European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1802

21.11.2025

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1802

tat-8 ta’ Settembru 2025

li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann b’temperatura ta’ tidwib għolja

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), il-punt (a) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Iċ-ċomb huwa sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-valur tal-konċentrazzjoni ttollerat massimu huwa ta’ 0,1 % skont il-piż taċ-ċomb f’materjali omoġenji.

(4)

Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/742 (2) tat eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja, kif stabbilit fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ma nbidilx minn meta ġiet introdotta. Għall-biċċa l-kbira tal-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku, l-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.

(5)

F’Jannar 2020 u f’Ottubru 2020, waslu tliet talbiet ta’ tiġdid għall-eżenzjoni msemmija fil-premessa 4 fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid mill-Kummissjoni. Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet riċevuti, fl-2022 twettaq u ġie ffinalizzat studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika (3). L-evalwazzjonijiet kienu jinkludu konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

L-eżenzjoni rigward it-tagħmir elettriku u elettroniku fil-kategorija 8 “apparat mediku dijanjostiku in vitro”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2023 u l-eżenzjonijiet rigward il-kategoriji 9 “strumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali” u 11 “EEE ieħor mhux kopert mill-kategoriji t’hawn fuq”, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE, kellhom jiskadu fl-1 ta’ Lulju 2024. Fl-20 ta’ Jannar 2023, ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet ta’ tiġdid għall-kategorija 9 u għall-kategorija 11 fil-perjodu ta’ żmien għat-tiġdid stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’konformità mal-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni eżistenti tibqa’ valida sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid mill-Kummissjoni. Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet riċevuti, twettaq studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika li ġie ffinalizzat fl-2024 (4). L-evalwazzjonijiet kienu jinkludu konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(7)

L-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-eżenzjoni mitlub ikkonkludiet li l-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja li fih iċ-ċomb jintuża f’diversi applikazzjonijiet ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Dak it-tip ta’ stann fih aktar minn 85 % ċomb skont il-piż u għandu karatteristiċi kruċjali bħal punt tat-tidwib għoli, konduttività elettrika, konduttività termali, duttilità, reżistenza għall-korrużjoni, natura ta’ ossidazzjoni xierqa, u żamma tal-ilma.

(8)

Għalkemm huma parzjalment disponibbli sostituti u alternattivi individwali, fit-3 snin li ġejjin mhux se jkunu disponibbli soluzzjonijiet mingħajr ċomb, jew se jkunu disponibbli biss b’affidabbiltà insuffiċjenti għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha.

(9)

Madankollu, l-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tintuża b’mod wiesa’ u xi drabi mingħajr l-ebda ħtieġa teknika għaliha. Sabiex jiġi mminimizzat l-użu mhux xieraq ta’ dik l-eżenzjoni u biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni mfassla skont l-applikazzjoni, huwa xieraq li l-eżenzjoni tinqasam f’subentrati. Twettqet valutazzjoni teknika u xjentifika b’diversi sensiliet ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li ffukat fuq l-iżvilupp ta’ subentrati adegwati.

(10)

Il-valutazzjoni teknika u xjentifika msemmija fil-premessa 9 identifikat seba’ oqsma ta’ applikazzjoni li jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kurrenti stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiġifieri interkonnessjonijiet interni f’tagħmir elettriku u elettroniku (EEE, Electrical and Electronic Equipment), konnessjonijiet integrali ta’ twaħħil ta’ dammi f’komponenti EEE, konnessjonijiet integrali għal komponenti għajr id-dammi li għandhom jiġu mmuntati ma’ subassemblaġġi (ġonot tal-istann tal-ewwel livell), ġonot tal-istann tat-tieni livell għat-twaħħil ta’ komponenti ma’ bord ta’ ċirkwit stampat jew oqfsa taċ-ċomb, materjali għall-issiġillar ermetiċi, stann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja f’ċerti lampi, transducers tal-awdjo. Dawk l-oqsma ta’ applikazzjoni huma speċifikati aktar mill-kundizzjonijiet tekniċi.

(11)

Peress li ngħata biżżejjed żmien biex isir kontribut u biex isir adattament għall-iżvilupp tas-subentrati, u peress li l-oqsma ta’ applikazzjoni rilevanti kollha koperti mill-eżenzjoni attwalment applikabbli li hija stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li jkomplu jiġu koperti mill-eżenzjoni mġedda, is-segmentazzjoni fis-subentrati ma hijiex meqjusa bħala piż amministrattiv sproporzjonat għall-industrija. Biex tiġi pprevenuta kwalunkwe distorsjoni fis-suq sinifikanti fis-settur rilevanti, jenħtieġ li jiġi pprovdut perjodu biex jiġu identifikati oqsma ta’ applikazzjoni nieqsa. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ validità għal żmien qasir għat-tneħħija gradwali tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE.

