|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1774 |
18.12.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1774
tat-28 ta’ Awwissu 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/1078 fir-rigward tal-investimenti strateġiċi fil-qasam tad-difiża stabbiliti fil-linji gwida għall-investiment għall-Fond InvestEU
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(9) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Programm InvestEU għandu l-għan li jappoġġa l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 3 u 8, u fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/523. Dawn l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp, fost l-oħrajn, tal-industrija tad-difiża biex jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 14(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/523, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fl-ambitu ta’ kull waħda mit-twieqi ta’ politika msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament iridu jkunu konsistenti mal-linji gwida għall-investiment stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1078 (2) (il-“linji gwida għall-investiment” attwali), u abbażi tal-Artikolu 8(3) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/523. Fil-każ tal-investimenti strateġiċi fid-difiża, dawk il-linji gwida għall-investiment jistabbilixxu limitazzjonijiet fir-rigward tar-riċevituri finali kkontrollati minn pajjiż terz jew mill-entitajiet ta’ pajjiż terz u r-riċevituri finali li jkollhom il-ġestjoni eżekuttiva tagħhom barra mill-Unjoni bil-ħsieb li jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri. |
|
(3) |
Il-White Paper Konġunta dwar id-Difiża Ewropea – Prontezza 2030 (3) tenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittejjeb l-aċċess għall-kapital għall-kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, biex ikunu jistgħu jġibu s-soluzzjonijiet tagħhom fuq skala industrijali u jixprunaw iż-żieda industrijali li l-Unjoni qed tistinka għaliha. Is-settur finanzjarju juri interess dejjem akbar fid-difiża. Madankollu, is-settur tad-difiża jibqa’ suq li mhuwiex moqdi biżżejjed anke minħabba limitazzjonijiet fil-politiki ta’ investiment tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati. Il-mobilizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ ta’ InvestEU b’appoġġ għas-settur tad-difiża hija kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. |
|
(4) |
Abbażi tal-feedback li wasal mill-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ konsultazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet immirati mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ InvestEU u mal-Istati Membri, jidher li l-limitazzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida attwali għall-investiment fir-rigward tal-investimenti strateġiċi jistgħu jfixklu l-użu tal-fond InvestEU b’appoġġ għas-settur tad-difiża. Għalhekk, il-linji gwida attwali għall-investiment jenħtieġ li jibbenefikaw minn modifika mmirata sabiex ikunu mfassla bis-sħiħ għall-ispeċifiċitajiet ta’ InvestEU, jiġifieri garanzija baġitarja implimentata f’ġestjoni indiretta. Il-bidliet proposti se jiffaċilitaw l-użu ta’ InvestEU b’appoġġ għas-settur tad-difiża, filwaqt li jżommu biżżejjed salvagwardji għall-investimenti strateġiċi fid-difiża, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/523. |
|
(5) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti strateġiċi fid-difiża soġġett għal-limitazzjonijiet huwa definit fil-linji gwida attwali għall-investiment bħala teknoloġiji u prodotti tad-difiża identifikati fil-programm ta’ ħidma annwali għall-Fond Ewropew għad-Difiża. Din id-definizzjoni ġġib magħha kumplessità u inċertezza legali bla bżonn minħabba n-natura li qed tevolvi tal-programm ta’ ħidma tal-Fond Ewropew għad-Difiża. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni jenħtieġ li jiġi ssimplifikat billi ssir referenza għall-investimenti fit-teknoloġiji u l-prodotti tad-difiża żviluppati primarjament għal applikazzjonijiet militari. Tali simplifikazzjoni ttejjeb il-prevedibbiltà għas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ InvestEU u għall-intermedjarji finanzjarji billi tipprovdilhom metodoloġija ċara biex jidentifikaw jekk ir-riċevituri finali humiex soġġetti għal-limitazzjonijiet relatati ma’ pajjiżi terzi, inkluż biex jiġi ċċarat kif dawk il-limitazzjonijiet japplikaw għal teknoloġiji b’applikazzjonijiet tad-difiża u ċivili (b’użu doppju). |
|
(6) |
Il-linji gwida attwali għall-investiment jirrikjedu li sabiex tkun eliġibbli, entità kkontrollata minn pajjiż terz jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi għandha turi li l-Istat Membru li fih tkun stabbilita jkun approva garanzija f’konformità mal-prinċipji li jikkonċernaw l-entitajiet eliġibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża. Dik id-dispożizzjoni mhijiex imfassla għall-ispeċifiċitajiet ta’ InvestEU u tillimita l-użu tal-finanzjament. Jidher li l-garanziji approvati minn Stat Membru fl-ambitu ta’ programm tad-difiża li jkun irċieva l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni huma biżżejjed biex jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-Fond InvestEU. Jenħtieġ li l-entitajiet li ma jistgħux jissodisfaw dawn il-kriterji biss ikunu meħtieġa jippreżentaw garanzija speċifikament fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ InvestEU. Din l-emenda għandha l-għan li tiċċara l-implimentazzjoni tal-Fond InvestEU b’appoġġ għall-entitajiet stabbiliti fl-UE u kkontrollati minn entitajiet mhux tal-UE. Tali garanziji jistgħu, skont il-każ, jiddependu fuq il-miżuri ta’ mitigazzjoni imposti mill-Istat Membru li jiskrinja l-akkwist ta’ kontroll ta’ tali entitajiet legali minn pajjiż terz ieħor jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz, jew għall-benefiċċju tiegħu, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(7) |
