European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1816

10.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1816

tal-4 ta’ Settembru 2025

li jdaħħal l-indikazzjoni ġeografika “Queso de Burgos” (IĠP) fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-applikazzjoni ta’ Spanja għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Queso de Burgos”, li l-Kummissjoni kienet irċeviet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1143, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143, applikabbli għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 90(2) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-indikazzjoni ġeografika “Queso de Burgos” tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

(4)

Permezz tal-ittri li waslu fil-25 ta’ Marzu 2025 u fit-30 ta’ Mejju 2025, l-awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni tagħti perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, lil diversi kumpaniji li huma stabbiliti barra miż-żona ġeografika ddefinita fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u li kienu kkummerċjalizzaw legalment prodotti bl-isem “Queso de Burgos” u użaw l-isem kontinwament għal aktar minn 5 snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Queso de Burgos” (IĠP) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (jiġifieri t-30 ta’ Diċembru 2024). Il-Kummissjoni ġiet infurmata li dan il-punt kien tqajjem fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni.

(5)

Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1143, li huma applikabbli għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 90(2) ta’ dak ir-Regolament, huma ssodisfati, jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin biex il-kumpaniji inkwistjoni jkunu jistgħu jibqgħu jużaw l-isem “Queso de Burgos”,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan, l-indikazzjoni ġeografika “Queso de Burgos” (IĠP) tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143.

Artikolu 2

Il-kumpaniji li ġejjin huma awtorizzati jkomplu jużaw l-isem “Queso de Burgos” għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament: Mantequerías Arias S.A. (fir-rigward tal-installazzjonijiet li jinsabu barra miż-żona ġeografika ddefinita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott); Campo de San Juan S.L.U.; Lácteas del Jarama S.A.; Grupo Lactalis Iberia S.A.; Lactalis Zamora S.L.; El Gran Cardenal S.A.; Schreiber Foods España S.L.; Palancares Alimentación S.L.; Industrias Lácteas San Vicente S.A.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj).

(3)   ĠU C, C/2024/7552, 30.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7552/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1816/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)