(12)

Għas-subentrati, jenħtieġ li jingħata perjodu ta’ validità suffiċjenti meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni teknika msemmija fil-premessa 9 biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jissupplimentaw l-informazzjoni dwar l-oqsma ta’ applikazzjoni. Id-dati ta’ skadenza jenħtieġ li jqisu l-perjodu minimu ta’ 18-il xahar qabel id-data ta’ skadenza, li fiha t-talbiet ta’ tiġdid jeħtieġ li jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 5(5), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2011/65/UE.

(13)

Minħabba t-tiġdid għal perjodu ta’ żmien qasir li jifdal tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza waħda għall-kategoriji kollha ta’ EEE stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(14)

It-tiġdid tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 7(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE u l-introduzzjoni tas-subentrati tagħha ma jnaqqsux il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn 30 ta’ Ġunju 2026, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 1 ta’ Lulju 2026.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/65/oj.

(2)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/742 tal-1 ta’ Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann tat-tip li jdewweb f’temperaturi għoljin (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 112, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/742/oj).

(3)  Ir-Rapport Finali (Pakkett 22) tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c774eb67-7cc6-11ec-8c40-01aa75ed71a1/language-mt.

(4)  Ir-Rapport Finali (Pakkett 27) tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/708d9a2a-26e1-11ef-a195-01aa75ed71a1/language-mt/format-PDF/source-327348441.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 7(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7(a)

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2027.

7(a)-I

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

għall-interkonnessjonijiet interni għat-twaħħil ta’ dammi, jew komponenti oħrajn flimkien ma’ damma f’assemblaġġ ta’ semikondutturi b’kurrenti statiċi jew tranżitorji/ta’ impuls ta’ 0,1 A jew aktar jew vultaġġi ta’ mblukkar ta’ aktar minn 10 V, jew daqsijiet tat-truf tad-damma ta’ aktar minn 0,3 mm × 0,3 mm

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-II

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

għal konnessjonijiet integrali (jiġifieri interni u esterni) ta’ materjal għat-twaħħil ta’ dammi f’komponenti elettriċi u elettroniċi, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

il-konduttività termali tal-materjal għat-twaħħil ta’ dammi mwebbes/sinterizzat hija > 35 W/(m × K),

il-konduttività elettrika tal-materjal għat-twaħħil ta’ dammi mwebbes/sinterizzat hija > 4,7MS/m,

it-temperatura tat-tidwib tas-solidus hija ogħla minn 260 °C

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-III

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

fil-ġonot tal-istann tal-ewwel livell (konnessjonijiet interni jew integrali — jiġifieri interni u esterni) għall-komponenti tal-manifattura sabiex l-immuntar sussegwenti ta’ komponenti elettroniċi fuq is-subassemblaġġi (jiġifieri moduli, bordijiet tas-subċirkwit, substrati, jew iwweldjar minn punt għal punt) bi stann sekondarju ma jwassalx għar-rifluss tal-istann tal-ewwel livell. Din is-subentrata teskludi l-applikazzjonijiet għat-twaħħil ta’ dammi u l-issiġillar ermetiku

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-IV

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

fil-ġonot tal-istann tat-tieni livell għat-twaħħil tal-komponenti mal-bord taċ-ċirkwit stampat jew mal-oqfsa taċ-ċomb:

(1)

fil-blalen tal-istann għat-twaħħil ta’ ball-grid-array (BGA) taċ-ċeramika

(2)

f’overmouldings tal-plastik f’temperatura għolja (> 220 °C)

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-V

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

bħala materjal għall-issiġillar ermetiku bejn:

(1)

pakkett jew tapp taċ-ċeramika u kaxxa tal-metall,

(2)

terminazzjonijiet tal-komponenti u subparti interna

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-VI

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

għall-istabbiliment ta’ konnessjonijiet elettriċi bejn il-komponenti tal-lampi f’lampi tal-filament rifletturi għat-tisħin bl-infraaħmar, għal lampi bi skarika elettrika ta’ intensità għolja, jew għal lampi tal-fran

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

7(a)-VII

Ċomb fl-istann tat-tip b’temperatura ta’ tidwib għolja (jiġifieri l-ligi b’bażi ta’ ċomb li jkun fihom 85 % jew aktar ċomb skont il-piż)

għat-transducers tal-awdjo fejn l-temperatura operattiva massima taqbeż il-200 °C

Japplika għall-kategoriji kollha (għajr l-applikazzjonijiet koperti fil-punt 24 ta’ dan l-Anness) u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/1802/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)