Il-linji gwida attwali għall-investiment jistabbilixxu li fir-rigward tal-investimenti strateġiċi fid-difiża, il-limitazzjonijiet relatati mal-kontroll tar-riċevituri finali huma estiżi wkoll għall-fornituri u s-sottokuntratturi tagħhom. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ mhuwiex adattat għat-tip ta’ finanzjament ipprovdut fl-ambitu ta’ InvestEU u jista’ jimpedixxi l-użu tal-finanzjament ta’ InvestEU billi jimponi piż amministrattiv bla bżonn. Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess amministrattiv tal-finanzjament ta’ InvestEU u biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-finanzjament ta’ InvestEU jkunu mfassla għall-istrumenti ta’ finanzjament tad-dejn u tal-ekwità, ir-referenza għall-fornituri fil-każ ta’ kontroll minn pajjiżi terzi jenħtieġ li titneħħa mil-linji gwida għall-investiment. |
|
(8) |
Il-limitazzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida attwali għall-investiment fir-rigward tal-investimenti strateġiċi jirrestrinġu għal livell mhux neċessarju, l-eliġibbiltà tal-entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi assoċjati jew ikkontrollati minn pajjiżi terzi assoċjati jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Biex jiġi żgurat trattament ugwali mal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm InvestEU, u biex jiġi allinjat il-prinċipju għall-entitajiet eliġibbli stabbilit fil-Fond Ewropew għad-Difiża kif ukoll fi programmi oħra tad-difiża li fihom l-Unjoni hija kontributur finanzjarju, il-linji gwida attwali għall-investiment jenħtieġ li jiġu adattati biex jiġi żgurat li jiġu applikati limitazzjonijiet fir-rigward tal-entitajiet stabbiliti jew ikkontrollati minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi. |
|
(9) |
Skont il-linji gwida attwali għall-investiment, sa 5 snin wara d-data tal-iżborż finali tal-finanzjament, ir-riċevituri finali tal-investimenti strateġiċi fid-difiża ma jistgħux jilliċenzjaw jew jittrasferixxu b’mod esklussiv id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal teknoloġiji kritiċi relatati u teknoloġiji strumentali għas-salvagwardja tal-interess essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jirriżultaw direttament minn dawk l-investimenti strateġiċi lil pajjiżi terzi jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi, sakemm ma jkunux approvati mill-Istat Membru li fih ikun stabbilit ir-riċevitur finali. L-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni toħloq sfidi u konġestjonijiet sinifikanti fl-Istati Membri u għalhekk tfixkel l-użu ta’ InvestEU b’appoġġ għad-difiża billi tirrikjedi lill-Istati Membri jimplimentaw forom ġodda ta’ kontroll, lil hinn mill-mekkaniżmi eżistenti, bħal pereżempju għall-esportazzjoni ta’ oġġetti militari jew l-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin. Sabiex jiġu indirizzati dawk id-diffikultajiet, il-linji gwida attwali għall-investiment jenħtieġ li jiġu modifikati biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jkunu soġġetti biss għal mekkaniżmi ta’ kontroll eżistenti implimentati mill-Istati Membri li fihom ikunu stabbiliti, filwaqt li l-operazzjoni ta’ finanzjament u ta’ investiment tkun koperta mill-garanzija tal-UE. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/1078 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1078 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/523/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1078 tal-14 ta’ April 2021 li jissupplementa r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-linji gwida għall-investiment għall-Fond InvestEU (ĠU L 234, 2.7.2021, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1078/oj).
(3) JOIN/2025/120 final, id-19 ta’ Marzu 2025.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/452/oj).
ANNESS
Il-Punt 2.10 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1078 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.10. Investimenti strateġiċi
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment fl-ambitu ta’ InvestEU jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet li huma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2021/523. Attivitajiet bħal dawn għandhom jitqiesu bħala investimenti strateġiċi jekk:
|
(a) |
ikunu jikkonċernaw proġetti u riċevituri finali assoċjati ma’ riskji għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha jew il-pajjiżi assoċjati mal-programm InvestEU (“il-pajjiżi assoċjati”), b’mod partikolari investimenti fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju u ċ-ċibersigurtà:
jew |
|
(b) |
jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-Unjoni f’oqsma ta’ importanza strateġika għaliha, kif stabbilit fit-taqsimiet 6.1.1.8, 6.2.1.1 u 6.4.1.1, billi jsostnu u jsaħħu l-ktajjen tal-valur strateġiċi u jżommu u jsaħħu l-attivitajiet ta’ importanza strateġika għall-Unjoni, inklużi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI, Important Projects of Common European Interest), fl-oqsma tal-infrastruttura kritika, it-teknoloġiji trasformattivi, l-innovazzjonijiet radikali u l-inputs għan-negozji u l-konsumaturi. |
Għal operazzjonijiet diretti, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jiżgura li l-investimenti strateġiċi jirrispettaw il-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi ta’ hawn taħt. Għal operazzjonijiet indiretti, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għandu jirrikjedi kuntrattwalment li l-intermedjarju finanzjarju jiżgura l-konformità mal-istess limitazzjonijiet.
