|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1847 |
17.9.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1847
tal-15 ta’ Settembru 2025
li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talba mid-Danimarka biex ma jiġix applikat ir-rekwiżit rigward ir-reżistenza tal-binarji għat-tagħbijiet applikati stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1299/2014
(notifikata bid-dokument C(2025) 6199)
(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Settembru 2022, id-Danimarka ssottomettiet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.6. tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1299/2014 (2) għal taqsima speċifika tal-binarji 2, 3 u 5 fl-Istazzjon ta’ Slagelse, fi ħdan proġett ta’ titjib tal-veloċità, sal-10 ta’ Ottubru 2036 (it-“talba”). It-talba ġiet sottomessa abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2016/797. |
|
(2) |
Il-punt 4.2.6. tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1299/2014 jistabbilixxi r-rekwiżit relatat mar-reżistenza tal-binarji għat-tagħbijiet applikati. B’mod partikolari, il-punt 4.2.6.2.1. jistabbilixxi li l-binarju għandu jkun imfassal biex jiflaħ forzi lonġitudinali ekwivalenti għall-forza li tirriżulta mill-ibbrejkjar ta’ 2,5 m/s2 għall-parametri tal-prestazzjoni magħżula f’konformità mal-punt 4.2.1. ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
It-talba tikkonċerna sovrastruttura speċjali tal-binarji b’għoli żgħir tal-kostruzzjoni li ġiet installata fl-2020 f’sezzjoni tal-binarji 2, 3, u 5 ’il fuq mill-mina tal-pjattaforma fl-Istazzjon ta’ Slagelse, li tinsab f’TIB 1 km 92,95. Is-sovrastruttura speċjali tal-binarji (“Dtz”) hija approvata fid-Danimarka. Mhux possibbli li tintwera l-konformità mar-rekwiżit tal-punt 4.2.6.2.1. tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1299/2014, minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-sovrastruttura speċjali tal-binarji. |
|
(4) |
Skont id-dokumenti sottomessi mid-Danimarka, il-konformità mal-punt 4.2.6. tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1299/2014 tkun tinvolvi kost addizzjonali ta’ EUR 18-il miljun sa EUR 21 miljun, peress li l-installazzjoni ta’ sovrastruttura ġdida tal-binarji li tissodisfa r-rekwiżiti fil-punt 4.2.6. tkun teħtieġ ukoll jew li l-għoli tal-pjattaformi jiżdied jew inkella li tinbena mina ġdida biex jiġi akkomodat l-għoli strutturali ta’ tali sovrastruttura tal-binarji. |
|
(5) |
Bħala miżura alternattiva, id-Danimarka tipproponi li matul il-perjodu sal-10 ta’ Ottubru 2036, tkompli tuża s-sovrastruttura Dtz, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali dwar il-parametri tal-binarji Banenorm BN1-6-6, Banenorm BN1-66-2, Banenorm BN1-38-6, Sporregler 1987 u l-ispeċifikazzjoni teknika nru 7795 Verżjoni 01.02. |
|
(6) |
Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mid-Danimarka u tad-dispożizzjonijiet alternattivi proposti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(c) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati għat-taqsima speċifika tal-binarji 2, 3 u 5 fl-Istazzjon ta’ Slagelse, fi ħdan proġett ta’ titjib tal-veloċità. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi aċċettata. |
|
(7) |
Is-sikurezza, kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2016/797, hija rekwiżit essenzjali li jrid jiġi ssodisfat mis-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, mis-subsistemi u mill-kostitwenti tal-interoperabbiltà, inklużi l-interfaċċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata kwalunkwe informazzjoni li tindika li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.6. tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1299/2014 jista’ jikkomprometti s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-talba tad-Danimarka għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 4.2.6. tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1299/2014 għat-taqsima speċifika tal-proġett ta’ tiġdid tal-binarji 2, 3 u 5 fl-Istazzjon ta’ Slagelse, fi ħdan proġett ta’ żieda fil-veloċità, hija aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi applikata l-miżura alternattiva proposta mid-Danimarka.
Id-Danimarka għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed fil-każ li jkollha informazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni jista’ jikkomprometti b’mod raġonevoli s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Għandha tapplika sal-10 ta’ Ottubru 2036.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Apostolos TZITZIKOSTAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1299/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà relatati mas-subsistema tal-“infrastruttura” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1299/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1847/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)