|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1775 |
30.12.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1775
tat-28 ta’ Awwissu 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/1818 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ armi pprojbiti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19a(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Kif indikat fil-White Paper Konġunta dwar id-Difiża Ewropea – Prontezza 2030 (2), it-tisħiħ tal-investiment pubbliku fid-difiża huwa indispensabbli, iżda dan mhux se jkun biżżejjed. L-impriżi stabbiliti fl-Unjoni, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja jenħtieġ li jkollhom aċċess aħjar għall-kapital, inkluż strumenti ta’ garanzija għat-tneħħija tar-riskji tal-investimenti, biex iġibu s-soluzzjonijiet tagħhom fuq skala industrijali u jixprunaw iż-żieda industrijali li l-Unjoni teħtieġ. Għalkemm is-settur finanzjarju juri interess dejjem akbar fid-difiża, is-settur tad-difiża jibqa’ suq li mhuwiex moqdi biżżejjed minħabba limitazzjonijiet fil-politiki ta’ investiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati. Il-White Paper Konġunta tistabbilixxi pakkett tad-difiża li jipprovdi lievi finanzjarji lill-Istati Membri biex jixprunaw żieda fl-investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża. Fost l-għanijiet ewlenin tal-pakkett hemm l-iffaċilitar tan-negozju u l-approfondiment tas-Suq Uniku. Fis-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kummissjoni biex tmexxi ’l quddiem malajr il-ħidma fuq is-simplifikazzjoni tal-qafas legali u amministrattiv, għall-akkwist pubbliku, il-kooperazzjoni tal-industrija u r-rekwiżiti tal-għoti tal-permessi u tar-rapportar, biex jiġu indirizzati l-ostakli u l-konġestjonijiet kollha li jfixklu żieda rapida tal-industrija tad-difiża, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 (3) jistabbilixxi tikketti relatati mal-klima għal parametri referenzjarji li jirrikjedu li l-kumpaniji kollha involuti fi kwalunkwe attività relatata ma’ armi kontroversjali jiġu esklużi mill-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ma’ dawk tat-Tranżizzjoni Klimatika. Madankollu, id-definizzjoni ta’ armi kontroversjali f’dak ir-Regolament Delegat tikkawża wisq inċertezza u konfużjoni għall-amministraturi msemmija fir-Regolament (UE) 2016/1011, u jenħtieġ li tiġi ċċarata u ssimplifikata, b’mod partikolari minħabba li t-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom l-Istati Membri huma Parti ma jirreferux għal armi kontroversjali iżda pjuttost għal armi pprojbiti. |
|
(3) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ armi kontroversjali fir-Regolament Delegat (UE) 2020/1818 u li din tiġi sostitwita b’definizzjoni ta’ “armi pprojbiti” biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-konsistenza fil-ġabra ta’ regoli dwar il-finanzi sostenibbli u l-prattiki armonizzati mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Dan jista’ jsir filwaqt li jinżamm livell sikur ta’ esklużjonijiet f’konformità mal-objettiv tar-Regolament (UE) 2016/1011. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/1818 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(5) |
L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tista’ twassal għal effetti ġġustifikati fuq it-tranżazzjonijiet minn fondi li jiddependu fuq dawk l-indiċijiet ibbażati fuq il-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ma’ dawk tat-Tranżizzjoni Klimatika. Sabiex jiġu evitati disturbi fis-suq, jixraq li l-parametri referenzjarji eżistenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għal dawk il-bidliet, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1818 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 12(1) huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
jiżdied Anness f’konformità mat-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. .
Għandu japplika minn fir-rigward 30 ta’ Ġunju 2026 tal-parametri referenzjarji diġà eżistenti awtorizzati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj.
(2) JOIN/2025/120 final, 19 ta’ Marzu 2025.
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1818/oj).
ANNESS
“ANNESS
|
Isem it-trattat jew il-konvenzjoni li tipprojbixxi tip ta’ arma |
Tip ta’ arma pprojbita |
|
Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Bijoloġiċi (1972) |
Armi bijoloġiċi, kif definiti fl-ewwel artikolu tal-konvenzjoni. |
|
Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (1993) |
Armi kimiċi, kif definiti fit-tieni artikolu tal-konvenzjoni. |
|
Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta’ Mini Kontra l-Persunal (it-Trattat ta’ Ottawa) (1997) |
Mini kontra l-persunal, kif definiti fit-tieni artikolu tal-konvenzjoni. |
|
Il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi (2008) |
Munizzjon dispersiv, kif definit fit-tieni artikolu tal-konvenzjoni. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1775/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)