|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1768 |
2.9.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1768
tas-7 ta’ Mejju 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/803 fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-fornituri ta’ tape konsolidat
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38k(10) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/803 (2) jispeċifika r-regoli ta’ proċedura li japplikaw għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”, European Securities and Markets Authority) għall-eżerċizzju tas-setgħa li timponi multi, kif imsemmi fl-Artikolu 38h tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, kif imsemmi fl-Artikolu 38i ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (“DRSPs”, Data Reporting Service Providers). Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat kien limitat għal arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati u mekkaniżmi ta’ rapportar approvati soġġetti għas-superviżjoni mill-ESMA. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat ma kienx ikopri DRSPs oħra soġġetti għas-superviżjoni mill-ESMA, inklużi fornituri ta’ tape konsolidat (“CTPs”, Consolidated Tape Providers). Dak il-kamp ta’ applikazzjoni limitat kien dovut għan-nuqqas ta’ DRSPs li jipprovdu servizzi ta’ tape konsolidat fl-Unjoni u għar-rieżami pendenti tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li ġie emendat bir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-riforma tal-MiFIR”). Ir-riforma tal-MiFIR daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 2024. |
|
(2) |
Ir-riforma tal-MiFIR neħħiet l-ostakli għall-ħolqien ta’ CTPs fl-Unjoni u stabbiliet skeda ta’ żmien għall-għażla u l-awtorizzazzjoni mill-ESMA ta’ CTP għall-bonds, CTP għall-ishma u fondi nnegozjati fil-borża u CTP għal derivattivi barra l-borża. Fid-dawl tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ CTPs li jmiss, huwa meħtieġ li jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/803 biex jiġi żgurat li jkopri t-tipi kollha ta’ DRSPs soġġetti għas-superviżjoni mill-ESMA, inklużi s-CTPs. |
|
(3) |
Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2022/803 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2022/803
L-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/803 huwa emendat kif ġej:
“Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament Delegat japplika għal ‘fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data’, jew ‘DRSPs’, kif definiti fl-Artikolu 2(1)(36a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li huma soġġetti għas-superviżjoni mill-ESMA.”;
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/803 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq rigward il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (ĠU L 145, 24.5.2022, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 fir-rigward tat-tisħiħ tat-trasparenza tad-data, l-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-emerġenza ta’ tapes konsolidati, l-ottimizzazzjoni tal-obbligi ta’ negozjar u l-projbizzjoni li jiġi riċevut pagament għall-fluss tal-ordnijiet (ĠU L, 2024/791, 8.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/791/oj)
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1768/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)