiswija ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE u ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew is-sustanzi alternattivi idrokarburi jew id-diossidu tal-karbonju (CO2); |
|
(b) |
kontrolli biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet f’tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra elenkati fl-Anness I u t-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2024/573; |
|
(c) |
l-irkupru tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra miċ-ċirkwiti ta’ tkessiħ tal-unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ vetturi ħfief refriġerati, kontenituri intermodali, inklużi reefers, u vaguni ferrovjarji u miċ-ċirkwiti tat-tkessiħ ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros, u fit-trammijiet u minn tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE; |
|
(d) |
l-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra elenkati fl-Anness I u fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2024/573 minn tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi tat-triq, mhux kopert taħt il-punt (c), li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE. |
2. Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda attività ta’ manifattura mwettqa fis-sit tal-manifattur tat-tagħmir ikkonċernat.
Artikolu 2
Taħriġ ta’ persuni fiżiċi
1. Il-persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkollhom attestazzjoni ta’ taħriġ tat-tip stabbilit fil-paragrafu 2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-ħruġ ta’ tipi ta’ attestazzjonijiet separati jew attestazzjoni li tikkombina kwalunkwe tip ta’ attestazzjoni, filwaqt li jidentifikaw l-attivitajiet li tkopri.
Iċ-ċertifikati stabbiliti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2215 (5) jistgħu jitqiesu li jkopru r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament għas-sustanzi rilevanti.
2. L-attestazzjonijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 li jiċċertifikaw li d-detentur ikun lesta kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I, għandhom ikunu tat-tipi li ġejjin:
|
(a) |
Attestazzjoni M1, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-idrokarburi; |
|
(b) |
Attestazzjoni M2, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikoli 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-idrokarburi, limitati għal fejn ikun qed jintuża stazzjon awtomatizzat ta’ rkupru u ta’ ċċarġjar għal tagħmir tal-arja kundizzjonata; |
|
(c) |
Attestazzjoni M3, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punt (a), b’rabta mad-diossidu tal-karbonju (CO2); |
|
(d) |
Attestazzjoni M4, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punti (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. |
3. Il-persuni fiżiċi li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikunu qed isegwu kors ta’ taħriġ bl-għan li jiksbu attestazzjoni li tkopri l-attività rilevanti u; |
|
(b) |
iwettqu l-attività taħt is-superviżjoni ta’ persuna li jkollha attestazzjoni li tkopri l-attività u li tkun responsabbli għalkollox għat-twettiq tal-attività b’mod korrett. |
Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika tul il-perjodi li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), u li b’kollox ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar.
Artikolu 3
Ħruġ tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ lil persuni fiżiċi
1. Korp tal-attestazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 għandu joħroġ attestazzjoni ta’ taħriġ lil persuni fiżiċi li jkunu lestew kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I.
2. L-attestazzjoni ta’ taħriġ għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:
|
(a) |
l-isem tal-korp tal-attestazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur tagħha u numru ta’ reġistrazzjoni; |
|
(b) |
it-tip ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ kif speċifikat fl-Artikolu 2(2) u l-ispeċifikazzjoni tal-attivitajiet li d-detentur ta’ dak it-tip ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ huwa intitolat li jwettaq kif ukoll it-tip ta’ tagħmir ikkonċernat; |
|
(c) |
id-data tal-ħruġ u l-firma tal-emittent. |
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi tal-attestazzjoni jeżentaw lil persuni fiżiċi mir-rekwiżit li jsegwu kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 3(1), meta l-persuna fiżika tkun kisbet preċedentement ħiliet u għarfien ekwivalenti għal dawk elenkati fl-Anness I.
Artikolu 4
Korp tal-attestazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fid-dritt nazzjonali jew jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti biex jaħtru korp tal-attestazzjoni awtorizzat biex joħroġ attestazzjoni ta’ taħriġ lill-persuni fiżiċi li jkunu lestew kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I.