Japplikaw limitazzjonijiet għar-riċevituri finali li jaqgħu taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu, ħlief fil-każ ta’ operazzjonijiet diretti ta’ inqas minn EUR 10 000 000 u tranżazzjonijiet taħt operazzjonijiet indiretti ta’ inqas minn EUR 10 000 000.
Għall-finijiet tal-limitazzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima:
|
(a) |
“kontroll” tfisser il-kapaċità li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entità legali intermedja waħda jew aktar; |
|
(b) |
“ġestjoni eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità legali maħtur f’konformità mal-liġi nazzjonali, u, fejn applikabbli, li jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, jew lil kwalunkwe persuna oħra b’setgħa deċiżjonali komparabbli, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità legali, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-maniġment; |
|
(c) |
“pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità legali stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew, meta tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, ikollha l-ġestjoni eżekuttiva tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat. Il-post tal-istabbiliment tal-entità legali huwa ddeterminat mill-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha. |
Riċevitur finali li jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu għandu jkollu l-ġestjoni eżekuttiva tiegħu fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u ma għandux ikun ikkontrollat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entitajiet ta’ pajjiż terz mhux assoċjat.
Jekk ir-riċevitur finali li jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu jkun involut f’investiment strateġiku fil-qasam tal-konnettività 5G, il-miżuri u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskju, skont is-Sett ta’ Għodod għaċ-Ċibersigurtà tal-5G (*1) għandhom japplikaw ukoll għall-fornituri tiegħu. Tali fornituri, partikolarment bejjiegħa u manifatturi ta’ apparat tat-telekomunikazzjoni u fornituri terzi oħra, bħall-fornituri tal-infrastruttura tal-cloud, il-fornituri ta’ servizzi ġestiti, l-integraturi tas-sistemi, il-kuntratturi tas-sigurtà u tal-manutenzjoni, il-manifatturi tat-tagħmir tat-trażmissjoni.
B’deroga, entità legali li taqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu involuta f’investiment strateġiku fid-difiża, li jkollha l-ġestjoni eżekuttiva tagħha fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u li tkun soġġetta għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għandha tkun eliġibbli biex tkun riċevitur f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
— |
Turi li rċeviet garanzija, approvata mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih hija stabbilita, fl-ambitu ta’ programm tad-difiża li jkun irċieva l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE (*2); |
|
— |
Turi li, speċifikament għall-fini tal-operazzjoni, tkun irċeviet garanzija, approvata mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita fil-ħin. Il-garanzija għandha tipprovdi assigurazzjonijiet li l-involviment ta’ tali entità legali f’azzjoni ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/523. Il-garanzija għandha b’mod partikolari tissostanzja li, għall-fini tal-operazzjoni: hemm miżuri fis-seħħ biex jiġi żgurat li:
|
B’deroga, entità legali li taqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu involuta f’investiment strateġiku fl-ispazju, li jkollha l-ġestjoni eżekuttiva tagħha fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u li tkun soġġetta għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, għandha tkun eliġibbli biex tkun riċevitur finali jekk tkun irċeviet l-eżenzjoni tal-Kummissjoni mogħtija f’konformità mal-prinċipji li jikkonċernaw l-entitajiet eliġibbli stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/696.
Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jeħtieġlu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deroga mogħtija għal-limitazzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima 2.10.
Filwaqt li l-operazzjoni ta’ finanzjament u ta’ investiment tkun koperta mill-garanzija tal-UE, ir-riċevitur finali li jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu għandu jirċievi l-approvazzjonijiet rilevanti mill-Istati Membri jew mill-pajjiż assoċjat li fih ikun stabbilit, skont il-proċeduri nazzjonali eżistenti tagħhom, sabiex jittrasferixxi s-sjieda jew jagħti liċenzja esklussiva lil pajjiżi terzi mhux assoċjati jew lil entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, meta tali drittijiet jirriżultaw direttament minn dawk l-operazzjonijiet.”
(*1) Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, Cybersecurity of 5G networks EU Toolbox of risk mitigating measures, Jannar 2020, https://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=64468
(*2) Dan jinkludi, fost l-oħrajn, il-programmi li ġejjin:”
|
— |
ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj); |
|
— |
ir-Regolament (UE) 2021/697; |
|
— |
ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj); |
|
— |
ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj); |
|
— |
ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1774/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)