Il-korp tal-attestazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.
2. It-taħriġ għandu jkun ippjanat u strutturat b’tali mod li jiġi żgurat li l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I ikunu koperti. Il-korp tal-attestazzjoni għandu jipprovdi l-post tat-taħriġ li jiżgura s-sikurezza tal-applikanti, b’mod partikolari meta jwettqu attivitajiet li jinvolvu refriġeranti li jkunu fjammabbli.
3. Il-korp tal-attestazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ u għandu jżomm rekords li jippermettu l-verifika tal-ħruġ ta’ tali attestazzjonijiet miżmuma għal perjodu minimu ta’ 5 snin.
Artikolu 5
Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku
1. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ bejn l-Istati Membri għandu japplika biss għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3, għall-attivitajiet speċifikati f’dawn l-attestazzjonijiet.
2. L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda evalwazzjoni jew tip ieħor ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni jew rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati fuq id-detenturi tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa minn Stat Membru ieħor biex jiġu rikonoxxuti dawk l-attestazzjonijiet jew biex jippermettu l-aċċess għall-impjieg lid-detenturi ta’ dawk l-attestazzjonijiet għall-attivitajiet speċifikati fihom.
3. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ maħruġa fi Stat Membru ieħor jipprovdu traduzzjoni tal-attestazzjoni b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.
Artikolu 6
Attestazzjonijiet ta’ taħriġ eżistenti, korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew proċessi ta’ evalwazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament kif meħtieġ skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573 jagħtu prova tal-għarfien u l-ħiliet prattiċi u teoretiċi tal-persuni fiżiċi kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573, għandhom jiżguraw li d-detenturi tal-attestazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 307/2008 jitħallew ikomplu jużaw dik l-attestazzjoni biss jekk jaġġornaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sal-livell tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-attestazzjoni M1, M2 jew M4 kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punti (a), (b) u (d), ta’ dan ir-Regolament u speċifikat fl-Anness I tiegħu.
Artikolu 7
Tħassir
1. Ir-Regolament (KE) Nru 307/2008 jitħassar.
2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.
(2) Id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/40/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ l-attestazzjonijiet ta’ taħriġ tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati f’vetturi bil-mutur (ĠU L 92, 3.4.2008, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/307/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2215 tas-6 ta’ Settembru 2024 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ ċertifikati lil persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali ċertifikati, fir-rigward ta’ tagħmir stazzjonarju ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana, ċikli Rankine organiċi u unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ trakkijiet refriġerati, trejlers refriġerati, vetturi light-duty, kontejners intermodali u vaguni tal-ferrovija li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew l-alternattivi tagħhom, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2067 (ĠU L, 2024/2215, 9.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2215/oj).
ANNESS I
Rekwiżiti minimi fir-rigward tal-ħiliet u tal-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-programmi ta’ taħriġ
Il-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jkopri dan li ġej:
|
(a) |
modulu teoretiku kif indikat bħala (T) fil-kolonni, |
|
(b) |
modulu prattiku fejn l-applikant għandu jwettaq il-kompitu korrispondenti bil-materjal, l-għodod u t-tagħmir rilevanti, indikat bħala (P) fil-kolonni.
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
ANNESS II
Tabella ta’ korrelazzjoni
|
Regolament (KE) Nru 307/2008 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1 |
— |
|
Artikolu 2(1) |
Artikolu 2(1) |
|
Artikolu 2(2) |
Artikolu 2(2) |
|
Artikolu 2(3) |
— |
|
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3(1) |
|
Artikolu 3(2) |
— |
|
Artikolu 3(3) |
Artikolu 3(2) |
|
Artikolu 3(4) |
— |
|
Artikolu 4(1) |
— |
|
Artikolu 4(2) |
— |
|
Artikolu 4(3) |
— |
|
Artikolu 5(1) |
Artikolu 4(1) |
|
Artikolu 5(2) |
Artikolu 4(2) |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1893/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)